Tarbija kif Għandha Torqod?
ĦAFNA trabi madwar id-dinja mietu bħala riżultat tas-Sudden Infant Death Syndrome (meta tarbija tmut f’daqqa) (SIDS). Fl-istati Uniti, din hi l-iktar ħaġa li tikkaġuna mwiet fost it-trabi taʼ bejn ix-xahar u t-tnax-il xahar. Hemm xi mod li bih jistaʼ jitnaqqas ir-riskju? Skond The Journal of the American Medical Association (JAMA), ir-riċerka taʼ dawn l-aħħar snin tindika li r-riskju tas-SIDS jidher li jonqos b’mod sinjifikanti meta t-trabi jorqdu wiċċhom ’il fuq minflok ma jorqdu wiċċhom ’l isfel. Diversi pajjiżi ħolqu programmi biex bihom jagħmlu lill-ġenituri konxji tal-konnessjoni li hemm bejn il-pożizzjoni taʼ l-irqad u s-SIDS. Fl-Awstralja, fl-Ingilterra, fid-Danimarka, fi New Zealand, u fin-Norveġja, is-SIDS naqset minn taʼ l-inqas b’50 fil-mija wara li saru kampanji pubbliċi għal madwar sena jew sentejn biex jippromwovu li t-trabi jraqqduhom wiċċhom ’il fuq.
Eżattament kif il-fatt li tarbija torqod wiċċha ’l isfel huwa konness mas-SIDS m’huwiex magħruf, imma xi riċerkaturi jissuġġerixxu li din il-pożizzjoni taʼ li jorqdu b’wiċċhom ’l isfel tistaʼ tirriżulta f’li t-tarbija terġaʼ ddaħħal l-arja li hi stess tkun ħarġet ’il barra, u b’hekk tkun qed iżżid il-livell tal-carbon dioxide fid-demm tagħha. Ġisem it-tarbija jistaʼ wkoll jisħon iżżejjed minħabba li meta tkun wiċċha ’l isfel is-sħana ma tinfirixx. Hu x’inhu l-każ, it-trabi li jorqdu b’wiċċhom ’il fuq jew ’l isfel għandhom it-tendenza li jibqgħu fl-istess pożizzjoni. L-istudji jissuġġerixxu wkoll li jekk tpoġġi tarbija normali u b’saħħitha wiċċha ’l fuq hu aħjar milli tpoġġiha la ġenba.
L-ommijiet għala jippreferu ċertu pożizzjoni taʼ l-irqad iktar minn oħra? JAMA jinnota li l-ommijiet taʼ spiss jagħmlu dan sempliċement skond kif ikunu mdorrijin— lit-tarbija tagħhom iqegħduha bil-mod kif kienet tqegħedha ommhom stess jew oħrajn fil-komunità tagħhom. Jew għandhom mnejn jadottaw il-mod kif jagħmluhom fl-isptar. Xi ommijiet iħossu wkoll li t-trabi tagħhom jippreferu jew jorqdu aħjar f’pożizzjoni partikulari. Ħafna ommijiet b’mod konsistenti jpoġġu lit-trabi wiċċhom ’il fuq għall-ewwel xahar imma mbagħad ibiddlu u jagħmluhom wiċċhom ’l isfel. “Din it-tendenza hija inkwetanti,” jistqarr JAMA, “għaliex ir-riskju tas-SIDS huwa l-ogħla fost it-trabi taʼ bejn ix-xahrejn u t-tliet xhur.” It-tobba qed jagħmlu ħilithom kollha biex jinformaw lill-ġenituri li għandhom trabi żgħar dwar dak li jgħidu huma li hija miżura sempliċi u effettiva biex tnaqqas ir-riskju tas-SIDS—li t-trabi b’saħħithom jitpoġġew wiċċhom ’il fuq.a
[Nota taʼ taħt]
a Jekk tarbija tbati minn marda respiratorja jew tkun ittellaʼ ħafna b’mod li mhux normali, ikun għaqli li jiġi kkonsultat it-tabib dwar l-aħjar pożizzjoni taʼ l-irqad.