Ħarsa Lejn Id-dinja
Qatt m’Hu Tard Wisq biex Tieqaf
Fi studju li ilu sejjer 40 sena nstab li n-nies li jieqfu jpejpu, saħansitra fl-età taʼ 60 sena, inaqqsu ħafna r-riskju li jiżviluppaw kanċer, tirrapporta d-Daily Telegraph tal-Britannja. Il-professur Julian Peto, mill-Istitut tar-Riċerka dwar il-Kanċer f’Sutton, l-Ingilterra, jgħid: “Is-sena l-oħra sirna nafu eżatt kemm verament jagħmel ħsara t-tipjip, li joqtol nofs u mhux kwart taʼ dawk li jpejpu bħalma konna naħsbu qabel, imma sirna nafu wkoll kemm huma verament kbar il-benefiċċji taʼ li wieħed jieqaf [ipejjep], saħansitra taʼ età kbira.” It-tfal qed jiġu mwissijin il-ħin kollu dwar il-periklu tat-tipjip. Madankollu, nies akbar għandhom bżonn ikunu jafu li jekk jieqfu jpejpu jistgħu jnaqqsu ħafna r-riskju tagħhom li jiżviluppaw kanċer fil-pulmun, jindika Peto.
Kif Tirbaħ il-Mistħija
Skond it-Toronto Star tal-Kanada, “madwar 13 fil-mija taʼ l-adulti għandhom mistħija żejda.” Il-gazzetta tirrapporta li din “iżżommhom lura milli jgħixu ħajja mimlija.” Xi esperti taw informazzjoni dwar kif tirbaħ il-mistħija: “Aħseb dwar kif tistaʼ tibda konversazzjoni bl-għajnuna taʼ ġrajjiet ġodda, artikli f’xi rivista, kotba, passatempi jew films.” “Ipprattika abbiltajiet taʼ komunikazzjoni verbali kif ukoll mhux verbali, inkluż kuntatt bl-għajnejn [u] li tkun semmiegħ attiv.” “Ġiegħel lilek innifsek tagħmel affarijiet li tibżaʼ tagħmel.” “Jekk int ġenitur taʼ tifel mistħi, huwa importanti li tipprovdi ħafna opportunitajiet għaż-żagħżugħ tiegħek biex jassoċja.” L-inkuraġġiment kien biex wieħed ma jaqtax qalbu, għaliex l-esperjenza turi li iktar ma wieħed jipprova jirbaħ il-mistħija, iktar issir faċli għalih.
It-Tardigrade Tant Qawwi
It-tardigrade, annimal taʼ inqas minn nofs millimetru tul, huwa maħsub li hu l-iktar forma taʼ ħajja fuq l-art li hi b’saħħitha, tirrapporta r-rivista New Scientist. Normalment jissejjaħ ors taʼ l-ilma minħabba l-apparenza mbaċċa tiegħu taħt il-mikroskopju, dan għandu tmien saqajn u jidher qisu miksi b’armatura tal-metall. Jistaʼ jirreżisti temperaturi minn -270 grad Celsius sa 151 grad Celsius, ikun espost għal xi X rays jew xi vacuum, u għal pressjonijiet sitt darbiet iktar minn dawk f’qiegħ l-iktar oċean fond. Dan tistaʼ ssibu fil-katusi tas-soqfa u bejn l-ixquq fiċ-ċangaturi taʼ l-art. Ftit minn dawn il-ħlejjaq żgħar li kienu f’kollezzjonijiet taʼ ħażiż niexef fil-mużewijiet, saħansitra reġgħu ħadu l-ħajja wara li kien ilhom reqdin għal iktar minn 100 sena. X’inhu li jagħmel dan possibbli? Huwa l-istat taʼ sospensjoni temporanja tal-funzjonijiet vitali meta “l-volum tal-ġisem jitnaqqas b’50 fil-mija jew iktar, flimkien maʼ kważi telf totali taʼ ilma,” jgħid il-Professur Kunihiro Seki, mill-Università taʼ Kanagawa, fil-Ġappun.
Togħla r-Rata taʼ l-Illetterati fid-Dinja
“Kważi wieħed minn kull sitta mill-5.9 t’elef miljun ruħ fid-dinja ma jafux jaqraw jew jiktbu,” tirrapporta The New York Times. Skond il-Fond tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal (UNICEF), ir-rata taʼ l-illetterati hi mistennija li togħla. Għala? Għaliex tlieta minn kull erbat itfal fl-iktar ġnus foqra tad-dinja ma jmorrux l-iskola fil-preżent. Minbarra li qed jikkaġunaw problemi ekonomiċi mad-dinja kollha, il-konflitti etniċi ċaħdu edukazzjoni lil miljuni taʼ tfal. Il-gwerer mhux biss qed jeqirdu l-iskejjel imma jġagħlu wkoll lil ħafna tfal isiru suldati minflok studenti. M’għandniex xi ngħidu, l-illetterati jikkontribwixxu għall-problemi soċjali wkoll. Ir-rapport taʼ l-UNICEF bit-titlu The State of the World’s Children 1999 jgħid li hemm relazzjoni diretta bejn l-illetterati u r-rati tat-twelid. Per eżempju, f’pajjiż wieħed fl-Amerka t’Isfel, “nisa illetterati għandhom medja taʼ 6.5 tfal, u ommijiet b’edukazzjoni sekondarja għandhom medja taʼ 2.5 tfal,” qalet it-Times.
L-Ażżma Qed Tiżdied
Rapporti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa jindikaw li f’dawn l-aħħar għaxar snin, mad-dinja kollha kien hemm 40 fil-mija żjieda kemm fil-prevalenza taʼ l-ażżma u kemm fir-rata tan-nies li ddaħħlu l-isptar minħabba din il-marda. Għala kien hemm din iż-żjieda? Membri taʼ l-American College of Chest Physicians ippontaw lejn iż-żjieda drammatika t’annimali domestiċi, flimkien mat-tendenza kurrenti t’għajxien f’postijiet magħluqin u mhux arjużi. L-attakki taʼ l-ażżma jistgħu jkunu kaġunati mill-“qoxra rqiqa taʼ l-annimali (ġilda, pil u rix), dud tat-trab, moffa, duħħan tas-sigaretti, trab tal-fjuri, kontaminazzjoni taʼ l-ambjent u rwejjaħ qawwijin,” tgħid The Toronto Star. Iżda, l-iktar ħaġa li tikkawża allerġija hi l-qoxra rqiqa tal-qtates. Il-gazzetta qalet li l-ażżma hija taʼ tħassib partikulari għaliex il-biċċa l-kbira taʼ l-imwiet li tikkaġuna jistgħu jiġu evitati. Fil-preżent, hemm madwar 1.5 miljun ruħ li jbatu bl-ażżma fil-Kanada, u madwar 500 ruħ imutu kull sena b’din il-marda.
Aggressjoni Kontra n-Nisa
“Fil-Brażil, 63 fil-mija taʼ l-aggressjonijiet fiżiċi kollha kontra n-nisa jseħħu fid-dar, u terz minnhom biss jiġu rapportati,” tistqarr il-gazzetta O Globo. Il-gazzetta żżid: “Il-vjolenza domestika tinvolvi prinċipalment nisa fqar, imma dawn huma dawk li fil-biċċa l-kbira jirrapportaw l-aggressjoni lill-pulizija. In-nisa sinjuri bilkemm jidhru fl-istatistiċi.” Pajjiżi oħrajn jirrapportaw statistiċi simili. Per eżempju, skond stħarriġ pubblikat mid-Dipartiment tal-Ġustizzja taʼ l-Istati Uniti, “iktar minn nofs in-nisa kollha fl-Istati Uniti ġew attakkati fiżikament f’xi żmien f’ħajjithom, u kważi 1 minn kull 5 ġew stuprati jew sfaw vittma t’attentat taʼ stupru,” jgħid is-servizz taʼ l-aħbarijiet Reuters. Bħalma tgħid Donna Shalala, is-Segretarja tad-Dipartiment tas-Servizzi Umani u tas-Saħħa taʼ l-Istati Uniti: “Kull numru f’dan l-istħarriġ jirrappreżenta lit-tfal bniet tagħna, lil ommijietna, u lill-ġirien tagħna.”
Ipproteġi lil Qalbek
“Aħna ilna nafu li s-sħana żżid ir-riskju taʼ l-attakki tal-qalb—imma issa sirna nafu li anki l-kesħa tagħmel hekk,” jgħid Dr. Anthony Graham, kardjologu u kelliemi għall-Heart and Stroke Foundation taʼ Ontario, fil-Kanada. Bħalma ġie rapportat fil-gazzetta The Globe and Mail, studju li dam sejjer għaxar snin dwar 250,000 raġel fi Franza juri li bidla t’għaxar gradi fit-temperaturi medji sew ’il fuq u sew ’l isfel “iżżid ir-riskju taʼ l-ewwel attakk tal-qalb bi 13 fil-mija.” Meta t-temperaturi jinżlu, il-qalb taħdem b’iktar diffikultà u b’rata iktar mgħaġġla għaliex id-demm jiġi xxiftjat mill-ġilda lejn partijiet iktar fondi tal-ġisem sabiex iżomm is-sħana. Ir-riskju jikber meta n-nies jitħabtu żżejjed jew ma jilbsux ħwejjeġ addattati. Dr. Graham iwissi: “Ma tistax tqattaʼ ħames xhur ma tagħmel xejn u mbagħad f’daqqa waħda toħroġ barra u timpala s-silġ fil-kesħa. Trid tiħodha bil-mod il-mod.”
Wassal il-Messaġġ Tiegħek
Ikun kemm ikun importanti l-messaġġ tiegħek, il-biċċa l-kbira tan-nies ma jkunux iridu jagħtuk widen jekk ma jogħġobhomx il-mod kif titkellem, tgħid l-esperta vokali Dr. Lillian Glass. Bħalma ġie rapportat fil-gazzetta The Citizen taʼ l-Afrika t’Isfel, kliem minn taħt l-ilsien, grammatika batuta, ton taʼ vuċi monotonu, kliem maħtuf, kliem profan, u l-immonopolizzar tal-konversazzjoni, kollha jiskuraġġixxu lis-semmiegħa. Min-naħa l-oħra, in-nies normalment joqogħdu jisimgħuk jekk int titbissem u ġġagħalhom iħossuhom rilassati, titkellem ċar u bil-mod, tħares lejhom meta titkellem, u tagħti widen bir-reqqa għall-opinjoni tagħhom mingħajr ma tinterrompihom. “Aħseb qabel ma titkellem,” iżid l-artiklu, “u se tkun iktar kunfidenti f’li tesprimi lilek innifsek.”
Il-Lingwa Qed Tiġi Estinta
“Xi kultant tgħidx kemm nirrabja miegħi nnifsi talli m’għallimtx din il-lingwa lil uliedi,” tgħid il-Prinċipal Marie Smith Jones, l-aħħar waħda fil-kultura tagħha li titkellem il-lingwa taʼ l-Eyak, taʼ l-Alaska. Minn kif inhuma sejrin l-affarijiet, hemm indikazzjoni li mis-6,000 lingwa mitkellma mad-dinja kollha, bejn 40 u 50 fil-mija minnhom jistgħu jgħibu sas-seklu li ġej. L-Awstralja, li darba kellha 250 lingwa, diġà naqsulha għal madwar 20. Dan għala qed jiġri? Ir-rivista Newsweek tissuġġerixxi li l-lingwi qed “jintesew minħabba li qed jinfirxu l-Ingliż u lingwi ‘magħrufin’ oħra.” Il-professur Stephen Wurm, l-editur taʼ l-Atlas of the World’s Languages in Danger of Disappearing, pubblikat mill-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tal-Ġnus Magħquda, iżid: “Taʼ spiss ħafna huma taʼ l-opinjoni li għandhom jintesew dawk il-lingwi ‘mhux daqshekk magħrufin,’ il-lingwi tal-minoranzi, għaliex dawn m’għandhom ebda valur.”
Kellem lit-Tarbija Tiegħek
Li titkellem mat-trabi għallinqas nofs siegħa kuljum jistaʼ jżid b’mod sinjifikanti l-intelliġenza u l-abbiltajiet lingwistiċi tagħhom, tirrapporta d-Daily Telegraph taʼ Londra. Riċerkaturi għamlu studju dwar 140 tarbija taʼ disaʼ xhur. Nofs il-ġenituri tal-grupp ngħataw pariri dwar l-aħjar mod li jkellmu lit-trabi tagħhom, waqt li n-nofs l-ieħor ma rċivew l-ebda suġġeriment. Wara sebaʼ snin “il-medja taʼ l-intelliġenza tal-grupp [li kienu jkellmuhom] kienet taʼ sena u tliet xhur iktar avanzata mill-grupp l-ieħor,” u l-abbiltajiet lingwistiċi tagħhom kienu “ferm u ferm ogħla,” jistqarr ir-rapport. Ir-riċerkatriċi Dr. Sally Ward temmen li llum il-ġenituri lit-trabi tagħhom ikellmuhom inqas milli kienu jagħmlu fil-passat minħabba tibdiliet kbar fis-soċjetà. Per eżempju, iktar ommijiet qed joħorġu jaħdmu, u l-vidjotejps ħadu post il-konversazzjoni f’ħafna djar.