Destin jew biss Kumbinazzjoni?
ID-DESTIN lil ħafna ħadilhom ħajjithom u lil oħrajn ħafirhielhom,” iddikjarat l-International Herald Tribune. Is-sena l-oħra, attakki terroristiċi fuq ambaxxati Amerikani fil-Kenja u t-Tanzanija qatlu kważi mitejn ruħ u darbu mijiet. Madankollu, “il-ħin taʼ l-isplużjoni ħelisha lid-diplomatiċi l-iktar għoljin taʼ l-ambaxxata,” osservat il-gazzetta.
Dawn salvaw minħabba li kellhom laqgħa f’parti tal-bini li kienet ’il bogħod minfejn seħħet l-isplużjoni. Imma wieħed uffiċjal għoli fl-ambaxxata, li normalment kien ikun preżenti għal-laqgħa imma m’attendiex, kien qiegħed xi mkien iktar viċin taʼ l-isplużjoni u miet.
“Id-destin kien ukoll wieħed kiefer għal Arlene Kirk,” stqarret il-gazzetta. Hi u sejra lura lejn il-Kenja mill-vaganzi, Arlene offriet li ċċedi postha lil xi ħaddieħor fuq l-ajruplan, minħabba li kien hemm wisq nies li bbukkjaw. Madankollu, passiġġieri oħrajn laħqu offrew li jċedu posthom qabilha, u b’hekk ippermettewlha li titlaʼ fuq l-ajruplan. B’riżultat taʼ dan, hi reġgħet daħlet għax-xogħol fl-ambaxxata dak in-nhar taʼ l-isplużjoni u mietet.
Il-bniedem imdorri bih il-gwaj. Madankollu, qatt m’hu faċli li tispjega għala tiġri xi traġedja. Darba wara l-oħra, f’inċidenti u katastrofijiet madwar id-dinja kollha, xi wħud imutu waqt li oħrajn isalvaw. Però, m’huwiex biss fi żminijiet taʼ diżastru li xi wħud jistaqsu, ‘Għala kellha tiġri lili?’ Saħansitra fejn jidħlu l-affarijiet sbieħ tal-ħajja, xi wħud donnhom ikollhom opportunitajiet aħjar minn t’oħrajn. Filwaqt li għal ħafna l-ħajja hija ġlieda kontinwa, donnu li oħrajn kollox jiġihom sew. B’hekk, għandek mnejn tistaqsi, ‘Jistaʼ jkun li dan kollu kien ippjanat b’xi mod jew ieħor? Hija ħajti kontrollata mid-destin?’
It-Tfittxija għal Spjegazzjonijiet
Xi 3,000 sena ilu, sultan għaref osserva ħafna affarijiet jiġru madwaru bla mistenni. Hu offra din l-ispjegazzjoni għal dawn il-ġrajjiet: “F’kollox jidħol iż-żmien u ċ-ċirkustanzi.” (Koħèlet 9:11) Xi drabi jiġri dak li ma jkunx mistenni. M’hemm assolutament ebda mod kif dan tkun tafu minn qabel. Ġrajjiet rimarkevoli, kemm sbieħ u kemm koroh, taʼ spiss ikunu biss kwistjoni taʼ ħin.
Madankollu, jistaʼ jkun li għandek l-istess ħarsa taʼ dawk li minflok ma jispjegaw l-affarijiet bħala l-prodott taʼ kumbinazzjoni jaħsbu li hemm forza oħra involuta—id-destin. It-twemmin fid-destin jew fix-xorti huwa wieħed mill-iktar twemmin reliġjuż antik u mifrux maʼ kullimkien. Il-Professur François Jouan, direttur taċ-Ċentru għar-Riċerka Mitoloġika fl-Università taʼ Pariġi, jgħid: “M’hemmx era jew ċivilizzazzjoni waħda li fiha ma kienx jeżisti twemmin f’xi sid divin tad-destini . . . biex jispjega dak kollu li hu inspjegabbli fl-eżistenza tagħna.” Dan hu għala hija xi ħaġa komuni li tismaʼ lin-nies jgħidu: “Ma kinitx miktuba għalih” jew, “Hekk kellu jkun.” Imma x’inhu d-destin?
Id-Definizzjoni tad-Destin
Il-kelma Ingliża għal destin, “fate,” ġejja mill-kelma Latina fatum, li tfisser “dikjarazzjoni profetika, oraklu, xi ħaġa determinata divinament.” Filwaqt li xi drabi hu maħsub li hemm xi forza li tiddetermina l-futur b’mod li ma jistax jiġi evitat u spjegat, fil-biċċa l-kbira hu maħsub li din il-forza hija xi alla.
L-istorjografu tar-reliġjon Helmer Ringgren jispjega: “Element essenzjali fl-attitudni reliġjuża huwa s-sentiment li d-destin tal-bniedem m’huwiex bla sens jew b’kumbinazzjoni, imma li hu kaġunat minn qawwa li r-rieda u l-intenzjoni jistgħu jiġu attribwiti lilha.” Waqt li taʼ spiss hu maħsub li jistaʼ jkun hemm xi grad taʼ intervent, ħafna nies jaraw lill-bnedmin bħala pupi li m’għandhom ebda kontroll fuq dak li jsir minnhom. B’hekk huma jgħaddu minn dak li jkun ‘miktub għalihom.’
It-teoloġi u l-filosfi ilhom ħafna jipprovaw jispjegaw id-destin. The Encyclopedia of Religion tgħid: “Il-konċett ġenerali tad-destin, ikun taʼ liema varjazzjoni, lingwa jew tifsira jkun, dejjem iġorr element bażiku taʼ misteru.” Iżda, element wieħed li huwa dejjem preżenti ġewwa l-labirint taʼ ideat huwa l-idea taʼ potenza ogħla li tikkontrolla u tidderieġi l-affarijiet tal-bnedmin. Hu maħsub li din il-forza tifforma minn qabel il-ħajja taʼ l-individwi u tan-nazzjonijiet, u b’hekk tagħmel il-futur inevitabbli daqs il-passat.
Fattur Determinanti
Tagħmel xi differenza jekk temminx fid-destin jew le? “Iċ-ċirkustanzi tal-ħajjiet tan-nies jikkontribwixxu ħafna biex tiġi determinata l-filosofija tagħhom, imma, mill-banda l-oħra, il-filosofija tagħhom tikkontribwixxi ħafna biex tiddetermina ċ-ċirkustanzi tagħhom,” kiteb il-filosfu Ingliż Bertrand Russell.
Tabilħaqq, it-twemmin fid-destin—sew jekk dan jeżisti u sew jekk le—jistaʼ jiddetermina kif aħna naġixxu. Minħabba li jemmnu li hija r-rieda taʼ l-allat, ħafna b’mod passiv jaċċettaw is-sitwazzjoni tagħhom—tkun kemm tkun inġusta jew oppressiva—bħallikieku kienet ix-xorti li tmiss lilhom fil-ħajja, li ma tinbidilx. B’hekk it-twemmin fid-destin idgħajjef il-konċett taʼ responsabbiltà persunali.
Mill-banda l-oħra, it-twemmin fid-destin immotiva lil oħrajn fid-direzzjoni opposta. Per eżempju, l-istorjografi sabu li hemm għadd taʼ fatturi li kienu responsabbli għall-iżvilupp tal-kapitaliżmu u tar-rivoluzzjoni industrijali. Fosthom kien hemm it-twemmin fil-predestinazzjoni. Xi reliġjonijiet Protestanti għallmu li Alla jippredestina l-individwi għas-salvazzjoni. Is-soċjologu Ġermaniż Max Weber jgħid: “Il-mistoqsija, Jien wieħed mill-magħżulin? żgur li xi darba jew oħra ġiet f’moħħ kull kredent.” Xi individwi pprovaw isiru jafu jekk kellhomx il-barka t’Alla u allura kinux destinati għas-salvazzjoni. Weber argumenta li dan għamluh permezz t’“attività tad-dinja.” Is-suċċess fin-negozju u l-akkumular tal-ġid kienu jqisuhom bħala sinjali tal-favur t’Alla.
It-twemmin fid-destin iġiegħel lil xi wħud jieħdu azzjoni drastika. Fit-tieni gwerra dinjija, piloti suwiċidi Ġappuniżi kienu jemmnu fil-kamikaze, jew “riħ divin.” L-idea li l-allat kellhom skop u li kien possibbli li huma jkollhom sehem fih tat ton reliġjuż lil mewta waħxija. Fl-għaxar snin li għaddew, fil-Lvant Nofsani, nies li wettqu splużjonijiet suwiċidi taʼ spiss kienu s-suġġett taʼ rapporti prominenti fil-ġurnali minħabba l-attakki tal-biżaʼ tagħhom. Il-fataliżmu għandu parti importanti f’dawn l-“attakki suwiċidi ispirati reliġjożament,” tosserva enċiklopedija waħda.
Imma t-twemmin fid-destin għala hu daqshekk mifrux maʼ kullimkien? Ħarsa fil-qosor lejn l-oriġini tiegħu se tipprovdi t-tweġiba għal dan.