LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 11/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn Id-dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn Id-dinja
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Adolexxenti Kanadiżi u r-​Reliġjon
  • Il-​Veloċità tal-​Wirdien
  • Passiġġieri li Jfixklu
  • Il-​Limbu m’Għadux Jeżisti?
  • Tiżdied in-​Nefqa tad-​Dfin
  • L-​Aċidu u t-​Taħsir tas-​Snien
  • In-​Negozju tal-​Ħtif taʼ Persuni
  • Il-​Web Site Jagħti Gwida għat-​Talb
  • L-​Indulġenzi tal-​Papa
  • Marda Mingħajr Sintomi
  • L-Osteoporożi—Marda Siekta
    Stenbaħ!—2010
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2004
Stenbaħ!—1999
g99 11/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn Id-​dinja

L-​Adolexxenti Kanadiżi u r-​Reliġjon

“Numru impressjonanti taʼ 80 fil-​mija taʼ l-​adolexxenti Kanadiżi jemmnu f’Alla,” waqt li “15 fil-​mija biss jattendu regolarment f’xi istituzzjoni reliġjuża,” tgħid il-​gazzetta Vancouver Sun. Għala din id-​differenza kollha? Xi wħud jagħżlu li jitilqu minħabba “d-​dwejjaq assoluti taʼ ħafna servizzi reliġjużi,” u “r-​riġidità duttrinali li qed tberred liż-​żgħażagħ.” Il-​gazzetta żżid: “Bla dubju, l-​immaġni tar-​reliġjon organizzata ġarrbet ħsara kbira minn stejjer li dehru fil-​faċċata taʼ quddiem tal-​gazzetti dwar abbuż sesswali mill-​kleru Kristjan, rewwixti tas-​Sikh, estremisti Lhud u militanti Ħindu. L-​istħarriġ jirrivela li 39 fil-​mija biss taʼ l-​adolexxenti Kanadiżi għandhom fiduċja fil-​mexxejja reliġjużi, meta mqabblin mat-​62 fil-​mija li kien hemm fl-​1984.” Ir-​rapport jikkonkludi billi jgħid: “Jew il-​merħba ġenwina tal-​kleru m’hijiex qed tilħaq lill-​adolexxenti, jew il-​kultura tal-​massa hi wisq ostili lejn l-​istituzzjonijiet reliġjużi jew il-​messaġġ spiritwali m’huwiex wieħed li jogħġob lill-​biċċa l-​kbira taż-​żgħażagħ. Jew inkella kollha kemm huma.”

Il-​Veloċità tal-​Wirdien

Kulmin xi darba pprova jaqbad il-​wirdien jaf li m’hijiex xi biċċa xogħol faċli. X’inhu s-​sigriet tagħhom? L-​ewwelnett, dawn għandhom xagħar żgħir fuq kull naħa taʼ żaqqhom li jirreġistra l-​iċken moviment taʼ l-​arja kaġunat mill-​għedewwa u dan jirrivela d-​direzzjoni minfejn dawn ikunu ġejjin. Ukoll, is-​sistema nervuża tagħhom tidher li hi estremament effiċjenti, ladarba l-​wirdien kull m’għandhom bżonn hu biss wieħed fil-​mija taʼ sekonda biex jirreaġixxu u jaħarbu. Issa, permezz taʼ kamera high-speed, Jeffrey Camhi u l-​kollegi tiegħu mill-​Università Ebrajka taʼ Ġerusalemm tgħallmu iktar, tirrapporta l-​gazzetta Berliner Morgenpost. Dawn sabu li l-​wirdien jistgħu jiġru b’veloċità taʼ metru fis-​sekonda u b’din il-​veloċità jistgħu saħansitra jbiddlu d-​direzzjoni sa 25 darba kull sekonda. “Ma nafu bl-​ebda mġiba oħra fi kwalunkwe annimal ieħor b’kapaċità taʼ frekwenza daqshekk għolja fit-​tidwir tal-​ġisem,” qal Camhi, kwotat fin-​New Scientist. “Kieku l-​wirdien ma kinux mistidnin daqshekk mistmerrijin fid-​dar, kieku dawn bla dubju kienu jirċievu l-​ammirazzjoni li ferm tixirqilhom.”

Passiġġieri li Jfixklu

“Ir-​rabja fuq l-​ajruplani”​—l-​imġiba mingħajr kontroll min-​naħa tal-​passiġġieri fuq l-​ajruplan—​“qabżet l-​400 fil-​mija f’dawn l-​aħħar ħames snin,” tgħid ir-​rivista Business Traveler International. X’wassal għal din iż-​żjieda drastika? Fattur ewlieni huwa l-​istress. Titjiriet ittardjati jew ikkanċellati, ir-​rassa tan-​nies, u l-​biżaʼ mit-​titjira kollha jqanqlu l-​ansjetà, li din imbagħad, twassal għal tfaqqigħ taʼ rabja. “Il-​kumpaniji taʼ l-​ajruplani jippromwovu l-​vjaġġ bl-​ajru bħala metodu mgħaġġel u kwiet, imma dan mhux minnu,” jgħid Stuart Howard, mill-​Federazzjoni tal-​Ħaddiema tat-​Trasport Internazzjonali. Rappreżentant taʼ kumpanija taʼ l-​ajru ewlenija jemmen li l-​introduzzjoni taʼ titjiriet fejn m’huwiex permess it-​tipjip hija fattur ieħor tar-​rabja fuq l-​ajruplani. Skond ir-​rapport, “uħud frustrati li ma setgħux ipejpu, kienu l-​kaġun taʼ iktar min-​nofs [l-]inċidenti taʼ mġiba li tfixkel fost il-​passiġġieri” f’kumpanija taʼ l-​ajru fl-​1997. Fattur ieħor huwa l-​konsumazzjoni taʼ l-​alkoħol, li l-​effetti tiegħu jistgħu jiġu estiżi iktar maʼ l-​ajruplan ikun fl-​għoli. X’jirrikmanda r-​rapport dwar jekk xi passiġġier maġenbek ikun storbjuż? “Issejjaħx l-​ekwipaġġ ħdejk. Minflok, ħalli postok u b’għaqal iġbdilhom l-​attenzjoni.” Dan jissuġġerixxi wkoll: “Evita sitwazzjonijiet koroh li jistgħu jinqalgħu billi ġġib miegħek xi materjal għall-​qari jew toqgħod tismaʼ ftit mużika kalma” fuq stereo persunali.

Il-​Limbu m’Għadux Jeżisti?

Il-​limbu​—il-​post fejn skond it-​tradizzjoni Kattolika jmorru l-​erwieħ tat-​tfal mejtin mhux mgħammdin sparixxa mit-​teoloġija Kattolika. Għalkemm dan qatt ma sar dogma, il-​limbu kien “ir-​riżultat taʼ l-​ideat tat-​teoloġi tas-​seklu 12” li kellhom bżonn post “fid-​Dinja l-​oħra” għal dawk mhux destinati la għall-​ġenna u lanqas għall-​infern. Dawn jinkludu “t-​trabi innoċenti li jkunu mietu mingħajr ma waslu sal-​fonti tal-​magħmudija” u “dawk mhux kredenti li kienu għexu ħajja retta.” “Meta ġie vvintat, il-​Limbu kellu rwol importanti fid-​duttrina mgħallma mill-​knisja,” jikteb il-​kummentatur tal-​Vatikan Marco Politi, fil-​gazzetta La Repubblica. Imma f’katekiżmi iktar reċenti, inkluż il-​katekiżmu universali li ġie mxxerred fl-​1992, m’hemm l-​ebda ħjiel tal-​Limbu. “Fir-​realtà, il-​kunċett kollu tad-​Dinja l-​oħra nbidel f’dawn l-​aħħar għaxriet taʼ snin,” jispjega Politi. Ħafna teoloġi issa qed jgħidu li dawk it-​trabi li jmutu mingħajr ma jkunu mgħammdin imorru direttament il-​ġenna. It-​teologu Taljan Pino Scabini jgħid: “Illum, hemm it-​tendenza li jiġu kunsidrati l-​elementi essenzjali taʼ dak li kien ġie rivelat​—il-​ħajja eterna, li tkellem dwarha Ġesù, u l-​irxoxt.”

Tiżdied in-​Nefqa tad-​Dfin

Ħafna iktar nies qed jagħżlu l-​kremazzjoni biex inaqqsu n-​nefqa tad-​dfin. Skond l-​Assoċjazzjoni Nazzjonali tad-​Diretturi tal-​Funerali, il-​medja tan-​nefqa għal-​funeral tradizzjonali fl-​Istati Uniti fl-​1996 kienet taʼ 4,600 dollaru [Lm1,769]. B’kuntrast, “il-​kremazzjoni tiswa’ bejn il-​500 dollaru [Lm192] u l-​2,000 dollaru [Lm769],” tgħid iċ-​Chicago Sun-Times, “jiddependi fuq x’tip taʼ kaxxa tintuża għall-​kremazzjoni u r-​reċipjent fejn ikun se jinżamm l-​irmied.” Ukoll, il-​kremazzjoni la tirrikjedi xi biċċa art u lanqas xi lapida fiċ-​ċimiterju, li jistgħu jżidu 40 fil-​mija man-​nefqa tad-​dfin tradizzjonali. Il-​gazzetta qalet li fl-​1997 fl-​Istati Uniti, il-​kremazzjoni kienet tintuża fi 23.6 fil-​mija taʼ l-​imwiet, u l-​figura mistennija li tilħaq it-​42 fil-​mija sa l-​għaxar snin li ġejjin.

L-​Aċidu u t-​Taħsir tas-​Snien

“In-​nies m’għandhomx jibqgħu jaħsbu li z-​zokkor biss itaqqab is-​snien, u għandhom jikkonċentraw fuq ikel li jħallilhom ħalqhom aċiduż,” jgħid Mike Edgar, wieħed mill-​awturi taʼ Oral Health: Diet and Other Factors. Dan ir-​rapport iwissi li n-​nies li jixorbu l-​meraq tal-​larinġ għall-​kolazzjon jew li jieklu ikel aċiduż m’għandhomx jaħslu snienhom qabel nofs siegħa. Għala? Għax meta l-​livelli taʼ l-​aċidu fil-​ħalq jogħlew iktar minn ċertu punt, l-​enamel tas-​snien jirtab u meta tnaddafhom tibda tinqalaʼ l-​qoxra taʼ barra tas-​snien. Minflok, tistqarr The Times taʼ Londra, huwa rakkomandat li wieħed iġib fix-​xejn il-​livelli taʼ l-​aċidu billi jiekol ikel li fih ħafna proteini, bħall-​ġobon jew il-​lewż, imma mhux iktar tard minn 20 minuta wara li jittiekel l-​ikel aċiduż.

In-​Negozju tal-​Ħtif taʼ Persuni

“Il-​ħtif taʼ persuni huwa . . . negozju li dejjem qed jikber f’pajjiżi bħall-​Messiku, il-​Kolombja, Ħong Kong, u r-​Russja,” tistqarr il-​U. S . News & World Report. “Madwar id-​dinja, in-​numru taʼ ħtif taʼ persuni biex jinżammu bħala rahan kien iktar għoli minn qatt qabel f’kull sena minn dawn l-​aħħar tliet snin li għaddew.” Bla dubju, l-​akbar numru taʼ każijiet taʼ ħtif jseħħu fl-​Amerka Latina, fejn kien hemm 6,755 każ bejn l-​1995 u l-​1998. Imbagħad hemm l-​Asja u l-​Lvant Imbiegħed (617), l-​Ewropa (271), l-​Afrika (211), il-​Lvant Nofsani (118), u l-​Amerka taʼ Fuq (80). Filwaqt li l-​biċċa l-​kbira taʼ dawk maħtufin huma merkanti lokali u sidien t’artijiet, kulħadd​—ħaddiema barranin li jkunu ġew biex jgħinu, negozjanti li jivvjaġġaw, jew turisti—​jistaʼ jkun fir-​riskju. Kumpaniji internazzjonali issa qed jixtru poloz t’assigurazzjoni għall-​ħtif u r-​rahan sabiex ikunu jistgħu jħallsu l-​fidwa, kif ukoll l-​ispejjeż għan-​negozjaturi professjonali u l-​kunsillieri psikoloġiċi. Dawk li jaħtfu huma organizzati, billi jagħmlu stħarriġ dwar il-​possibiltajiet u l-​valuri tar-​riskju fuq vittmi potenzjali. Dawn normalment jittrattaw tajjeb lill-​priġunieri tagħhom, billi jirrealizzaw li dan se jirriżulta f’inqas attentati li jaħarbulhom u jżidilhom iċ-​ċans li jiġu mħallsin. “Mad-​dinja kollha, 1 biss minn kull 10 li jiġu maħtufin jisfaʼ mejjet,” tgħid ir-​rivista, imma tagħti din it-​twissija: “Oqogħdu attenti mill-​pulizija lokali. Dawn taʼ spiss ikunu kompliċi maʼ dawk li jaħtfu n-​nies.”

Il-​Web Site Jagħti Gwida għat-​Talb

Reċentement, iċ-​Church of England introduċiet il-​Web site tagħha fuq l-​Internet. Fih hemm gwida taʼ kif wieħed għandu jitlob. Billi tinsisti li Alla jismaʼ t-​talb kollu, il-​knisja tħeġġeġ lin-​nies biex ikunu kreattivi meta jitolbu. “Uża l-​mużika, xi ġebla, xi rixa, xi fjura, jew xi xemgħa biex tgħinek tikkonċentra,” u “uża idek. Subgħajk jistgħu jintużaw biex iġibulek [f’]moħħok affarijiet differenti fuqiex titlob.” Per eżempju, din tgħid li s-​sabaʼ l-​kbir, peress li huwa l-​iktar wieħed b’saħħtu, jistaʼ jissuġġerixxi talb għal affarijiet li huma importanti f’ħajtek, bħad-​dar u l-​familja. Is-​sabaʼ t-​twil tan-​nofs jistaʼ jfakkrek biex titlob għan-​“nies li għandhom il-​poter fid-​dinja,” u l-​iżgħar wieħed jistaʼ jfakkrek biex “titlob għalik innifsek.” Waqt li tikkummenta fuq dan it-​tiġdid, The Times tgħid: “Il-​kontenut tal-​website huwa indikazzjoni taʼ kemm il-​Knisja tħoss li l-​poplu sar sekulari. Dan iqabbel id-​dixxiplina tat-​talb mad-​dieta, jew maʼ li wieħed jaqlaʼ l-​ħaxix ħażin mill-​ġnien: ‘L-​aħjar ftit u spiss, imma taqtax qalbek.’”

L-​Indulġenzi tal-​Papa

Għaċ-​ċelebrazzjoni tal-​millennju, il-​Papa Ġwanni Pawlu II pproklama s-​sena 2000 bħala s-​Sena Mqaddsa u offra xi indulġenzi għal dawk li jagħmlu xi pellegrinaġġ għal Ruma, tirrapporta L’Osservatore Romano. Indulġenza hija mod wieħed għall-​Kattoliċi biex jiġu meħlusin minn xi kastig minħabba d-​dnub. Il-​gazzetta tal-​Vatikan tgħid: “Kull ħaġa tajba li saret taħt il-​grazzja jistħoqqilha l-​ħlas.” Madankollu, l-​istess gazzetta tinnota li l-​prattika tqajjem ukoll xi mistoqsijiet interessanti, bħal, “Jekk il-​grazzja tal-​maħfra t’Alla hi offruta għal kulħadd, għalfejn il-​Knisja għandha toffri l-​indulġenzi?” u, “Jekk il-​Knisja tistaʼ toffri indulġenzi plenarji [assoluti], għala toqgħod tinkwieta fuq indulġenzi parzjali?”

Marda Mingħajr Sintomi

L-​osteoporosi hija marda mingħajr sintomi li “thedded iktar minn 28 miljun Amerikan u madwar 1.4 miljun Kanadiż,” tirrapporta l-​gazzetta Toronto Star. Din teffettwa rġiel u nisa, żgħar u kbar, u “sseħħ meta l-​għadam il-​qadim jitħassar b’rata mgħaġġla qabel maʼ l-​għadam il-​ġdid jiħodlu postu.” Dawk li għandhom din il-​marda għandhom mnejn ma jaraw l-​ebda evidenza tagħha sakemm jiksru xi għadma. L-​esperti jemmnu li dieta eċċessiva minn numru li dejjem jikber t’adolexxenti u atleti tal-​kulleġġ qed “tiekol dik l-​istess għadma li suppost ikunu qed jibnu għal meta jkunu adulti. Taʼ spiss, iż-​żgħażagħ li jagħmlu d-​dieta jaqbżu l-​ikliet li jgħinuhom biex isaħħu l-​iskeletri tagħhom.” Skond ir-​rapport, “madwar 90 fil-​mija taʼ l-​ogħla massa t’għadam tiġi akkumulata sat-​18-il sena; l-​adulti jilħqu l-​ogħla massa tagħhom sat-​30 sena.” Ir-​rapport jirrikmanda li biex titkabbar id-​densità taʼ l-​għadam, kulħadd għandu ‘jieħu biżżejjed kalċju u vitamina D, jagħmel eżerċizzju regulari, u jevita t-​tipjip u x-​xorb eċċessiv.’

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja