Ħarsa Lejn Id-dinja
Ilbes għas-Suċċess
Meta tkun qed tipprepara għal xi intervista taʼ xogħol, tajjeb li żżomm f’moħħok li “nies lebsin pulit iħallu impressjoni tajba,” tgħid il-gazzetta Toronto Star. Dan minħabba li l-ewwel impressjoni tibqaʼ għal żmien twil. Għalhekk, “il-messaġġ bażiku għal dawk involuti fin-negozju hu: Jekk tittraskura d-dehra tiegħek, mela int traskurat, u daqshekk,” jgħid ir-rapport. L-esperti jgħidu li individwu pulit u nadif fid-dehra tiegħu, lill-imgħallem prospettiv jew lill-klijenti, ikun qed jassigurahom mingħajr kliem li jistgħu jistennew xogħol taʼ kwalità mingħandu. Esperti li jagħtu pariri dwar id-dehra jenfasizzaw ukoll li jekk ‘toqgħod dritt u turi entużjażmu, l-ewwel impressjoni li tagħti se jkollha effett kbir. It-ton tal-vuċi tiegħek u kemm titkellem tgħaġġel jagħmlu differenza.’
Il-Prezz taʼ Omm
Kieku kellek tgħodd il-pagi għax-xogħlijiet kollha li tagħmel omm matul is-sena, kieku kemm ikunu jiswew is-servizzi tagħha? Skond rapport f’The Washington Post, kieku hi taqlaʼ $508, 700 [Lm 195,700] fis-sena! Din iċ-ċifra hija bbażata fuq il-paga medja taʼ diversi tipi taʼ xogħol li ġeneralment jagħmlu l-ommijiet. Dawn huma ftit mis-17-il tip taʼ xogħol inklużi fir-rapport, flimkien mal-medja tal-paga annwali tagħhom: Waħda li tieħu ħsieb it-tfal, $13,000 [Lm5,000]; xufier taʼ karozza tal-linja, $32,000 [Lm12,000]; psikologa, $29,000 [Lm11,000]; waħda li tieħu ħsieb l-annimali, $17,000 [Lm6,500]; infermiera kwalifikata, $35,000 [Lm13,000]; koka f’pożizzjoni għolja, $40,000 [Lm15,000]; u segretarja ġenerali, $19,000 [Lm7,000]. Skond Ric Edelman, chairman tal-kumpanija tas-servizzi finanzjarji li kkonduċiet dan l-istudju, dawn il-figuri ma jinkludux spejjeż bħalma huma s-Sigurtà Soċjali u benefiċċji oħrajn tal-pensjoni.
Vjolenza Kontra l-Kompjuters
“X’tagħmel meta l-PC [kompjuter persunali] tiegħek ma jagħmilx dak li tridu int?” tistaqsi r-rivista Ġermaniża tal-kompjuters PC Welt. “Tfajjarlu xi daqqa? Jew inkella titfgħu mit-tieqa għal isfel?” Dawn ir-reazzjonijiet m’humiex rari. Fi stħarriġ li sar mad-dinja kollha fost 150 direttur fil-qasam tal-kompjuters, 83 fil-mija rrapportaw tfaqqigħ taʼ rabja jew vjolenza totali kontra l-kompjuters. Jekk il-kompjuter ikun qed jieħu ħafna ħin biex jittrasferixxi l-informazzjoni jew il-mouse jieqaf jaħdem, dawk li jużawh jitilgħulhom u xi kultant ifarrku l-monitor, jagħtu xi daqqa taʼ ponn lit-tastiera, isabbtu l-mouse mal-ħajt, jew saħansitra jixxottjaw il-kompjuter. Filwaqt li l-kompjuter ikollu jpatti għan-nervi taʼ min jużah, taʼ spiss min jużah ikun li kkaġuna l-problema. Per eżempju, waħda ħaddiema bdiet tirrabja mal-programm taʼ l-E-mail għax ma beda jibgħat ebda posta. Iktar tard instab li minflok ma kitbet l-indirizz taʼ l-E-mail, kienet kitbet l-indirizz tal-post.
Twissija biex ma Tagħmiex
“Iktar minn 200,000 Kanadiż għandhom il-glaucoma u nofshom biss jafu biha,” tgħid il-gazzetta, The Prince George Citizen. Bil-glaucoma, li hija kaġun primarju taʼ li wieħed jagħma, iċ-ċelluli tan-nervituri fuq in-naħa taʼ wara taʼ l-għajn jibdew imutu ftit ftit. Ir-riżultat ikun telf bil-mod il-mod tal-vista min-naħa tal-ġenb taʼ l-għajn, filwaqt li l-vista ċentrali ma jiġrilha xejn ħlief fl-aħħar stadji tal-marda. Ħafna wħud li għandhom din il-marda ma jfittxux kura għax ma jkunux muġugħin u jkunu għadhom kapaċi jsuqu, jaqraw, u jagħmlu l-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet. Skond is-Soċjetà tar-Riċerka dwar il-Glaucoma fil-Kanada, dawk li għandhom l-akbar riskju jinkludu l-anzjani, nies li fil-familja tagħhom kien hemm min kellu l-glaucoma, nies suwed fuq l-40 sena, u nies li għandhom pressjoni għolja fl-għajn. “Jekk inġagħlu lin-nies li għandhom l-akbar riskju jżuru t-tabib tagħhom, nofs il-battalja tkun mirbuħa,” qalet Dr. Neeru Gupta, direttriċi tas-sezzjoni tal-glaucoma fl-Isptar St. Michael taʼ Toronto. “Il-punt hu li jekk il-marda tinstab u tingħata kura kmieni wieħed jistaʼ jsalva l-vista.”
Nies Avanzati Jużaw l-Internet
“L-istudju l-iktar reċenti dwar l-istatistiċi konnessi mal-Web jissuġġerixxi li ħafna iktar nies avanzati [50 sena jew iktar] qed jużaw l-Internet milli kien maħsub qabel,” tirrapporta l-ġurnalista Maria Seminerio taʼ ZDNet. Skond Tim Cobb, il-president taʼ l-organizzazzjoni li kkonduċiet l-istħarriġ, ‘din hija evidenza li l-Web qiegħed isir iktar u iktar komuni u m’għadux biss xi ħaġa għal dawk li jifhmu fit-teknoloġija.’ Per eżempju, minn taʼ l-inqas 40 fil-mija taʼ l-adulti li għandhom ’il fuq minn 50 sena fl-Istati Uniti issa għandhom kompjuter id-dar, u 70 fil-mija tagħhom jintqal li jużaw il-Web.
AIDS—‘Il-Marda Infettiva li l-Iktar Qed Toqtol Nies’
‘L-AIDS issa hi l-marda infettiva li [waħedha] l-iktar li qed toqtol nies fid-dinja,’ jinnota Peter Piot, direttur eżekuttiv tal-programm tal-Ġnus Magħquda għall-AIDS. Ir-rivista Science tirrapporta li fl-1997, l-AIDS kienet is-sebaʼ waħda fost l-agħar mard qattiel fid-dinja. Imma matul l-1998 qabżet il-mard l-ieħor kollu barra l-mard iskemiku tal-qalb, mard ċerebrovaskulari, u mard kiefer fis-sistema tan-nifs, li dan hu mard li ma jittiħidx. L-AIDS ukoll saret l-akbar marda qattiela fl-Afrika, billi qabżet saħansitra l-mard li ma jittiħidx. Fl-Afrika biss, is-sena l-oħra mietu kważi 1,830,000 ruħ bl-AIDS—id-doppju taʼ dawk li mietu bil-malarja, it-tieni l-akbar marda qattiela f’dak il-kontinent.
Iżjed Suldati Tfal
‘Huwa stmat li l-għadd taʼ tfal li jkomplu jintużaw fil-gwerer kiber minn 250,000 xi sentejn jew tliet snin ilu għal 300,000 illum il-ġurnata,’ tirrapporta Go Between, pubblikazzjoni tas-Servizz taʼ Kooperazzjoni Mhux Governattiv tal-Ġnus Magħquda. Suldati tfal—xi wħud taʼ tmien snin biss—bħalissa huma involuti f’iktar minn 30 konflitt madwar id-dinja. Skond Olara Otunnu, ir-Rappreżentant Speċjali għat-Tfal u l-Konflitti Armati tas-segretarju-ġenerali tal-ĠM, “it-tfal ġew imġagħlin isiru strumenti tal-gwerer, ingaġġati jew misruqin biex isiru suldati, u b’hekk sforzati biex jiżvogaw bi vjolenza l-mibegħda taʼ l-adulti.” Biex jikkumbatti ż-żjieda fl-għadd taʼ suldati tfal, il-Fond tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal jappoġġa l-proposta ‘illi l-età taʼ dawk li jidħlu fil-forzi armati titlaʼ għal 18-il sena u li din tirrikjedi li jekk jiġu ingaġġati taħt dik l-età dan jitqies bħala delitt tal-gwerra,’ tgħid il-pubblikazzjoni Facts and Figures 1998.
Temperaturi taʼ Barra minn Hawn
‘Fl-1998, il-medja tat-temperatura taʼ l-Art qabżet l-ogħla temperatura li qatt ġiet reġistrata,’ tgħid stqarrija lill-gazzetti mill-Istitut Worldwatch. Temperaturi iktar għoljin fl-atmosfera jirriżultaw f’iktar evaporazzjoni u xita, li mbagħad, din tikkaġuna iktar maltempati qerrieda. Per eżempju, “il-ħsara konnessa mat-temp fid-dinja kollha ammontat għal $92 elf miljun [Lm35 elf miljun] fl-1998, żjieda taʼ l-għaġeb taʼ 53 fil-mija fuq is-$60 elf miljun [Lm23 elf miljun] li ġew reġistrati fl-1996,” tgħid Worldwatch. Iktar minn hekk, maltempati u għargħar li qatt ma kien hawn bħalhom ġagħlu lil xi 300 miljun ruħ jitilqu minn djarhom fl-1998. Ix-xjenzati m’humiex ċerti jekk l-1998 kinitx eċċezzjoni jew jekk din id-drawwa qerrieda hix se tkompli sejra. Madankollu, ir-rapport jgħid: ‘Mudelli li jirrappreżentaw il-mod kif taħdem il-klima jissuġġerixxu li l-ġrajjiet taʼ l-1998 jistgħu jkunu previżjoni tal-futur.’
Infaħħru l-Intelliġenza jew l-Isforz?
Ħafna ġenituri jemmnu li lit-tfal jagħmlilhom tajjeb li tfaħħarhom għall-intelliġenza tagħhom. Madankollu, riċerka reċenti tindika li tifħir bħal dan jistaʼ fil-fatt idgħajjef il-motivazzjoni u l-ħidma futura tagħhom, jirrapporta l-Columbia Magazine, tal-Columbia University fi New York. Skond il-Professoressa Carol Dweck, ikun ferm aħjar li tfaħħar lit-tfal għax-xogħol iebes tagħhom, li jsaħħilhom l-abbiltà tagħhom li jkampaw maʼ l-isfidi tal-ħajja. “It-tfal li jiġu mfaħħrin għall-intelliġenza tagħhom iktar jimpurtahom minn kemm jidhru bravi u taʼ spiss jissagrifikaw l-opportunità li jitgħallmu xi ħaġa importanti sabiex jibbrillaw,” tinnota Dweck. Mill-banda l-oħra, ir-rapport innota li dawk li jiġu mfaħħrin għall-isforz u l-perseveranza tagħhom x’aktarx li jiffokaw iktar fuq li jitgħallmu u li jkunu jafu kif jiffaċċjaw is-sitwazzjoni meta ma jirnexxux. “Mela dawn it-tfal jissagrifikaw l-opportunità li jidhru bravi sabiex jitgħallmu,” tosserva Dweck. “U huma b’saħħithom ħafna għax ma jaqtgħux qalbhom jekk ma jgħaddux.”
Il-Periklu f’li Tkun Armat
“Il-vittmi taʼ ħtif tal-karozzi li jġorru pistola għandhom kważi erbaʼ darbiet iktar ċans li jintlaqtu minn xi tir minn dawk li ma jkollhomx,” tistqarr il-gazzetta mill-Afrika t’Isfel The Natal Witness. Ir-rapport iżid li “vittmi bil-pistoli kellhom erbaʼ darbiet iktar ċans li tinsterqilhom l-arma tan-nar tagħhom milli kellhom ċans li jużawha.” Eżami tal-lista taʼ kawżi mill-għases tal-pulizija wera li dawk li jattakkaw sparaw lill-vittmi tagħhom fi 12 fil-mija tal-każi taʼ ħtif. Madankollu, iċ-ċifra telgħet għal 73 fil-mija meta l-vittmi ħarġu l-arma tagħhom biex jiddefendu ruħhom. Ir-riċerkatur Antony Altbeker ikkonkluda: ‘Filwaqt li jekk ikollok pistola tistaʼ tħossok aħjar, dan ma jfissirx li se tkun tassew protett.’