LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 3/8 pp. 22-28
  • Ir-Russi Jgħożżu l-Libertà tal-Qima

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ir-Russi Jgħożżu l-Libertà tal-Qima
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Huma Jirrikonoxxu l-​Bżonn Spiritwali
  • Ħelsin li Jqimu fil-​Ġermanja
  • Russi fl-​Istati Uniti
  • L-​Ewwel Darba fl-​Istati Uniti
  • X’Kien Qiegħed Jiġri f’Moska
  • Eżempju taʼ Mġiba bl-​Ordni
  • Fil-​Greċja u f’Postijiet Oħra
  • Battalja Legali Twila Tispiċċa b’Rebħa!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Stenbaħ!—2000
g00 3/8 pp. 22-28

Ir-​Russi Jgħożżu l-​Libertà tal-​Qima

MINN MINDU NQASMET L-​UNJONI SOVJETIKA FL-​1991, IN-​NIES LI JGĦIXU HEMM GAWDEW IKTAR LIBERTÀ BIEX IQIMU LIL ALLA. LIBERTÀ BĦAL DIN GAWDEWHA WKOLL DAWK LI EMIGRAW LEJN PAJJIŻI OĦRA.

GĦAL ħafna wħud li jgħixu fl-​ex-Unjoni Sovjetika, il-​libertà li jiltaqgħu bil-​miftuħ biex iqimu lil Alla hija xi ħaġa taʼ ferħ li tant jgħożżu—xi ħaġa li ġew imċaħħdin minnha għal ħafna sekli.

Wara r-​Rivoluzzjoni Bolxevista fl-​1917, kien sar perikoluż fir-​Russja li wieħed jaqra l-​Bibbja, u ftit kienu n-​nies li pperikolaw il-​libertà tagħhom biex jagħmlu hekk. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu eċċezzjoni. Fil-​fatt, ir-​rivista Newsweek tas-​16 t’April, 1956—kważi 44 sena ilu—ikkwotat lil żagħżugħ fil-​Ġermanja tal-​Lvant bħala li qal: “Ħadd ħlief ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jaqra l-​Bibbja.” Madankollu, talli żammew laqgħat taʼ studju tal-​Bibbja u talli ppridkaw il-​messaġġ tal-​Bibbja, ix-​Xhieda ntefgħu l-​ħabs u f’kampijiet tax-​xogħol. Kulfejn kienu jmorru, madankollu, huma kienu jiffokaw l-​attenzjoni fuq it-​tama li kellhom ibbażata mill-​Bibbja, kif turi l-​kaxxa li tidher hawn.

Meta bdiet tinqasam l-​Unjoni Sovjetika fl-​1991, ix-​Xhieda t’hemmhekk żammew sebaʼ konvenzjonijiet li kellhom programm taʼ tagħlim mill-​Bibbja. B’kollox attendew 74,252 ruħ. Fl-​1993, sentejn biss wara, iltaqgħu 112,326 ruħ fi tmien konvenzjonijiet bħal dawn f’4 mill-​15-il repubblika li kien hemm qabel fl-​Unjoni Sovjetika.a Ħafna minn dawk l-​eluf kienu qattgħu snin twal f’ħabsijiet u kampijiet tax-​xogħol Sovjetiċi. Dawn il-​Kristjani leali kienu grati immensament għal-​libertà li ngħataw biex iqimu lil Alla mingħajr xkiel.

Kull sena mill-​1993 ’l hawn, in-​nies minn dawk li qabel kienu repubbliki Sovjetiċi għożżew il-​privileġġ taʼ li jiltaqgħu bil-​libertà f’laqgħat Kristjani f’art twelidhom. Is-​sena li għaddiet, per eżempju, total taʼ 282,333 Xhud taʼ Jehovah u l-​ħbieb tagħhom kellhom il-​pjaċir li jqimu flimkien fi 80 Konvenzjoni Distrettwali “Il-​Kelma Profetika t’Alla” li nżammu f’dawk li qabel kienu repubbliki Sovjetiċi. U total taʼ 13,452 ruħ tgħammdu.

Għalkemm tistaʼ tidher xi ħaġa sorprendenti, is-​sena l-​oħra kien hemm ukoll konvenzjonijiet bil-​lingwa Russa f’pajjiżi oħra fid-​dinja. Total taʼ 6,336 ruħ attendew erbaʼ laqgħat bħal dawn f’pajjiżi barra l-​ex-Unjoni Sovjetika! Dawn fejn inżammu? U għala hemm daqstant nies jitkellmu bir-​Russu li għandhom interess qawwi fil-​Bibbja? Ħalli l-​ewwel nikkunsidraw fil-​qosor l-​aħħar mistoqsija.

Huma Jirrikonoxxu l-​Bżonn Spiritwali

Ir-​Russja għandha storja reliġjuża mimlija daqs bajda. Il-​katidrali elaborati tagħha, mibnija sekli ilu, huma fost dawk l-​iktar famużi fil-​Kristjaneżmu. Madankollu, il-​Knisja Ortodossa Russa, l-​istess bħall-​Knisja Kattolika Rumana, żammet lin-​nies fl-​injoranza rigward il-​Bibbja.

“Il-​Bibbja,” jispjega l-​ktieb reċenti The Russian Tragedy—The Burden of History, “qatt ma kienet parti prinċipali taʼ l-​Ortodossija Russa.” Ir-​riżultat, skond l-​istudjuż reliġjuż Russu Sergei Ivanenko, huwa li “n-​nuqqas t’għarfien Bibliku tal-​kredenti Ortodossi wassal għall-​fatt li ħafna parruċċani tal-​knejjes Ortodossi huma iktar suxxettibbli għall-​influwenza taʼ superstizzjonijiet, okkultiżmu, u maġija minn dawk li m’humiex kredenti.”

Il-kittieb famuż Russu Tolstoy għamel osservazzjoni simili. Hu kiteb: “Ikkonvinċejt lili nnifsi li d-​duttrina tal-​knisja [Ortodossa Russa], fit-​teorija kienet qerq makakk u taʼ ħsara, u fil-​prattika ġabra taʼ l-​agħar superstizzjonijiet u sħarijiet, li taħbi għalkollox is-​sinjifikat kollu tat-​tagħlim Kristjan.”

Din is-​sitwazzjoni ħolqot ambjent fertili għall-​qawma tal-​Komuniżmu Sovjetiku bil-​propaganda ateistika u r-​ritornell magħruf sew li kellu: “Ir-​reliġjon hija l-​loppju tal-​poplu.” Madankollu, il-​Komuniżmu nnifsu malajr sar forma taʼ reliġjon, taʼ spiss imsejjaħ ir-​Reliġjon il-​Ħamra. Imma r-​Reliġjon il-​Ħamra ma damitx wisq. Meta sfaxxa l-​Istat Sovjetiku fl-​1991, miljuni taʼ nies tħawdu u ma kinux jafu fejn se jagħtu rashom. Bl-​inkuraġġiment tax-​Xhieda taʼ Jehovah, ħafna eluf taʼ Russi fittxew it-​tweġibiet fil-​Bibbja.

Bħala riżultat taʼ sistema t’edukazzjoni mill-​aħjar, ir-​Russi kienu saru fost l-​iktar nies letterati fid-​dinja. B’hekk, ħafna Russi mhux talli saru qarrejja tal-​Bibbja imma talli ħabbewh it-​tagħlim li kien fiha. Fl-​istess ħin, speċjalment matul is-​snin disgħin, mijiet t’eluf taʼ nies mill-​ex-Unjoni Sovjetika emigraw lejn pajjiżi oħra, bħall-​Ġermanja, il-​Greċja, u l-​Istati Uniti. B’liema riżultati?

Ħelsin li Jqimu fil-​Ġermanja

Fis-​sekli 18 u 19, ħafna Ġermaniżi marru joqogħdu r-​Russja. L-​iktar waħda magħrufa kienet Sophie, tfajla taʼ 15-il sena, li fl-​1762 laħqet wara żewġha bħala l-​mexxejja tar-​Russja. Matul il-​ħakma twila tagħha, Sophie, iktar tard magħrufa bħala Katerina l-​Kbira, stiednet lill-​bdiewa Ġermaniżi biex imorru jgħixu fir-​Russja. Imbagħad, meta l-​Ġermanja attakkat lill-​Unjoni Sovjetika matul it-​II Gwerra Dinjija, ħafna minn dawk li kellhom dixxendenza Ġermaniża ttieħdu lejn is-​Siberja u lejn repubbliki Sovjetiċi bħal Kazakstan, Kyrgyzstan, u Uzbekistan. Dan l-​aħħar ħafna Ġermaniżi li jitkellmu bir-​Russu, kif ukoll oħrajn mill-​ex-Unjoni Sovjetika, marru joqogħdu l-​Ġermanja sabiex igawdu kundizzjonijiet ekonomiċi aħjar.

F’Diċembru taʼ l-​1992 ġiet ifformata f’Berlin l-​ewwel kongregazzjoni tar-​Russu fil-​Ġermanja. Sas-​sena l-​oħra, kienu ġew ifformati 52 kongregazzjoni u 43 grupp żgħir fi tliet circuits tar-​Russu fil-​Ġermanja. Kien hemm quċċata t’attendenza taʼ 4,920 ruħ fil-​Konvenzjoni Distrettwali “Il-​Kelma Profetika t’Alla”, li saret bir-​Russu f’Cologne mit-​30 taʼ Lulju sa l-​1 t’Awissu. Hemm tgħammdu 164 ruħ sabiex jissimbolizzaw id-​dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah. Iktar kmieni, fl-​1 t’April, fil-​kongregazzjonijiet tar-​Russu fil-​Ġermanja, kien hemm 6,175 ruħ li kienu preżenti għaċ-​ċelebrazzjoni tal-​Mafkar tal-​mewt taʼ Ġesù.

Russi fl-​Istati Uniti

L-​Istati Uniti wkoll kellha influss taʼ nies li jitkellmu bir-​Russu mill-​ex-Unjoni Sovjetika. The New York Times irrapportat: “Bejn l-​1991 u l-​1996, ir-​Russi kienu l-​iktar grupp emigrant li kien qiegħed jikber b’pass mgħaġġel fi Brooklyn. Matul l-​istess perijodu, is-​Servizz taʼ l-​Emigrazzjoni u n-​Naturalizzazzjoni ħalla jidħlu fl-​Istati Uniti iktar minn 339,000 emigrant mill-​ex-Unjoni Sovjetika.”

Iktar tard, it-​Times taʼ Jannar 1999 qalet li matul l-​għaxar snin taʼ qabel, maʼ l-​400,000 Lhudi mill-​ex-Unjoni Sovjetika kien emigra lejn il-​belt taʼ New York u l-​inħawi taʼ madwarha. Flimkien maʼ dan, fi snin reċenti kien hemm eluf taʼ Russi li marru joqogħdu f’partijiet oħra taʼ l-​Istati Uniti. Per eżempju, fit-​tramuntana taʼ Kalifornja kien hemm influss taʼ madwar 35,000 emigrant Russu ġdid, u din il-​parti saret it-​tielet l-​akbar ċentru taʼ emigranti mill-​ex-Unjoni Sovjetika wara New York u Los Angeles. Dawn in-​nies li jitkellmu bir-​Russu wieġbu wkoll għall-​opportunità li jistudjaw il-​Bibbja, u mijiet minnhom saru adoraturi tal-​veru Alla, Jehovah.

Fl-​1 t’April, 1994, ġiet ifformata l-​ewwel kongregazzjoni tar-​Russu tax-​Xhieda taʼ Jehovah fi żminijiet reċenti ġewwa l-​Istati Uniti fi Brooklyn, New York. Eventwalment, inbdew kongregazzjonijiet tar-​Russu f’Pennsylvania, f’Kalifornja, u f’Washington. Gruppi taʼ studju nbdew f’ħafna partijiet oħra tal-​pajjiż.

L-​Ewwel Darba fl-​Istati Uniti

Mill-​20 sat-​22 t’Awissu li għadda, quċċata t’attendenza taʼ 670 mill-​Istati Uniti u l-​Kanada kollha kellhom il-​privileġġ li jattendu l-​ewwel konvenzjoni distrettwali bir-​Russu li nżammet fil-​belt taʼ New York. It-​taħditiet kollha ngħataw bir-​Russu, u ġiet preżentata drama bil-​kostumi, li kienet tittratta dwar ir-​rakkont Bibliku taʼ Ġakobb u Għesaw, minn membri tal-​Kongregazzjoni tar-​Russu taʼ Los Angeles, Kalifornja. Din kienet tabilħaqq l-​avveniment prinċipali tal-​konvenzjoni.

Avveniment ieħor mill-​isbaħ f’din il-​konvenzjoni kien il-​magħmudija taʼ 14-il persuna, li lkoll kemm huma jinsabu fir-​ritratt li jidher hawn. Ħafna minnhom vjaġġaw maʼ l-​4,000 kilometru minn Portland, Oregon, u minn Los Angeles u San Francisco, Kalifornja, sabiex jitgħammdu fil-​konvenzjoni li saret fil-​belt taʼ New York. Qabel, dawn l-​14-il persuna kienu għexu fl-​Armenja, f’Azerbaijan, f’Belarus, f’Moldova, fir-​Russja, u fl-​Ukraina, postijiet li kienu repubbliki Sovjetiċi. L-​esperjenzi tagħhom juru kemm huma jgħożżu l-​għarfien t’Alla u l-​libertà li jqimuh.

Svetlana (ir-ringiela taʼ quddiem, it-​tielet mix-​xellug) trabbiet f’Moska. Taʼ 17-il sena hi żżewġet kantant famuż li kien ħafna snin akbar minnha, u fl-​1989 marru l-​Istati Uniti bit-​tifel ċkejken tagħhom. Żewġha kien jivvjaġġa ħafna, u ħames snin wara huma ddivorzjaw.

Meta Svetlana ltaqgħet maʼ Xhud li kienet taħdem magħha, sħabha wissewha biex ma tinvolvix ruħha f’dik li sejħulha “setta li tikkontrollalek il-​ħajja [tiegħek] u tiħodlok il-​flus kollha li [jkollok].” Madankollu, hi riedet tkun taf x’tgħallem il-​Bibbja. Dwar il-​fatt li ġiet murija l-​isem t’Alla fil-​Bibbja, hi tgħid: “Bqajt impressjonata ħafna kif ix-​Xhieda kienu l-​uniċi wħud li kienu qegħdin jagħmluh magħruf.”

Meta kien żagħżugħ, Andrei (ir-ringiela taʼ wara, it-​tielet mix-​xellug) ħalla daru fis-​Siberja biex imur jieħu taħriġ avanzat bħala atleta fejn illum huwa magħruf bħala San Pietruburgu. Ftit wara, l-​Unjoni Sovjetika nqasmet, u fl-​1993, Andrei, fl-​età taʼ 22 sena, emigra lejn l-​Istati Uniti. Hu jispjega: “Bdejt naħseb dwar Alla u bdejt immur il-​Knisja Ortodossa Russa. Darba minnhom, matul iċ-​ċelebrazzjoni Russa taʼ l-​Għid, qattajt il-​lejl kollu fil-​knisja nipprova nersaq qrib lejn Alla.”

F’dak il-​perijodu Svetlana ltaqgħet m’Andrei, u qaltlu b’dak li kienet qed titgħallem mill-​istudju tagħha tal-​Bibbja. Hu aċċetta li jattendi magħha waħda mil-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Jehovah, u wara dan aċċetta studju tal-​Bibbja. F’Jannar taʼ l-​1999 huma żżewġu. Wara l-​magħmudija tagħhom fil-​konvenzjoni, wiċċhom kien jixgħel.

Pavel (ir-ringiela taʼ wara, ir-​rabaʼ mix-​xellug) twieled viċin Qaraghandy, Kazakstan, imma iktar tard mar joqgħod f’Nal’chik, ir-​Russja. Din il-​belt kbira tinsab qrib Ċeċnija u Dagestan, fejn sar ħafna ġlied. Pavel iltaqaʼ l-​ewwel darba max-​Xhieda hemmhekk f’Awissu taʼ l-​1996, imma emigra lejn San Francisco x-​xahar taʼ wara. Hu kien involut fid-​drogi u kellu tifla, li baqgħet fir-​Russja flimkien m’ommha.

Eżatt wara li wasal fl-​Istati Uniti, Pavel ikkuntattja lix-​Xhieda taʼ Jehovah u aċċetta studju tal-​Bibbja. Hu rranġa ħajtu u kiteb lill-​omm it-​tifla tiegħu dwar it-​twemmin ġdid li kellu. Hi issa qed tistudja max-​Xhieda, u saru xi pjanijiet biex hi tiġi fl-​Istati Uniti sabiex hi u Pavel ikunu jistgħu jiżżewġu u jaqdu lil Jehovah flimkien f’Kalifornja mat-​tifla tagħhom.

George (ir-ringiela taʼ wara, it-​tieni mix-​xellug) twieled u trabba f’Moska. Hu mar joqgħod l-​Istati Uniti fl-​1996, u s-​sena taʼ wara żżewweġ lil Flora, li oriġinarjament kienet minn Azerbaijan. George kien jattendi l-​Knisja Ortodossa Russa, imma wara li qara kopja tar-​rivista Torri taʼ l-​Għassa, hu kellu mistoqsijiet rigward id-​duttrina tat-​Trinità. Bi tweġiba għall-​ittra li bagħat lil Watch Tower Society, hu rċieva l-​browxer Għandek Int Temmen fit-​Trinità? Fl-​1998 kemm hu u kemm Flora bdew jistudjaw il-​Bibbja. Hi issa qed tippjana wkoll li titgħammed.

Xi ħaġa sabiħa oħra fil-​konvenzjoni kienu t-​tislijiet li waslu minn Moska, fejn 15,108 kienu nġabru għall-​konvenzjoni tagħhom matul l-​istess tmiem il-​ġimgħa. Kemm ferħu d-​delegati fil-​belt taʼ New York meta semgħu l-​avviż li 600 ruħ kienu tgħammdu f’dak il-​post! Dan kien minnu b’mod partikulari meta wieħed iqis ir-​rapporti xejn sbieħ fil-​gazzetti u t-​televiżjoni li kienu bdew jidhru fl-​Istati Uniti u f’postijiet oħra f’dik il-​ġimgħa tal-​konvenzjoni.

X’Kien Qiegħed Jiġri f’Moska

Fil-​21 taʼ Lulju, 1999, ix-​Xhieda ffirmaw kuntratt għall-​użu taʼ l-​Istejdjum Olimpiku qrib iċ-​ċentru taʼ Moska u bieb maʼ bieb maʼ knisja Ortodossa Russa kbira. Imma ġimgħa qabel ma kellha tibda l-​konvenzjoni, kien jidher ċar li kienet se tqum l-​oppożizzjoni. Sa l-​Erbgħa 18 t’Awissu, il-​permess biex jintuża l-​istejdjum kien għadu ma ħariġx, avolja l-​flus tal-​kirja kienu diġà tħallsu. Ġie enfasizzat lill-​uffiċjali li, bħalma turi l-​kaxxa f’paġna 28, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma organizzazzjoni reliġjuża rikonoxxuta legalment fir-​Russja.

Minħabba li madwar 15,000 delegat tal-​konvenzjoni kienu qegħdin iħejju biex jattendu għall-​Ġimgħa fil-​għodu, ir-​rappreżentanti Xhieda bdew isiru ansjużi. Xi delegati kienu se jivvjaġġaw lejn Moska minn bliet u rħula ħafna kilometri ’l bogħod. Fl-​aħħar, wara xi sigħat taʼ diskussjoni, għall-​ħabta tat-​8.00 taʼ fil-​għaxija, nhar il-​Ħamis 19 t’Awissu, id-​diretturi taʼ l-​istejdjum kellhom il-​pjaċir li jinformaw lir-​rappreżentanti Xhieda li l-​konvenzjoni setgħet issir. L-​amministrazzjoni tal-​belt kienet avżat li ma kellha l-​ebda oġġezzjoni għall-​konvenzjoni.

L-għada fil-​għodu l-​istejdjum kien ippakkjat b’eluf taʼ nies. Volontieri Xhieda kienu ħadmu l-​lejl kollu biex iħejju għall-​wasla tagħhom. Preżenti wkoll f’dik l-​ewwel għodwa kien hemm membri tax-​xandir, li kienu ġew informati iktar kmieni dwar l-​oppożizzjoni li kienet qamet biex il-​konvenzjoni ma tinżammx. “Nifirħilkom!” esklama wieħed minnhom. “Qed nieħdu pjaċir li l-​konvenzjoni tagħkom se ssir.”

Eżempju taʼ Mġiba bl-​Ordni

Id-​diretturi taʼ l-​istejdjum ħassew li kien se jkun għaqli li jittieħdu miżuri taʼ sigurtà. B’hekk, fl-​entraturi kollha tpoġġew nies tas-​sigurtà b’apparat taʼ tfittxija bħalma jintuża fl-​ajruporti biex jiċċekkjaw lill-​passiġġieri. Diversi pulizija wkoll ħadu posthom fuq in-​naħa taʼ ġewwa taʼ l-​istejdjum kollu. Il-​konvenzjoni mxiet bl-​ordni minkejja theddida serja.

Is-Sibt wara nofsinhar xi ħadd għamel telefonata u qal li kienet tpoġġiet bomba fl-​istejdjum. It-​theddida waslet ftit qabel ma spiċċat it-​taħdita taʼ qabel taʼ l-​aħħar għal dak il-​jum. Għalhekk, fuq talba tad-​diretturi taʼ l-​istejdjum, sar avviż qasir biex l-​istejdjum jiġi evakwat minnufih. Meta kulħadd għamel hekk bl-​ordni, l-​uffiċjali taʼ l-​istejdjum u l-​pulizija baqgħu mistagħġba. Xi ħaġa bħal din qatt ma kienu rawha! Huma staqsew jekk din il-​proċedura kinitx ġiet provata minn qabel.

L-ebda bomba ma nstabet, u l-​għada l-​programm ġie mtawwal sabiex jiġi inkluż dak li ma kienx ġie preżentat is-​Sibt. Id-​diretturi taʼ l-​istejdjum kienu sodisfatti bil-​konvenzjoni.

Fil-​Greċja u f’Postijiet Oħra

Matul l-​aħħar tmiem il-​ġimgħa t’Awissu u l-​ewwel wieħed taʼ Settembru, inżammu wkoll konvenzjonijiet distrettwali bir-​Russu fil-​Greċja​—l-​ewwel f’Ateni u mbagħad f’Tessalonika. Attendew total taʼ 746, u tgħammdu 34. Fil-​Greċja hemm 8 kongregazzjonijiet tar-​Russu, u 17-il grupp iżgħar għall-​emigranti minn dawk li kienu repubbliki fin-​nofsinhar taʼ l-​Unjoni Sovjetika. Dawn ikollhom il-​laqgħat tagħhom bir-​Russu u b’lingwi oħra li jitkellmu l-​emigranti.

Wieħed minn dawk li tgħammdu f’Ateni kien Victor. Hu kien ateu, imma f’Awissu taʼ l-​1998 hu attenda l-​konvenzjoni internazzjonali tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Ateni, fejn tgħammdet il-​mara tiegħu. Hu qal li tant baqaʼ impressjonat bl-​imħabba li wrew id-​delegati li ħassu mqanqal biex jistudja l-​Bibbja.

Raġel jismu Ighor irċieva kopja tal-​ktieb Int Tista Tgħix Għal Dejjem Fil-​Ġenna Fuq L-​Art u wara li qrah rema x-​xbihat kollha li kellu. Saħansitra beda jintroduċi lilu nnifsu bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Wara li kiteb lill-​uffiċċju tal-​fergħa f’Ateni u rċieva żjara mix-​Xhieda f’Novembru taʼ l-​1998, hu minnufih attenda l-​ewwel laqgħa tiegħu tal-​kongregazzjoni u qatt ma tilef waħda minn dakinhar ’l hawn. Issa, wara l-​magħmudija tiegħu, il-​mira taʼ Ighor hija li jsir ministru full-time tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

Nies li jitkellmu bir-​Russu emigraw lejn għadd taʼ pajjiżi oħra fid-​dinja li ma semmejniex. Ħafna minn dawn in-​nies ukoll jifirħu bil-​libertà li għandhom biex jistudjaw il-​Bibbja u jiltaqgħu bil-​miftuħ sabiex iqimu lil Alla. Għalihom dan il-​privileġġ huwa xi ħaġa taʼ ferħ li tant jgħożżu!

[Noti taʼ taħt]

a Dawn li ġejjin huma l-​15-il repubblika, li issa huma pajjiżi indipendenti: Armenja, Azerbaijan, Belarus, Estonja, Ġeorġja, Kazakstan, Kyrgyzstan, Latvja, Litwanja, Moldova, Russja, Tajikistan, Turkmenistan, Ukraina, u Uzbekistan.

[Kaxxa f’paġna 22]

Russi li Jħobbu l-​Bibbja

Il-​professur Sergei Ivanenko, studjuż reliġjuż Russu li hu rispettat, iddeskriva lix-​Xhieda taʼ Jehovah bħala nies verament devoti għall-​istudju tal-​Bibbja. Fil-​ktieb reċenti tiegħu bir-​Russu, O lyudyakh, nikogda nye rasstayushchikhsya s bibliey (In-Nies li qatt ma Jkunu Mingħajr il-​Bibbja Tagħhom), hu kiteb dwar l-​istorja bikrija tagħhom fl-​Unjoni Sovjetika: “Anki meta spiċċaw il-​ħabs talli baqgħu leali lejn it-​twemmin tagħhom, ix-​Xhieda taʼ Jehovah sabu modi kif jagħmlu użu mill-​Bibbja.” Biex juri dan, hu rrakkonta l-​esperjenza li ġejja.

“Il-​priġunieri kienu projbiti milli jkollhom Bibbja. Il-​Bibbji kienu jiġu konfiskati matul it-​tfittxijiet. F’wieħed mill-​kampijiet tat-​tramuntana, wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah kien jaħdem fid-​dawl u kien iżomm il-​kotba tal-​Bibbja ġo transformer unit fejn kien hemm voltaġġ għoli ħafna. Dan ir-​raġel kien jorbot b’qafla kull parti tal-​Bibbja maʼ wajer partikulari, u hu biss kien ikun jaf liema qafla kellu jiġbed biex jaqlagħha ’l barra—per eżempju, l-​Evanġelju taʼ Mattew—mingħajr ma jieħu xokk u jħallih mejjet. M’għandniex xi ngħidu, l-​ebda tfittxija, ifittxu kemm kienu jfittxu s-​suldati, ma kienet trendi riżultati, u għalhekk din il-​Bibbja unika ma ġietx skoperta.”

[Kaxxa f’paġna 23]

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah Reġistrati mill-​Ġdid fir-​Russja

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ilhom għal iktar minn seklu jipproklamaw b’mod attiv dwar is-​Saltna t’Alla fir-​Russja. Madankollu, minħabba restrizzjonijiet governattivi, ix-​Xhieda kellhom jistennew sas-​27 taʼ Marzu, 1991 sabiex jiġu rikonoxxuti legalment għall-​ewwel darba. F’dak iż-​żmien, huma kienu reġistrati taħt l-​isem taʼ Ċentru Amministrattiv taʼ l-​Organizzazzjonijiet Reliġjużi tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​U.S.S.R.

Fis-​26 taʼ Settembru, 1997, għaddiet liġi intitolata “Fuq il-​Libertà tal-​Kuxjenza u s-​Sħubija Reliġjuża.” Din il-​liġi ġdida ssemmiet b’mod estensiv mill-​mezzi tax-​xandir madwar id-​dinja kollha. Għala? Għaliex ħafna ħassew li din il-​liġi kienet għaddiet bħala attentat biex l-​attivitajiet reliġjużi taʼ reliġjonijiet fil-​minoranza fir-​Russja jiġu restritti.

B’hekk, minkejja r-​reġistrazzjoni li kienu kisbu wara ħafna sforzi fl-​1991, ix-​Xhieda taʼ Jehovah, kif ukoll l-​organizzazzjonijiet reliġjużi l-​oħra kollha, kellhom jiġu reġistrati mill-​ġdid minħabba din il-​liġi ġdida tar-​Russja dwar il-​Libertà tal-​Kuxjenza. Dan qajjem għadd taʼ mistoqsijiet. Kien dan jindika li l-​awtoritajiet Russi kienu se jerġgħu jibdew joppressaw lix-​Xhieda taʼ Jehovah? Jew kienu se jibqgħu appoġġati t-​tolleranza reliġjuża u l-​libertà tal-​qima li huma garantiti taħt il-​Kostituzzjoni tal-​Federazzjoni Russa?

Eventwalment it-​tweġiba ħaduha. Kemm kienu ferħanin ix-​Xhieda li għal darb’oħra reġgħu ġew rikonoxxuti legalment meta fid-​29 t’April, 1999, il-​Ministeru tal-​Ġustizzja fir-​Russja ħareġ ċertifikat taʼ reġistrazzjoni liċ-​“Ċentru Amministrattiv għax-​Xhieda taʼ Jehovah fir-​Russja”!

[Stampa f’paġna 22]

L-​ewwel konvenzjoni distrettwali bir-​Russu fl-​Istati Uniti

[Stampa f’paġna 23]

Id-​drama Biblika preżentata fi New York mill-​Kongregazzjoni tar-​Russu f’Los Angeles

[Stampa f’paġna 25]

Dawn l-​14-il persuna li tgħammdu fi New York ġejjin minn sitt postijiet li qabel kienu repubbliki taʼ l-​Unjoni Sovjetika

[Stampa f’paġna 26, 27]

Iktar minn 15,000 ruħ iltaqgħu fl-​Istejdjum Olimpiku taʼ Moska

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja