Il-Ħarsa tal-Bibbja
Alla Jinbidel?
L-ANTROPOLOGU George Dorsey ddeskriva lil Alla tat-“Testment il-Qadim” bħala “Alla salvaġġ.” Hu żied: “Jaħweh . . . ma jiġbdek xejn. Hu Alla tal-ħallelin, taʼ dawk li jittorturaw, tal-gwerriera, tal-konkwisti.” Kien hemm oħrajn li kienu jaħsbuha bl-istess mod dwar Alla tat-“Testment il-Qadim”—Jaħweh, jew Jehovah. Għalhekk, ħafna nies illum ma jafux jekk Jehovah fil-fatt kienx Alla kattiv li maż-żmien biddel il-karattru tiegħu u sar Alla li jħobb u jħenn, jiġifieri Alla tat-“Testment il-Ġdid.”
Din l-idea dwar Alla tal-Bibbja m’hijiex ġdida. L-ewwel wieħed li ħareġ biha kien Marcion, semi-njostiku tat-tieni seklu E.K. Hu rrifjuta li jaċċetta lil Alla tat-“Testment il-Qadim.” Hu kien iqisu bħala Alla vjolenti u vendikattiv, tirann li kien joffri premjijiet materjali lil dawk li jqimuh. Mill-banda l-oħra, Marcion iddeskriva lil Alla tat-“Testment il-Ġdid”—kif nafuh permezz taʼ Ġesù Kristu—bħala Alla perfett, Alla taʼ mħabba pura u ħniena, taʼ mogħdrija u maħfra.
Jehovah Jaġixxi Skond iċ-Ċirkustanzi
L-isem t’Alla stess, Jehovah, ifisser “Hu Jikkaġuna li Jsir.” Dan jimplika li Jehovah jikkaġuna lilu nnifsu biex isir Dak li Jwettaq il-wegħdi kollha tiegħu. Meta Mosè staqsa lil Alla x’jismu, Jehovah żied dan dwar it-tifsir taʼ ismu: “Jien se nuri li nkun dak li se nuri li nkun.” (Eżodu 3:14, NW) It-traduzzjoni Ingliża taʼ Rotherham tpoġġiha b’dan il-mod: “Jien Se Nsir dak kollu li jogħġobni.”
Għalhekk, Jehovah jagħżel li jsir, jew juri li jkun, dak kollu li jkun hemm bżonn biex iwettaq l-iskopijiet u l-wegħdi ġusti tiegħu. Dan jidher ċar mill-fatt li hu għandu lista sħiħa taʼ titli u termini li jiddeskrivuh: Il-Mulej taʼ l-eżerċti, l-imħallef, Sid, Għajjur, Sidi l-Mulej, il-ħallieq, missier, l-Imgħallem, ir-ragħaj, dak li jismaʼ t-talb, il-feddej, Alla l-imbierek, u ħafna oħrajn. Hu għażel li jsir dawn kollha—u ħafna iktar—sabiex iwettaq l-iskopijiet tiegħu taʼ mħabba.—Eżodu 34:14; Mħallfin 11:27; Salm 23:1; 65:3 [65:2, NW]; 73:28; 89:27 [89:26, NW]; Isaija 8:13; 30:20; 40:28; 41:14; 1 Timotju 1:11.
Allura, ifisser dan li l-personalità jew il-livelli t’Alla jinbidlu? Le. Ġakbu 1:17 jgħid dwar Alla: “Fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell taʼ tidwir.” Alla kif irnexxielu jaġixxi skond iċ-ċirkustanzi li jinbidlu waqt li hu nnifsu ma nbidilx?
L-eżempju tal-ġenituri li jibdlu xogħolhom skond il-bżonn taʼ wliedhom, jispjega ċar kif dan hu possibbli. F’ġurnata waħda, ġenitur jistaʼ jagħmilha taʼ kok, xi ħadd li jnaddaf, elektrixin, infermier, ħabib, xi ħadd li jagħti l-pariri, għalliem, xi ħadd li jagħti d-dixxiplina, u ħafna affarijiet oħrajn. Il-ġenituri ma jibdlux il-personalità tagħhom meta jagħmluha taʼ wieħed minn dawn. Huma jkunu biss qed jaddattaw skond ma jkun hemm bżonn. Dan jgħodd ukoll għal Jehovah imma fuq skala ferm akbar. M’hemm ebda limitu għal dak kollu li hu jistaʼ jikkaġuna lilu nnifsu li jsir sabiex iwettaq l-iskop tiegħu u għall-ġid tal-ħlejjaq tiegħu.—Rumani 11:33.
Per eżempju, kemm l-Iskrittura Ebrajka u kemm l-Iskrittura Kristjana Griega juru lil Jehovah bħala Alla li jħobb u jħenn. Il-profeta Mikea, li kien jgħix fit-tmien seklu Q.E.K., staqsa dwar Jehovah: “Min hu Alla bħalek li jneħħi l-ħażen, u jaħfer id-dnub lil fdal wirtu? Hu ma żammx il-korla tiegħu għal dejjem, għax lilu jogħġbu juri ħniena.” (Mikea 7:18) Bl-istess mod, l-appostlu Ġwanni kiteb il-kliem famuż: “Alla hu mħabba.”—1 Ġwann 4:8.
Mill-banda l-oħra, fiż-żewġ partijiet tal-Bibbja, Jehovah jintwera bħala Mħallef ġust li jiġġudika lil dawk li darba wara l-oħra jiksru l-liġijiet tiegħu bl-ikrah u ma jindmux, u li jagħmlu ħsara lil oħrajn. “Lill-ħżiena [Jehovah] jeqridhom,” qal is-salmista. (Salm 145:20) Bl-istess mod, Ġwann 3:36 jgħid: “Min jemmen fl-Iben għandu l-ħajja taʼ dejjem; iżda min ma joqgħodx għall-Iben ma jarax il-ħajja, imma tibqaʼ fuqu l-korla taʼ Alla.”
Il-Kwalitajiet Tiegħu Ma Jinbidlux
Il-personalità u l-kwalitajiet prinċipali—l-imħabba, l-għerf, il-ġustizzja, u l-qawwa—taʼ Jehovah ma nbidlux. Hu qal lill-poplu taʼ Iżrael: “Jien, il-Mulej, ma tbiddiltx.” (Malakija 3:6) Dan intqal xi 3,500 sena wara li Alla ħalaq il-bniedem. Fi qbil maʼ dik l-istqarrija divina, jekk neżaminaw mill-qrib il-Bibbja kollha, naraw li l-livelli u l-kwalitajiet taʼ Jehovah ma jinbidlux. Il-personalità t’Alla Jehovah ma rtabitx maż-żmien, ladarba ma kellhiex għalfejn tirtab.
Skond ma turi l-Bibbja, Alla la sar inqas sod għal dak li hu tajjeb, u lanqas ma sar juri iktar imħabba lill-bnedmin milli kien jurihom fil-bidu, fl-Għeden. Id-differenzi fil-personalità tiegħu, li donnhom jidhru f’diversi partijiet tal-Bibbja, fil-fatt huma aspetti differenti taʼ l-istess personalità li ma tinbidilx. Dawn ġraw minħabba li ċ-ċirkustanzi u l-persuni li ttratta magħhom kienu jinbidlu, u għalhekk kien hemm bżonn t’attitudnijiet u relazzjonijiet differenti.
Għaldaqstant, l-Iskrittura turi ċar li l-personalità t’Alla ma nbidlitx matul is-sekli u mhux se tinbidel fil-futur. Jehovah hu kostanti u konsistenti f’kulma jagħmel, u għalhekk nistgħu niddependu fuqu u nafdaw fih il-ħin kollu. Aħna dejjem nistgħu nserrħu fuqu.
[Stampi f’paġna 16, 17]
L-istess Alla li qered lil Sodoma u Gomorra . . .
. . . se jġib dinja ġdida taʼ tjieba