Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Għandi Ngħid lil Xi Ħadd li Jien Dipress?
“Meta nħossni dipress, għall-ewwel nippreferi li ma nitkellimx dwar dan li ma jmorrux jaħsbu li jien dejjem b’xi problema. Imma mbagħad nirrealizza li għandi bżonn nitkellem maʼ xi ħadd sabiex nikseb l-għajnuna.”—Alejandro, 13-il sena.
“Meta nħossni dipress, ma mmurx għand ħbiebi għax ma naħsibx li jistgħu jgħinuni. Dawk iwaqqgħuni għaċ-ċajt biss kieku.”—Arturo, 13-il sena.
KWAŻI kulħadd iħossu mdejjaq xi kultant.a Madankollu, minħabba li int għadek żgħir u tistaʼ tgħid mingħajr esperjenza, huwa faċli li tħoss il-pressjonijiet tal-ħajja jagħfsu żżejjed fuqek. Hemm ħafna affarijiet li jistgħu jġagħluk tħossok imnikket u mdejjaq—affarijiet li jippretendu mingħandek il-ġenituri, il-ħbieb u l-għalliema; il-bidliet fiżiċi u emozzjonali waqt il-pubertà, jew meta tħossok li m’intix kapaċi minħabba xi żball żgħir li tkun għamilt.
Meta jiġrilek hekk, huwa tajjeb li jkollok lil xi ħadd maʼ min tiftaħ qalbek. “Li kieku ma kellix lil xi ħadd maʼ min nitkellem dwar il-problemi li għandi, naħseb li kont nisplodi,” tgħid Beatriz, tfajla taʼ 17-il sena. Madankollu, b’dispjaċir ngħidu li ħafna żgħażagħ ma jiftħu qalbhom maʼ ħadd—u taʼ spiss jispiċċaw dipressi ħafna iktar milli kienu fil-bidu. María de Jesús Mardomingo, għalliema fil-Fakultà tal-Mediċina f’Madrid, tosserva li żgħażagħ li jaslu sal-punt li jipprovaw jikkommettu suwiċidju taʼ spiss ikunu żgħażagħ li jkunu maħkumin minn solitudni kbira. Ħafna żgħażagħ li ħelsuha mill-mewt wara li kienu pprovaw jikkommettu suwiċidju qalu li ma kienx irnexxielhom isibu persuna adulta waħda maʼ min setgħu jitkellmu u jiftħu qalbhom.
Xi ngħidu għalik? Għandek lil xi ħadd maʼ min titkellem meta tħossok imdejjaq? Jekk le, għand min tistaʼ tmur?
Tkellem mal-Ġenituri Tiegħek
Alejandro, iż-żagħżugħ li ġie kwotat fil-bidu, jiddeskrivi x’jagħmel meta jħossu dipress: “Jien immur għand ommi għax sa minn meta twelidt dejjem appoġġatni, u hi ġġagħalni nħossni kunfidenti. Jien immur ukoll għand missieri għax hu għadda minn affarijiet bħali. Jekk inħossni mdejjaq u ma ngħid lil ħadd, wara nħossni agħar.” Rodolfo, tifel taʼ 11-il sena, jirrakkonta: “Xi kultant l-għalliem kien joqgħod imaqdarni u jċanfarni, u għalhekk kont inħossni mdejjaq ħafna. Kont immur it-tojlit biex nibki. Imbagħad, wara xi żmien, tkellimt m’ommi, u għenitni nsolvi l-problema tiegħi. Li kieku ma tkellimtx magħha, kont inkun iktar imdejjaq.”
Ġieli ħsibt li tiftaħ qalbek mal-ġenituri tiegħek? Forsi tħoss li m’hemm l-ebda ċans li huma jifhmu l-problemi li għaddej minnhom. Imma huwa dan minnu? Forsi huwa veru li ma jistgħux jifhmu għalkollox il-pressjonijiet kollha li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ fid-dinja tal-lum. Madankollu, m’huwiex veru wkoll li l-ġenituri tiegħek x’aktarx li huma l-iktar nies fid-dinja li jafuk sew? Alejandro jgħid: “Xi kultant il-ġenituri tiegħi ma jsibuhiex faċli biex jikkumpatuni u jifhmu kif inħossni.” Minkejja dan, hu jammetti: “Naf li nistaʼ mmur għandhom.” Taʼ spiss iż-żgħażagħ jibqgħu mistagħġba kemm il-ġenituri jifhmuhom il-problemi tagħhom! Minħabba li huma akbar fl-età u għandhom iktar esperjenza, taʼ spiss huma jistgħu joffru pariri utli, iktar u iktar jekk dawn ikollhom esperjenza dwar kif japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja.
“Meta nitkellem mal-ġenituri tiegħi, nirċievi inkuraġġiment u soluzzjonijiet prattiċi għall-problemi tiegħi,” tgħid Beatriz, li ġiet kwotata iktar kmieni. Mhux taʼ b’xejn mela li l-Bibbja toffri dan il-parir liż-żgħażagħ: “Ħares, ibni, ordnijiet missierek, u twarrbux tagħlim ommok. Ismaʼ minn missierek li tak il-ħajja, u tmaqdarx ’l ommok meta tixjieħ.”—Proverbji 6:20; 23:22.
M’għandniex xi ngħidu, m’huwiex faċli li tiftaħ qalbek mal-ġenituri tiegħek jekk ma jkollokx relazzjoni tajba magħhom. Skond Dr. Catalina González Forteza, studju li sar fost studenti tas-sekondarja wera li dawk iż-żgħażagħ li qalu li kienu pprovaw ineħħu ħajjithom b’idejhom kellhom stima baxxa tagħhom infushom u ma kellhomx relazzjoni tajba mal-ġenituri tagħhom. B’kuntrast, żgħażagħ li jevitaw ħsibijiet bħal dawn li jfarrkuhom ġeneralment ikunu “dawk li jgawdu relazzjoni tajba m’ommhom u missierhom.”
Mela, aħdem bil-għaqal biex tikkultiva relazzjoni tajba mal-ġenituri tiegħek. Ħudha drawwa li titkellem magħhom regolarment. Għidilhom x’inhu għaddej f’ħajtek. Staqsihom mistoqsijiet. Permezz taʼ konversazzjonijiet bħal dawn fuq affarijiet taʼ kuljum, tistaʼ ssibha iktar faċli biex tavviċinahom meta jkollok problema serja.
Meta Titkellem maʼ Xi Ħabib
Imma m’huwiex iktar faċli li titkellem maʼ sħabek taʼ mparek dwar il-problemi tiegħek? Veru, huwa tajjeb li jkollok ħbieb li tistaʼ tafdahom. Proverbji 18:24 jgħid li “ħabib tassew jintrabat miegħek aktar minn ħuk.” Imma filwaqt li sħabek taʼ mparek jistgħu jikkumpatuk u jappoġġawk, dawn mhux dejjem jistgħu joffrulek l-aħjar pariri. Wara kollox, ġeneralment dawn daqsek ikunu għadhom raw mill-ħajja. Tiftakru lil Reħobogħam? Hu kien sultan fi żminijiet Bibliċi. Minflok m’aċċetta l-parir taʼ rġiel maturi u bl-esperjenza, hu semaʼ minn sħabu. X’kien ir-riżultat? Diżastru! Reħobogħam tilef kemm l-appoġġ taʼ kważi l-ġens tiegħu kollu u kemm l-approvazzjoni t’Alla.—1 Slaten 12:8-19.
Problema oħra li tistaʼ tqum meta tiftaħ qalbek maʼ sħabek taʼ mparek hija l-kwistjoni tal-kunfidenzjalità. Arturo, żagħżugħ li ġie kwotat fil-bidu, josserva: “Il-maġġuranza tas-subien li naf jitkellmu maʼ sħabhom meta jħossuhom imdejqin. Imma wara, ħbiebhom imorru jgħidu kollox maʼ ħaddieħor u joqogħdu jiddieħqu bihom.” Gabriela, żagħżugħa taʼ tlettax-il sena kellha esperjenza simili. Hi tgħid: “Darba waħda skoprejt li l-ħabiba tiegħi kienet qed tmur tgħid lill-ħabiba tagħha dwar l-affarijiet persunali tiegħi, u għalhekk ma bqajtx niftaħ qalbi magħha. Iva, nitkellem maʼ nies taʼ mpari, imma nipprova ma ngħidilhomx affarijiet li jistgħu jeffettwawni ħażin jekk dawn imorru jgħiduhom lil ħaddieħor.” Mela meta qed tfittex l-għajnuna, huwa importanti li ssib lil xi ħadd li ma ‘jikxifx dak li jaf fuq ħaddieħor.’ (Proverbji 25:9) Xi ħadd bħal dan x’aktarx li jkun individwu akbar minnek fl-età.
Mela jekk għal xi raġuni jew oħra ma tistax issib appoġġ minn tad-dar, ma jimpurtax jekk issib ħabib jew ħabiba maʼ min tiftaħ qalbek, imma kun ċert li dawn ikollhom esperjenza fil-ħajja u għarfien tal-prinċipji Bibliċi. M’hemmx dubju li fil-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah hemm uħud bħal dawn. Liliana, żagħżugħa taʼ sittax-il sena tgħid: “Jien ftaħt qalbi maʼ xi aħwa Kristjani nisa, u dan sibtu tajjeb ħafna. Minħabba li huma akbar minni, il-parir tagħhom jagħmel sens. Issa huma saru ħbiebi.”
Xi ngħidu jekk anki l-ispiritwalità tiegħek ħadet daqqa taʼ ħarta? Forsi tant kont qed tħossok imdejjaq li bdejt tittraskura t-talb jew il-qari tal-Bibbja. F’Ġakbu 5:14, 15, il-Bibbja tagħti dan il-parir: “Hemm xi ħadd marid fostkom? Ħalli dan isejjaħ lill-presbiteri [“lix-xjuħ”, Karm Żammit] tal-Knisja, biex dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f’isem il-Mulej; it-talba tal-fidi ssalva lill-marid, u l-Mulej iqajjmu.” Fil-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah hemm irġiel xjuħ li għandhom esperjenza kif jgħinu lil nies li huma skuraġġiti jew morda spiritwalment. Iżżommx lura milli titkellem magħhom. Il-Bibbja tgħid li rġiel bħal dawn jistgħu jkunu “bħal ilqugħ għar-riħ, u kenn fit-tempesta.”—Isaija 32:2.
“Uru lil Alla Xi Jkollkom Bżonn”
Jibqaʼ l-fatt madankollu li l-aqwa sors t’għajnuna huwa dak “Alla taʼ kull faraġ.” (2 Korintin 1:3) Meta tħossok imdejjaq u dipress, imxi fuq il-parir li jagħti Filippin 4:6, 7: “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.” Jehovah hu dejjem lest li jagħtik widen. (Salm 46:2 [46:1, NW]; 77:2 [77:1, NW]) U xi kultant, kulma jkollok bżonn ikun it-talb biex isserraħ ftit moħħok.
Jekk minn żmien għal żmien tħossok imdejjaq jew dipress, qatt tinsa li ħafna żgħażagħ oħra ħassewhom l-istess bħalek xi darba. Jiġi żmien meta x’aktarx li ma tibqax tħossok hekk. Imma sadattant, toqgħodx tbati waħdek. Tkellem maʼ xi ħadd biex turih li qed tbati. Proverbji 12:25 jgħid: “L-inkwiet ikiddha qalb il-bniedem, imma kelma tajba tferraħha.” Imma minfejn se ssibha “kelma tajba” taʼ inkuraġġiment? Billi titkellem maʼ xi ħadd—xi ħadd li għandu esperjenza, għarfien, u għerf divin sabiex jagħtik il-faraġ u l-għajnuna li għandek bżonn.
[Nota taʼ taħt]
a Jekk is-sentimenti taʼ dwejjaq jibqgħu hemm, dan jistaʼ jindika xi taqlib emozzjonali jew fiżiku serju. Huwa rakkomandat li tingħata attenzjoni medika minnufih. Ara l-artiklu “Winning the Battle Against Depression” (‘Kif Tirbaħ il-Battalja Kontra d-Dipressjoni,’) fil-ħarġa bl-Ingliż tar-rivista li toħroġ flimkien maʼ din, The Watchtower, taʼ l-1 taʼ Marzu, 1990.
[Kumment f’paġna 14]
“Meta nitkellem mal-ġenituri tiegħi, nirċievi inkuraġġiment u soluzzjonijiet prattiċi”
[Kumment f’paġna 15]
Ġeneralment, ġenituri li jibżgħu minn Alla jkunu f’pożizzjoni aħjar minn ħbiebek biex jagħtuk parir