Sforz Biex il-Vatikan Jitneħħa mill-Ġnus Magħquda
L-AĠENZIJA taʼ l-aħbarijiet ibbażata f’Ruma, Inter Press Service (IPS), irrapportat li “koalizzjoni internazzjonali taʼ iktar minn 70 organizzazzjoni mhux governattivi (NGOs) bdew kampanja globali biex il-Vatikan jitneħħa mill-Ġnus Magħquda.” Fil-preżent, il-Vatikan huwa osservatur permanenti, jew stat mhux membru, fl-organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda. Il-Vatikan ilu f’din il-pożizzjoni mill-1964.
Dan il-grupp t’organizzazzjonijiet mhux governattivi, li s’April tas-sena l-oħra kien żdied għal 100 organizzazzjoni madwar id-dinja, għala qiegħed joġġezzjona għall-pożizzjoni li għandu l-Vatikan fil-Ġnus Magħquda? Dawn l-organizzazzjonijiet qed isostnu li r-raġuni hi li l-Vatikan huwa awtorità reliġjuża u mhux stat politiku. Frances Kissling, il-presidentessa tal-Kattoliċi għal Għażla Ħielsa, qalet lill-IPS li l-koalizzjoni m’hijiex topponi għad-dritt li għandu l-Vatikan li jesprimi l-ħarsa tiegħu, imma “l-kwistjoni kollha hi d-dritt li jokkupa pożizzjoni mal-gvernijiet meta m’huwiex stat.”
Anika Rahman, direttriċi taʼ Programmi Internazzjonali fiċ-Ċentru għal-Liġi u Politika Riproduttivi, taqbel maʼ dan. L-IPS ikkwotaha bħala li qalet li “jekk il-Ġnus Magħquda tittratta lis-Santa Sede bħala stat bi privileġġi t’osservatur permanenti minħabba l-awtorità reliġjuża li għandha, il-korporazzjoni dinjija qed toħloq preċedent għal talbiet simili minn reliġjonijiet oħra.” Hi żiedet: “Biex jiġi żgurat li l-Ġnus Magħquda ma tippromwovi l-ebda reliġjon partikulari, entitajiet reliġjużi bħalma hija l-Knisja Kattolika Rumana m’għandhomx jitħallew jipparteċipaw f’dan il-forum bħala stat mhux membru.”
Imma xi ngħidu għall-argument li l-Vatikan huwa stat u għalhekk huwa intitolat għall-pożizzjoni li għandu fil-preżent? “Dan huwa logħob bil-kliem,” wieġbet is-Sinjorina Kissling f’intervista. “Aħna nħossu li din hija bażikament definizzjoni taʼ stat tas-seklu 15 u li fil-fatt, is-Santa Sede hija l-istruttura governattiva tar-reliġjon.” Hi kompliet tgħid li t-termini “Vatikan” u “s-Santa Sede” huma t-tnejn “sinonimi għall-Knisja Kattolika Rumana.”
Ir-raġuni prinċipali għala dawn l-organizzazzjonijiet mhux governattivi huma kontra l-pożizzjoni li għandu bħalissa l-Vatikan fil-Ġnus Magħquda hija minħabba l-ħarsa tal-Vatikan rigward kwistjonijiet tal-popolazzjoni. Per eżempju, il-Vatikan inqeda b’diversi konferenzi tal-Ġnus Magħquda biex jesprimi d-diżapprovazzjoni tiegħu rigward l-ippjanar tal-familja. Dawn l-okkażjonijiet kienu waqt il-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp taʼ l-1994 fil-Kajr, u waqt il-Konferenza tan-Nisa taʼ l-1995 f’Beijing. L-IPS jinnota li peress li l-Ġnus Magħquda tasal għall-maġġuranza tad-deċiżjonijiet li tieħu permezz taʼ ftehim ġenerali, l-opinjonijiet differenti li jesprimi l-Vatikan fixklu n-negozjati fuq kwistjonijiet relatati mal-popolazzjoni, il-kontraċezzjoni, id-drittijiet tan-nisa u l-kura tas-saħħa riproduttiva.
Skond is-Sinjorina Kissling, “l-irwol addattat għall-Vatikan huwa dak taʼ NGO [organizzazzjoni mhux governattiva]—l-istess bħall-NGOs l-oħra li jirrappreżentaw lill-Musulmani, ’il-Ħindu, ’il-Buddisti, ’il-Baħaj u organizzazzjonijiet reliġjużi oħra.” Il-koalizzjoni trid li s-segretarju ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Kofi Annan u fl-aħħar mill-aħħar l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, jikkonduċu reviżjoni uffiċjali tal-pożizzjoni li jokkupa l-Vatikan fl-akbar korp politiku fid-dinja.
[Stampi f’paġna 31]
Uffiċjal tal-Vatikan jindirizza lill-Ġnus Magħquda
[Sorsi]
UN/DPI Photo by Sophie Paris
UN photo 143-936/J. Isaac