LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 11/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Hemm Evidenza li Pawlu Żar Ċipru?
  • Tfal li Jaqgħu Vittmi
  • Semmi l-​Ispeċi Ġodda Għalik
  • Annimali Salvaġġi fiċ-​Ċina Meqjusa Bħala Ikel Fin
  • Huwa Importanti li Tieħu Opinjoni Oħra?
  • Ħbieb Perikolużi
  • Iktar ma Tikber, Iktar Jiżdied l-​Għerf
  • Nissieġa mill-​Aqwa
  • Jistgħu Jiġu Skansati mill-Estinzjoni?
    Stenbaħ!—2012
  • Jistgħu l-Ispeċi li Hawn fuq l-Art Jiġu Salvati?
    Stenbaħ!—2001
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2012
Stenbaħ!—2000
g00 11/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

Hemm Evidenza li Pawlu Żar Ċipru?

“L-​arkeoloġi Taljani f’Pafos, lejn il-​lbiċ tal-​kosta blatija u mixwija bix-​xemx taʼ Ċipru, qed jgħidu li skoprew l-​iktar evidenza materjali bikrija tal-​preżenza taʼ Pawlu fuq il-​gżira,” tinnota r-​rivista Biblical Archaeology Review. Din tkompli tgħid li s’issa ż-​żjara taʼ l-​appostlu kienet magħrufa biss mit-​Testment il-​Ġdid. Ir-​rivista ssemmi l-​versi f’Atti 13:4-6, li jgħidu li fl-​ewwel vjaġġ missjunarju tiegħu, Pawlu telaq bil-​baħar għal Ċipru u qasam il-​gżira kollha sa Pafos. L-​evidenza tikkonsisti fi fdal minn plakka taʼ l-​irħam li turi żewġ linji taʼ kitba Griega. Fin-​naħa taʼ fuq hemm miktub “LOY,” u taħtha hemm “OSTO.” L-​arkeoloġi qalu li trid tinqara “(PAU)LOY (AP)OSTO(LOY),” jew “Pawlu appostlu,” u jgħidu li d-​data tagħha hi taʼ l-​ewwel jew it-​tieni seklu E.K. Filippo Giudice, kap tat-​tim arkeoloġiku, qal li permezz taʼ dan il-​fdal li nstab f’Pafos jistgħu jibdew jiddisinjaw mill-​ġdid il-​mappa tal-​vjaġġi taʼ Pawlu.

Tfal li Jaqgħu Vittmi

“Kuljum, . . . 30,500 tifel u tifla taħt il-​ħames snin imutu b’kaġuni li jistgħu jiġu evitati,” jgħid il-​Fond tal-​Ġnus Magħquda għat-​Tfal fir-​rapport The State of the World’s Children 2000. Il-​gazzetta Indian Express tirrapporta li “huwa stmat li f’dawn l-​aħħar għaxar snin żewġ miljun tifel u tifla nqatlu u sitt miljuni korrew jew ġew immankati fi ġlied bl-​armi u ħafna miljuni iktar taʼ tfal huma vittmi t’abbuż minn drittijiet umani.” Iktar minn 15-il miljun tifel u tifla huma refuġjati, u iktar minn miljun ġew mifrudin mill-​ġenituri tagħhom jew spiċċaw orfni. Iktar minn hekk, ir-​rapport isemmi l-​istudji li għamlet l-​Organizzazzjoni Internazzjonali tax-​Xogħol. Dawn juru li minn taʼ l-​inqas 250 miljun tifel u tifla taʼ bejn il-​5 u l-​14-il sena qed jiġu mġagħlin jaħdmu bilfors, u 20 fil-​mija minnhom jaħdmu f’kundizzjonijiet perikolużi għall-​aħħar. Madwar miljun tifel u tifla mad-​dinja kollha qed jiġu sforzati jaħdmu bħala prostituti, u 250,000 tifel u tifla jiġu infettati bil-​virus taʼ l-​HIV kull xahar. U 130 miljun tifel u tifla​—li żewġ terzi minnhom huma bniet—ma jmorrux skola.

Semmi l-​Ispeċi Ġodda Għalik

“Qed tfittex dak ir-​rigal iktar speċjali mis-​soltu għal xi ħadd li tħobb illi donnu għandu kollox?” tistaqsi r-​rivista Science. Din tgħid li tistaʼ ssib l-​għajnuna. Tistaʼ tagħti donazzjoni lir-​riċerka dwar il-​bijodiversità, u mbagħad tistaʼ tagħżel xi speċi li ma kinitx magħrufa qabel, bħal xi orkidea, jew nemusa, jew xi dudu tal-​baħar, u ssemmiha għall-​persuna li tkun trid tagħtiha r-​rigal. Ir-​rivista tkompli tgħid li dan l-​isem jibqaʼ mniżżel fil-​letteratura xjentifika għal dejjem. Jew tistaʼ ssemmiha għalik. Ir-​riċerka li saret dan l-​aħħar turi li s’issa speċi waħda biss minn kull għaxra li jeżistu llum, jew inqas minn hekk, għadha ġiet deskritta fil-​letteratura xjentifika. Eluf taʼ speċi li nġabru jinsabu fil-​kxaxen tal-​mużewijiet mingħajr isem. Dawn qed jistennew li jissemmew u jiġu deskritti f’xi rivista xjentifika. In-​nies issa jistgħu jmorru f’xi Web site u jaraw stampi taʼ diversi speċi li diġà ġew deskritti u lesti biex jiġu pubblikati imma għad jonqoshom l-​isem. Imbagħad, jekk jagħtu donazzjoni taʼ $2,800 [Lm1,077] jew iktar, jistgħu jagħtu isem Latin lill-​ispeċi li jagħżlu huma. B’hekk, l-​organizzazzjoni msejħa BIOPAT tittama li tiġbor il-​fondi kemm għax-​xogħol taʼ klassifikazzjoni li tagħmel kif ukoll għall-​konservazzjoni taʼ l-​ispeċi ġodda.

Annimali Salvaġġi fiċ-​Ċina Meqjusa Bħala Ikel Fin

L-​annimali salvaġġi fiċ-​Ċina jinsabu mheddin minħabba li “l-​istili taʼ ħajja u d-​drawwiet fl-​ikel qed jinbidlu,” tinnota r-​rivista Down to Earth. Iktar nies saru jemmnu li ċerti tipi t’annimali salvaġġi huma iktar tajbin għas-​saħħa minn ikel ieħor. Għalhekk l-​ikel fin u mhux tas-​soltu sar imfittex iktar. Is-​sriep jinsabu fil-​quċċata tal-​lista, u dawk velenużi jiswew id-​doppju taʼ dawk li m’humiex. Il-​ħnieżer salvaġġi, iż-​żibetti, ir-​rospi, iż-​żrinġijiet, il-​pitoni, il-​pangolini, l-​antilopijiet Tibetani, u l-​għasafar rari huma kollha popolari ħafna man-​nies u jidhru fil-​menù taʼ ħafna restoranti fiċ-​Ċina kollha. Ħafna minn dawn il-​ħlejjaq jinsabu fil-​lista t’annimali li qegħdin fil-​periklu. Għalhekk il-​gvern suppost li jagħtihom il-​protezzjoni. Minkejja dan, xi sidien tar-​restoranti jwaħħlu tabelli biex jiżguraw lill-​klijenti tagħhom li l-​annimali salvaġġi li jservu huma tassew salvaġġi u m’humiex immansati jew imnisslin artifiċjalment. Il-​gvern Ċiniż beda kampanja biex jipproteġi lill-​annimali salvaġġi milli jispiċċaw f’xi riċetta persunali taʼ xi ħadd, u qed juża l-​frażi, “Tikolx annimali salvaġġi.”

Huwa Importanti li Tieħu Opinjoni Oħra?

Il-​gazzetta tal-​Belt tal-​Messiku The News tgħid li ħafna nies iħossu li mhix edukazzjoni li jieħdu opinjoni taʼ xi ħadd wara li jkunu diġà staqsew lil ħaddieħor, u li dan in-​nuqqas taʼ insistenza min-​naħa tal-​pazjenti jistaʼ jiswielhom ħajjithom. Ħafna drabi l-​pazjenti jibżgħu li t-​tabib tagħhom se jieħu għalih jekk ikunu jridu jitolbu l-​opinjoni taʼ xi ħadd ieħor. Imma “l-​biċċa l-​kbira tat-​tobba ma jiddejqux li l-​pazjenti jmorru jistaqsu,” tgħid il-​gazzetta. Tkompli tgħid li jekk it-​tabib tiegħek jiddejjaq, jistaʼ jkun sinjal li għad jinqalaʼ l-​inkwiet ’il quddiem. Illum, kemm it-​tobba u kemm il-​kumpaniji taʼ l-​assigurazzjoni jemmnu li sabiex il-​pazjenti żgur jieħdu l-​aħjar kura, ikun tajjeb li dawn ikollhom iktar minn opinjoni waħda. It-​Tabib Michael Andrews, president tas-​Soċjetà taʼ l-​Onkoloġija Klinika f’Ġeorġja, jgħid li hu jinkuraġġixxi lill-​pazjenti tiegħu biex jieħdu opinjoni oħra għax ħafna drabi, meta jmorru lura għandu jħossuhom iktar ċerti minn dak li jkun irrikkmandalhom. Id-​direttur taʼ grupp tas-​saħħa pubblika qal li l-​pazjenti jridu dejjem jiftakru li hemm ġisimhom fin-​nofs.

Ħbieb Perikolużi

Is-​sewwieqa adolexxenti għandhom iktar ċans li jkollhom inċident fatali jekk ikun hemm il-​passiġġieri fil-​karozza, skond studju li ġie rapportat fir-​rivista The Journal of the American Medical Association. Ir-​riċerkaturi mill-​Università Johns Hopkins, f’Maryland, l-​Istati Uniti, sabu li r-​riskju tal-​mewt li għandu sewwieq taʼ 16-il sena jiżdied b’39 fil-​mija maʼ kull passiġġier li jtellaʼ, 86 fil-​mija maʼ kull żewġ passiġġieri, u 282 fil-​mija maʼ tliet passiġġieri jew iktar. Ir-​raġunijiet prinċipali li ssemmew kienu li dawn iġibu ruħhom b’mod perikoluż fis-​sewqan, u dan ġie assoċjat ħafna mal-​preżenza t’oħrajn taʼ mparhom. Sitwazzjonijiet li jinvolvu riskju jinkludu li jsuqu b’veloċità qawwija, isuqu eżatt wara karozzi oħrajn, jinjoraw id-​dwal tat-​traffiku meta tkun qed tixgħel il-​bozza l-​ħamra, isuqu taħt l-​influwenza tad-​drogi jew l-​alkoħol, u li l-​passiġġieri l-​oħra jfixkluhom bil-​logħob goff tagħhom.

Iktar ma Tikber, Iktar Jiżdied l-​Għerf

Ir-​riċerkaturi sabu li partijiet mill-​moħħ jistgħu jipproduċu ċelluli ġodda hekk kif in-​nies jibdew jikbru, tirrapporta The Times taʼ Londra. Qabel kienu jaħsbu li ċ-​ċelluli tal-​moħħ ma kinux jirriproduċu fi bniedem adult. The Times tgħid li biex iċ-​ċelluli jiġu inkuraġġiti jirriproduċu, il-​moħħ irid jinżamm attiv. Fi studju reċenti fost nies taʼ ’l fuq minn 65 sena, instab li t-​tagħlim u t-​taħlit maʼ nies oħra dehru li jinkuraġġixxu t-​tkabbir ġdid taʼ ċelluli tal-​moħħ u l-​konnessjonijiet tagħhom. Ir-​riċerkaturi sabu li meta n-​nies jitħalltu maʼ nies oħra, dan itejbilhom saħħithom u l-​kwalità taʼ ħajjithom, u jtawlilhom ħajjithom. In-​newroxjenzata Susan Greenfield tikkummenta: “Iktar ma jkollok esperjenza vasta, iktar se jkollok konnessjonijiet. Allura huwa veru li iktar maʼ n-​nies jikbru, iktar jiżdidilhom l-​għerf.”

Nissieġa mill-​Aqwa

“Il-​ħarir tal-​brimb huwa wieħed mill-​iktar materjali b’saħħithom fuq l-​Art,” tgħid ir-​rivista New Scientist. Kull fibra tistaʼ tiġġebbed minn darbtejn sa erbaʼ darbiet iktar minn tulha qabel ma tinqataʼ. Din tant hi b’saħħitha li ntqal li ħajta taʼ dan il-​ħarir li tkun ħoxna daqs lapes tistaʼ twaqqaf jumbo jet hu u jtir. Ir-​riċerkaturi ilhom jipprovaw jiskopru s-​sigrieti taʼ kif tinseġ il-​brimba biex ikunu jistgħu jużaw dak li jsibu f’industriji differenti. Per eżempju, bħalissa l-​materjal li jintgħażel għall-​ġkieket protettivi li jifilħu għall-​isparaturi huwa l-​Kevlar, materjal artifiċjali magħmul billi jintuża “aċidu sulforiku konċentrat li jissaħħan sakemm kważi jagħli,” tgħid ir-​rivista. Imma hu u jsir, il-​Kevlar jipproduċi wkoll affarijiet tossiċi u diffiċli biex teħles minnhom. Mill-​banda l-​oħra, il-​brimb jaħdem il-​ħarir mill-​“proteina u mill-​ilma komuni, f’livelli taʼ pH u temperaturi li jixbhu lil dawk li jinsabu f’ħalq il-​bniedem.” Iktar minn hekk, din it-​taħlita taʼ ilma u proteina tinħadem f’fibra li ma tiċċarratx meta tagħmel ix-​xita. B’hekk, in-​New Scientist qalet: “Minkejja s-​snin sħaħ taʼ studju, il-​ħarir tal-​brimb għadu enigma.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja