LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 12/8 pp. 20-23
  • Problemi fil-Prostata—Kif Tistaʼ Tkampa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Problemi fil-Prostata—Kif Tistaʼ Tkampa
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Minn Xiex Tingħaraf Prostata Marida
  • Min l-​Iktar Jinsab f’Riskju?
  • Kif Jiġi Evitat Mard fil-​Prostata
  • Il-Kanċer tas-Sider—X’Tittama, Kif Tkampa
    Stenbaħ!—2012
  • Werrej
    Stenbaħ!—2000
  • Mingħand il-Qarrejja
    Stenbaħ!—2001
Stenbaħ!—2000
g00 12/8 pp. 20-23

Problemi fil-​Prostata—Kif Tistaʼ Tkampa

“Meta kelli 54 sena bdejt nagħmel l-​awrina spiss, xi kultant kull 30 minuta. Minħabba f’hekk iddeċidejt li mmur nara tabib, u sirt naf li kien se jkollhom ineħħuli l-​prostata.” Fl-​isptarijiet madwar id-​dinja, nisimgħu ħafna stejjer bħal din dwar il-​prostata. X’jistaʼ jagħmel raġel biex jevita li jkollu xi mard fil-​prostata? Meta għandu jfittex parir mediku?

IL-​PROSTATA hija glandola forma taʼ ġewża li tinsab taħt il-​bużżieqa taʼ l-​awrina u mdawra maʼ l-​uretra, il-​pajp taʼ l-​awrina. (Ara l-​istampa tal-​pelvi tar-​raġel.) Fil-​każ taʼ raġel adult normali, din tkun tiżen 20 gramma, u d-​djagonal tagħha jkun 4 ċentimetri, it-​tul 3 ċentimetri u l-​wisaʼ 2 ċentimetri. Xogħolha hu li tipproduċi fluwidu li bejn wieħed u ieħor jammonta għal 30 fil-​mija tal-​likwidu li jġorr iż-​żerriegħa tar-​raġel. X’aktarx li dan il-​fluwidu, li jkun fih aċidu ċitriku, kalċju, u enzimi, jgħin lill-​ispermi biex jgħumu u jkunu fertili. Iktar minn hekk, il-​fluwidu li joħroġ mill-​prostata fih ukoll iż-​żingu, li skond ma jaħsbu x-​xjenzati, dan jipproteġi kontra l-​infezzjonijiet fil-​partijiet ġenitali.

Minn Xiex Tingħaraf Prostata Marida

Għadd taʼ sintomi fil-​pelvi taʼ l-​irġiel huma relatati maʼ mard li għandu x’jaqsam maʼ infjammazzjoni jew tumur fil-​prostata. L-​infjammazzjoni fil-​prostata (prostatitis) tistaʼ tikkaġuna deni, skumdità meta tgħaddi l-​awrina, u wġigħ fit-​tarf tas-​sinsla jew fil-​bużżieqa taʼ l-​awrina. Meta l-​prostata tkun minfuħa ħafna, din tistaʼ żżomm lill-​pazjent milli jgħaddi l-​awrina. Jekk l-​infjammazzjoni tkun kaġunata mill-​batterji, il-​marda tkun tissejjaħ bacterial prostatitis, u din tistaʼ tkun marda qasira jew li tieħu ż-​żmien. Din ġeneralment tkun assoċjata maʼ infezzjoni konnessa mas-​sistema taʼ l-​awrina. Madankollu, fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi, il-​kaġun taʼ l-​infjammazzjoni ma jinstabx, u għal din ir-​raġuni l-​marda tkun tissejjaħ nonbacterial prostatitis.

Meta wieħed ikun ibati bil-​prostata, il-​problemi komuni li jkollu huma li jibda jgħaddi l-​awrina iktar taʼ spiss u anki matul il-​lejl, u li jkollu s-​sensazzjoni li m’huwiex ibattal il-​bużżieqa taʼ l-​awrina għalkollox. Ħaġa oħra hi li n-​nixxiegħa taʼ l-​awrina ma tibqax qawwija bħal qabel. Dawn is-​sintomi ġeneralment jindikaw li wieħed ikollu tkabbir fil-​prostata imma li ma jkunx ikkaġunat minn kanċer, u bl-​Ingliż tissejjaħ benign prostatic hyperplasia (BPH). Din il-​marda tistaʼ teffettwa lill-​irġiel li għandhom ’il fuq minn 40 sena u ċ-​ċans li jkun hemm dan it-​tip taʼ mard fil-​prostata jiżdied maʼ l-​età. Fil-​fatt, 25 fil-​mija taʼ l-​irġiel li għandhom 55 sena u 50 fil-​mija taʼ l-​irġiel li għandhom 75 sena għandhom dan it-​tip taʼ mard.

Jistaʼ jiġri wkoll li tumuri qerrieda jattakkaw il-​prostata. Ġeneralment, kanċer tal-​prostata jindunaw bih waqt vista taʼ rutina, anki meta ma jkunx hemm sintomi relatati mal-​prostata. F’każi iktar serji, il-​bużżieqa taʼ l-​awrina tkun minfuħa u l-​awrina ma tkunx tistaʼ tgħaddi. Meta l-​kanċer ikun infirex għal organi oħra, jistaʼ jkun hemm uġigħ taʼ dahar, sintomi taʼ taqlib fis-​sistema tan-​nervituri, u nefħa fir-​riġlejn minħabba li s-​sistema limfatika tkun imblokkata. F’sena reċenti, fl-​Istati Uniti biss ġew rapportati madwar 300,000 każ ġdid taʼ kanċer tal-​prostata u 41,000 każ taʼ mewt minħabba f’hekk. Ix-​xjenzati jemmnu li 30 fil-​mija taʼ l-​irġiel li għandhom bejn is-​60 u d-​69 sena u 67 fil-​mija taʼ l-​irġiel li għandhom bejn it-​80 u d-​89 sena se jiżviluppaw kanċer tal-​prostata.

Min l-​Iktar Jinsab f’Riskju?

Ir-​riċerka turi li r-​riskju li wieħed jiżviluppa kanċer tal-​prostata jiżdied b’rata mgħaġġla wara l-​50 sena. Fl-​Istati Uniti, dan il-​kanċer huwa komuni madwar id-​doppju fost l-​irġiel suwed milli fost l-​irġiel bojod. Ir-​rata taʼ din il-​marda tvarja madwar id-​dinja. Fl-​Amerika taʼ Fuq u f’pajjiżi Ewropej, ir-​rata hija għolja, fl-​Amerika t’Isfel ir-​rata hija medja, u fl-​Asja r-​rata hija baxxa. Dan jissuġġerixxi li differenzi fl-​ambjent jew fid-​dieta jistgħu jkunu importanti fl-​iżvilupp tal-​kanċer tal-​prostata. Jekk raġel jemigra lejn pajjiż fejn hemm rata ogħla, ir-​riskju persunali tiegħu jistaʼ jiżdied.

Irġiel li jkollhom qraba bil-​kanċer tal-​prostata għandhom ċans akbar li jiżviluppawh. “Jekk raġel ikollu missieru jew ħuh marid bil-​kanċer tal-​prostata, ir-​riskju li jiżviluppa din il-​marda jirdoppja,” tispjega s-​Soċjetà Amerikana tal-​Kanċer. Xi fatturi oħra li jżidu r-​riskju huma l-​età, ir-​razza, in-​nazzjonalità, mard fil-​familja, id-​dieta, u n-​nuqqas t’attività fiżika. Dawk l-​irġiel li għandhom dieta li tinkludi ħafna xaħam u li xogħolhom hu dejjem bil-​qegħda għandhom iktar ċans li jiżviluppaw dan il-​kanċer.

Kif Jiġi Evitat Mard fil-​Prostata

Għalkemm ix-​xjenzati għadhom ma jafux eżattament x’jikkaġuna kanċer tal-​prostata, huma jemmnu li jistaʼ jkun hemm fatturi ġenetiċi u taʼ l-​ormoni involuti. Għallinqas hemm tnejn mir-​riskji involuti li nistgħu nikkontrollawhom—id-​dieta u n-​nuqqas t’attività fiżika. Is-​Soċjetà Amerikana tal-​Kanċer tirrikkmanda “li tnaqqas mill-​ikel li jkun fih kwantitajiet kbar taʼ xaħam li jkun ġej mill-​annimali u li tagħżel il-​biċċa l-​kbira taʼ dak li tiekol minn affarijiet li jkunu ġejjin mill-​ħxejjex.” Din tirrikkmanda wkoll li tiekol “ħames porzjonijiet jew iktar taʼ ħaxix u frott kuljum” kif ukoll ħobż, ċereali, għaġin, prodotti oħra magħmulin miż-​żrieragħ, ross, u fażola. It-​tadam, il-​grapefruit, u d-​dulliegħ fihom ħafna likopini—anti-ossidanti li jgħinu biex ma ssirx ħsara lid-​DNA u jistgħu jnaqqsu r-​riskju taʼ kanċer tal-​prostata. Xi esperti jsostnu wkoll li ċerti ħxejjex u minerali jistgħu jkunu t’għajnuna.

Is-Soċjetà Amerikana tal-​Kanċer u l-​Assoċjazzjoni Uroloġika Amerikana jemmnu li l-​ħajjiet tan-​nies jistgħu jiġu salvati jekk isiru testijiet għall-​kanċer tal-​prostata. Jekk il-​kanċer jinqabad fil-​bidunett, hemm iktar ċans li l-​kura tirnexxi. Is-​Soċjetà Amerikana tal-​Kanċer tirrikkmanda li l-​irġiel li huma ’l fuq minn 50 sena, jew ’il fuq minn 45 sena fil-​każ taʼ dawk li jinsabu f’iktar riskju, għandhom jagħmlu eżami mediku kull sena.a

L-​eżami mediku għandu jinkludi test tad-​demm għall-​antiġen speċifika tal-​prostata (prostate-specific antigen blood test [PSA]). Din l-​antiġen hija proteina prodotta minn ċelluli tal-​prostata. Il-​livell tagħha jiżdied fil-​mard tal-​prostata. “Jekk it-​test tal-​PSA li tkun għamilt ma jirriżultax normali, staqsi lit-​tabib tiegħek biex jgħidlek x’riskju għandek taʼ kanċer u x’testijiet oħra għandek bżonn tagħmel,” tgħid is-​Soċjetà Amerikana tal-​Kanċer. Fit-​testijiet hemm inkluż ukoll eżami bis-​swabaʼ fil-​musrana d-​dritta (digital rectal exam, jew DRE). F’dan il-​każ it-​tabib idaħħal sebgħu fil-​musrana d-​dritta min-​naħa taʼ wara, u b’hekk ikun jistaʼ jħoss jekk hemmx xi ħaġa li mhix normali fil-​glandola tal-​prostata. Dan huwa possibbli peress li l-​glandola tinsab lejn in-​naħa taʼ quddiem tal-​musrana d-​dritta. (Ara l-​istampa tal-​pelvi tar-​raġel f’paġna 20.) Test ieħor jinvolvi ultrasawnd li jsir fil-​musrana d-​dritta min-​naħa taʼ wara (transrectal ultrasound, jew TRUS) u dan huwa utli “meta l-​PSA jew id-​DRE jindikaw li hemm xi ħaġa mhix normali” u meta t-​tabib ikun irid jiddeċiedi jekk għandux jirrikkmanda li titneħħa ftit mill-​glandola tal-​prostata biex tiġi eżaminata. Dan it-​test jieħu madwar 20 minuta.

Permezz taʼ l-​eżami uroloġiku taʼ kull sena, dak li jkun jistaʼ jinduna jekk għandux kanċer tal-​prostata. Minbarra hekk, ikun jistaʼ wkoll jinduna minn kmieni jekk għandux il-​BPH, dik li semmejna qabel. Jekk il-​mard jinqabad f’dan l-​istadju, ma jkunx hemm għalfejn li tingħata kura daqshekk qawwija. (Ara l-​kaxxa “Kuri għall-​BPH.”) Persuna li tgħix ħajja nadifa moralment tistaʼ tipproteġi lilha nfisha minn mard venerju, li jistaʼ jikkaġuna infjammazzjoni fil-​prostata.

M’hemmx dubju li l-​prostata jixirqilha li tipproteġiha u tieħu ħsiebha. Ir-​raġel li ssemma fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu qal li issa rkupra għalkollox mill-​operazzjoni li għamel. Fl-​opinjoni tiegħu, “l-​irġiel kollha għandhom jagħmlu eżami mediku preventiv kull sena,” anki jekk ma jkollhom l-​ebda sintomu.

[Nota taʼ taħt]

a Jekk l-​età tiegħek taqaʼ f’din il-​kategorija, int mistieden tikkunsidra l-​kaxxa “Serje taʼ Mistoqsijiet li Jindikaw Sintomi taʼ Tkabbir fil-​Prostata li Ma Jkunx Kaġunat minn Kanċer (BPH).”

[Kaxxa f’paġna 21]

Serje taʼ Mistoqsijiet li Jindikaw Sintomi taʼ Tkabbir fil-​Prostata li Ma Jkunx Kaġunat minn Kanċer (BPH)

Direzzjonijiet: Wieġeb il-​mistoqsijiet t’hawn taħt billi tagħmel ċirku man-​numru addattat.

Il-​mistoqsijiet minn 1 sa 6 jridu jitwieġbu:

0—Qatt

1—Inqas minn darba f’ħames darbiet

2—Inqas minn nofs id-​drabi

3—Madwar nofs id-​drabi

4—Iktar minn nofs id-​drabi

5—Kważi dejjem

1. Matul dan l-​aħħar xahar, wara li għaddejt l-​awrina, kemm-il darba kellek is-​sensazzjoni li ma battaltx il-​bużżieqa taʼ l-​awrina għalkollox? 0 1 2 3 4 5

2. matul dan l-​aħħar xahar, kemm-il darba kellek terġaʼ tgħaddi l-​awrina f’inqas minn sagħtejn mill-​aħħar darba li tkun għaddejtha? 0 1 2 3 4 5

3. Matul dan l-​aħħar xahar, kemm-il darba ġralek li waqt li tkun qed tgħaddi l-​awrina, tibda tieqaf u terġaʼ tkompli għal diversi drabi? 0 1 2 3 4 5

4. Matul dan l-​aħħar xahar, kemm-il darba sibt li kien diffiċli biex tissaporti l-​awrina? 0 1 2 3 4 5

5. Matul dan l-​aħħar xahar, in-​nixxiegħa taʼ l-​awrina kemm-il darba ma kinitx qawwija bħas-​soltu? 0 1 2 3 4 5

6. Matul dan l-​aħħar xahar, kemm-il darba kellek titqanżaħ biex tibda tgħaddi l-​awrina? 0 1 2 3 4 5

7. Matul dan l-​aħħar xahar, bħala medja, kemm-il darba kellek tqum biex tgħaddi l-​awrina, minn x’ħin tidħol fis-​sodda sa x’ħin tqum fil-​għodu? (Agħmel ċirku man-​numru taʼ drabi.) 0 1 2 3 4 5

L-​għadd tan-​numri li timmarka jkun juri l-​punti tas-​sintomi tiegħek rigward il-​BPH. Mhux gravi: 0-7, moderati: 8-​19, gravi: 20-​35.

[Sors]

Mill-​Assoċjazzjoni Uroloġika Amerikana

[Kaxxa f’paġna 22]

Kuri għall-​BPH

◼ MEDIĊINI: Jintużaw ħafna mediċini differenti, skond is-​sintomi taʼ kull pazjent. It-​tabib tiegħek biss jistaʼ jordnahomlok.

◼ OSSERVAZZJONI: Il-​pazjent isirulu biss eżamijiet mediċi kull tant żmien u ma jużax mediċini.

◼  TRATTAMENT KIRURĠIKU:

(a) Fit-​tneħħija taʼ parti mill-​prostata minn ġol-​pajp taʼ l-​awrina (transurethral resection of the prostate, jew TURP), it-​tabib idaħħal strument (resectoscope) minn ġol-​pajp taʼ l-​awrina li jkun fih ħolqa taʼ l-​elettriku li taqtaʼ t-​tessuti u tissiġilla l-​vini tad-​demm. M’hemmx għalfejn issir qatgħa fuq barra. Din tieħu madwar 90 minuta. Proċeduri bħal din mill-​pajp taʼ l-​awrina huma inqas trawmatiċi minn kirurġija li tkun teħtieġ qatgħa fuq barra.

(b) L-​inċiżjoni fil-​prostata minn ġol-​pajp taʼ l-​awrina (transurethral incision of the prostate, jew TUIP) hija bħat-​TURP. Madankollu, f’din il-​proċedura jitwessaʼ l-​pajp taʼ l-​awrina billi jsiru xi qatgħat żgħar fl-​għonq tal-​bużżieqa u fil-​glandola nfisha tal-​prostata.

(ċ) L-​operazzjoni li teħtieġ qatgħa fuq barra tintuża meta ma tkunx tistaʼ ssir proċedura minn ġol-​pajp taʼ l-​awrina minħabba li l-​prostata tkun kibret ħafna.

(d) L-​operazzjoni bil-​laser tinvolvi l-​użu taʼ lasers biex jiġu evaporati t-​tessuti tal-​prostata li jkunu qed jimblokkaw.

Il-​pazjent irid jieħu d-​deċiżjoni aħħarija dwar liema kura se jaċċetta jekk jagħmel il-​ħsieb li jiġi kkurat. Rapport reċenti f’The New York Times innota li xi esperti huma saħansitra inċerti jekk għandhomx isiru testijiet għall-​kanċer tal-​prostata, speċjalment fil-​każ taʼ rġiel avanzati fl-​età. Huma jħossu li din il-​marda “tistaʼ tkun marda li tiżviluppa bil-​mod u li x’aktarx ma tikkaġunax ħsara dejjiema lis-​saħħa, mentri l-​kura li tingħata tistaʼ taʼ spiss tipproduċi effetti gravi.”

[Kaxxa f’paġna 22]

Mistoqsijiet li Tistaʼ Tistaqsi lit-​Tabib Tiegħek Qabel xi Operazzjoni

1. Liema operazzjoni tirrikkmanda?

2. Għala għandi bżonnha l-​operazzjoni?

3. Hemm alternattivi oħra għall-​operazzjoni?

4. X’inhuma l-​benefiċċji jekk issir l-​operazzjoni?

5. X’inhuma r-​riskji jekk issir l-​operazzjoni? (Per eżempju, emorraġija jew impotenza)

6. X’jiġri jekk ma nagħmilx din l-​operazzjoni?

7. Minfejn nistaʼ nikseb opinjoni oħra?

8. X’esperjenza għandek f’li tagħmel din l-​operazzjoni mingħajr trasfużjoni tad-​demm?

9. Fejn se ssir l-​operazzjoni? It-​tobba u l-​infermiera taʼ l-​isptar jirrispettaw id-​drittijiet tal-​pazjent dwar it-​trasfużjonijiet tad-​demm?

10. X’tip taʼ loppju se jkolli bżonn? L-​anestetista għandu esperjenza f’operazzjonijiet mingħajr trasfużjoni tad-​demm?

11. Kemm indum biex nirkupra?

12. Kemm se tqum l-​operazzjoni?

[Dijagramma f’paġna 20]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Stampa tal-​parti tal-​pelvi fir-​raġel

Bużżieqa taʼ l-​awrina

Prostata

Il-​musrana d-​dritta

Uretra

[Stampa f’paġna 23]

Dieta tajba u eżerċizzju moderat jistgħu jgħinu biex jonqos ir-​riskju taʼ kanċer tal-​prostata

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja