L-Imħabba Għala Tibred?
“Donnu huwa iktar faċli li ssir tħobb milli tibqaʼ tħobb.” —DR. KAREN KAYSER.
IŻ-ŻWIEĠ huwa relazzjoni umana komplikata, u ħafna jidħlu għalih bi ftit li xejn preparazzjoni. Għalhekk, m’hijiex xi sorpriża li ż-żwiġijiet neqsin mill-imħabba qed ifaqqsu bil-ħeffa. Dr. Dean S. Edell josserva: “Huwa mistenni minna li nuru ċerta ħila meta nkunu se nġibu l-liċenzja tas-sewqan, imma l-liċenzji taż-żwieġ jistgħu jinkisbu permezz taʼ firma.”
Għaldaqstant, filwaqt li ħafna żwiġijiet jirnexxu u huma verament ferħanin, hemm bosta li jgħaddu minn tensjoni qawwija. Forsi meta daħlu għaż-żwieġ, wieħed mill-miżżewġin jew it-tnejn li huma kienu qed jistennew affarijiet kbar. Imma mbagħad dawn ma jkollhomx l-abbiltajiet meħtiġin għal relazzjoni fit-tul. Dr. Harry Reis jispjega li għall-ewwel meta tnejn jibdew jinġibdu lejn xulxin iħossu sens qawwi taʼ sigurtà minn xulxin. Huma jħossuhom bħallikieku l-parti l-oħra hija “l-unika persuna oħra fid-dinja li tqis l-affarijiet kif iqisuhom huma. Dak is-sentiment xi kultant jibred, u meta jiġri hekk, jistaʼ jkollu effett taʼ ħsara fuq iż-żwieġ.”
B’ferħ, ħafna żwiġijiet ma jaslux sa dak il-punt. Imma ejja nikkunsidraw fil-qosor xi wħud mill-fatturi li f’xi każi ġagħlu l-imħabba tibred.
Diżappunti—“Jien Mhux Hekk Kont Qed Nistenna”
Rose tgħid li meta żżewġet lil Jim ħasbet li kienu se jkunu qishom il-Prinċep u l-Prinċipessa, billi jittrattaw lil xulxin b’mod romantiku, teneru, u b’konsiderazzjoni. Madankollu, wara ftit, il-‘prinċep’ taʼ Rose sparixxa. “Spiċċajt diżappuntata bl-ikrah minħabba fih,” tgħid hi.
Ħafna films, kotba, u diski popolari jpinġu l-imħabba b’mod mhux realistiku. Meta jkunu qed joħorġu flimkien, raġel u mara jistgħu jħossuhom li jkunu qegħdin f’xi ħolma li fl-aħħar tkun saret realtà. Imma wara ftit snin li jkunu ilhom miżżewġin, huma jikkonkludu li veru kienu qed joħolmu! Jekk iż-żwieġ tagħhom ma jkunx jixbah lil xi rumanz taʼ mħabba, iqisuh bħala falliment totali minflok wieħed li jistaʼ jirnexxi.
M’għandniex xi ngħidu, li wieħed jistenna xi affarijiet miż-żwieġ ma fiha assolutament xejn ħażin. Per eżempju, huwa bix-xieraq li wieħed jistenna li jkun maħbub, ikollu l-attenzjoni, u l-appoġġ mis-sieħeb tiegħu.a Madankollu, anki dawn ix-xewqat jistgħu ma jitwettqux. “Kważi nħossni li m’iniex miżżewġa,” tgħid Meena, żagħżugħa miżżewġa friska fl-Indja. “Inħossni waħdi u abbandunata.”
Personalitajiet Differenti għall-Aħħar —“Ma Naqblu f’Xejn”
Waħda mara qalet kif kważi f’kull ħaġa hemm baħar jaqsam bejnha u bejn ir-raġel tagħha. “Ma tgħaddix ġurnata li ma jiddispjaċinix ferm mid-deċiżjoni tiegħi li niżżewweġ lilu. Xejn ma naqblu bejnietna.”
Ġeneralment ma tantx jilħaq jgħaddi żmien qabel ma tnejn jindunaw li ma jaqblux daqskemm kienu jaħsbu li jaqblu meta kienu għadhom għarajjes. Dr. Nina S. Fields kitbet kif taʼ spiss iż-żwieġ jikxef karatteristiċi li l-imseħbin fiż-żwieġ ikun irnexxielhom jaħbu meta kienu għadhom mhux miżżewġin.
Ir-riżultat ikun li wara li jiżżewġu xi koppji jistgħu jaslu biex jirraġunaw li ma jaqblu assolutament xejn flimkien. Dr. Aaron T. Beck jgħid li għalkemm il-koppji jkollhom ċerti affarijiet li jixxiebhu fil-personalità tagħhom u f’dak li jippreferu, il-biċċa l-kbira minnhom jidħlu għaż-żwieġ b’differenzi kbar fl-istil, id-drawwiet, u l-attitudnijiet tagħhom. Ħafna koppji ma jkunux jafu kif jirranġaw dawn id-differenzi.
Ġlied—“Dejjem Ikollna Xi Ngħidu”
Wara li rriflettiet fuq iż-żmien tal-bidu taż-żwieġ tagħha, Cindy qalet: “Konna niskantaw kemm konna niġġieldu—saħansitra nwerżqu, jew agħar minn hekk, induru ’l hemm u ’l hawn b’nervi kbar mingħajr ma ngħidu kelma waħda għal ġranet sħaħ.”
Fiż-żwieġ ma jistax ikun li tnejn ikollhom l-istess fehma fuq kollox. Imma kif għandhom iġibu ruħhom f’dawn is-sitwazzjonijiet? Dr. Daniel Goleman jikteb kif fi żwieġ li jkun sejjer tajjeb, ir-raġel u l-mara jħossuha faċli li jesprimu dak li jdejjaqhom. Imma fil-biċċa l-kbira jiġri li fid-dagħdigħa l-miżżewġin jesprimu ruħhom b’mod li jkisser lill-parti l-oħra, b’tali manjiera li jkun il-karattru tagħha li jiġi attakkat.
Meta jiġri hekk, il-konversazzjoni ssir battalja fejn it-tnejn li huma jibdew jiddefendu l-opinjonijiet tagħhom b’determinazzjoni ħarxa. Il-kliem jintuża bħala arma minflok bħala għodda għall-komunikazzjoni. Grupp wieħed t’esperti jgħid li meta l-imseħbin jibdew jargumentaw u jitilfu l-kontroll, l-iktar ħaġa taʼ ħsara hi li huma jkollhom it-tendenza li jgħidu ċerti affarijiet li jheddu l-iktar fattur vitali taż-żwieġ tagħhom.
Apatija—“Qtajna Jiesna”
“Qtajt jiesi milli nipprova nsalva ż-żwieġ tagħna,” stqarret waħda mara wara li kien ilha miżżewġa ħames snin. “Naf li qatt m’hu se jirnexxi issa. Kulma jimpurtani minnu issa huwa wliedna.”
Intqal li l-kuntrarju veru taʼ l-imħabba m’huwiex il-mibegħda imma l-apatija. U hekk hu, għax l-indifferenza tistaʼ teqred iż-żwieġ daqskemm jistgħu jeqirduh l-azzjonijiet taʼ mibegħda.
Iżda, b’dispjaċir ngħidu li xi miżżewġin tant jidraw iż-żwieġ mingħajr imħabba li jaqtgħu jieshom li hemm xi tama għal bidla. Per eżempju, raġel miżżewweġ qal li ż-żwieġ tiegħu għal 23 sena sħaħ kien qisu bħal meta “jkollok xogħol li ma jogħġbokx.” Hu żied: “Ikollok tagħmel l-aħjar li tistaʼ fis-sitwazzjoni.” B’mod simili, Wendy, li ilha miżżewġa sebaʼ snin, qatgħet qalbha minn żewġha. “Ipprovajt kemm-il darba,” tgħid hi, “u dejjem iddiżappuntani. Spiċċajt biex waqajt f’dipressjoni. Ma rridx nerġaʼ ngħaddi minnha. Jekk nimla rasi bit-tama, inweġġaʼ nistaʼ. Nippreferi ma nistenna xejn minnu—m’iniex se nkun ferħana, imma għall-inqas ma naqax f’dipressjoni.”
Id-diżappunti, il-personalitajiet differenti għall-aħħar, il-ġlied, u l-apatija huma biss xi ftit mill-fatturi li jistgħu jikkontribwixxu għal żwieġ nieqes mill-imħabba. Ovvjament, hemm iktar—ftit minnhom huma mniżżlin fil-kaxxa f’paġna 5. Ikun xi jkun li kkaġunah, għandhom xi tama dawk il-miżżewġin li donnhom huma maqbudin fi żwieġ fejn m’hemmx imħabba?
[Nota taʼ taħt]
a Għalkemm matul dawn l-artikli se nużaw il-kelma “sieħeb” fil-maskil, bla dubju dan il-materjal japplika bl-istess mod għaż-żewġ imseħbin fiz-żwieġ.
[Kaxxa f’paġna 5]
ŻWIĠIJIET BLA MĦABBA—XI FATTURI OĦRA
• Il-Flus: “Wieħed għandu mnejn jimmaġina li l-fatt li tnejn miżżewġin joqogħdu attenti x’jonfqu jgħaqqadhom flimkien peress li jkollhom bżonn jikkooperaw bejniethom, jikkontribwixxu mir-riżorsi tagħhom għall-bżonnijiet tal-ħajja, u jgawdu l-frott taʼ xogħolhom. Imma f’dan il-każ, ukoll, dak li jistaʼ jgħaqqad lil raġel u mara f’biċċa xogħol li tinvolvihom it-tnejn, taʼ spiss iwassalhom biex jinfirdu.”—Dr. Aaron T. Beck.
• L-Irwol taʼ Ġenituri: “Sibna li 67 fil-mija tal-koppji tonqsilhom sew il-kuntentizza fiż-żwieġ wara li titwildilhom l-ewwel tarbija, u l-ġlied jiżdied bi tmien darbiet. Parti minn dan huwa għaliex il-ġenituri jkunu għajjenin u ma jkollhomx ħafna ħin għalihom infushom.”—Dr. John Gottman.
• L-Ingann: “L-infedeltà taʼ spiss tinvolvi l-ingann, u l-ingann m’hu xejn ħlief tradiment tal-fiduċja. Meta tqis li l-fiduċja hija fattur kruċjali fi żwiġijiet dejjiema u taʼ suċċess, hija xi sorpriża li l-ingann jistaʼ jfarrak relazzjoni taż-żwieġ?”—Dr. Nina S. Fields.
• Is-Sess: “Hija xi ħaġa xokkanti imma komuni ħafna li sakemm in-nies jiġu biex jitolbu divorzju, is-sess ikun ilu nieqes għal snin sħaħ. F’ċerti każi r-relazzjoni sesswali qatt ma tkun ġiet stabbilita, u f’oħrajn is-sess kien mekkaniku, sempliċement mezz kif il-parti l-oħra tisfoga l-bżonnijiet fiżiċi tagħha.”—Judith S. Wallerstein, psikologa klinika.
[Kaxxa f’paġna 6]
X’EFFETT IĦALLI FUQ IT-TFAL?
Tistaʼ l-kwalità taż-żwieġ tiegħek teffettwa lil uliedek? It-tweġiba hija iva, skond Dr. John Gottman li għal 20 sena għamel riċerki fost koppji miżżewġin. Hu qal li f’żewġ studji t’għaxar snin kull wieħed instab li t-trabi taʼ ġenituri mdejqin ikollhom rati taʼ taħbit il-qalb ogħla matul il-logħob u ma jkunux daqstant kapaċi jikkalmaw. Hu jkompli jgħid li maż-żmien, l-inkwiet li jkun hemm fiż-żwieġ iwassal lit-tfal biex ma jmorrux tajjeb fl-iskola, anki jekk ikunu tfal intelliġenti. Mill-banda l-oħra, skond Dr. Gottman, it-tfal taʼ koppji miżżewġin li jkunu sejrin tajjeb flimkien “imorru aħjar kemm fl-iskola u kemm soċjalment, għax il-ġenituri tagħhom ikunu wrewhom kif jittrattaw lil nies oħrajn bir-rispett u kif jaġixxu meta xi ħadd iweġġagħhom emozzjonalment.”