LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 5/8 pp. 19-23
  • Għalkemm Truxa u Għamja, Sibt is-Sigurtà

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għalkemm Truxa u Għamja, Sibt is-Sigurtà
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Intbgħatt fi Skola Speċjali
  • Lura d-​Dar, imma Jinqalgħu l-​Problemi
  • Sforzi biex Intejjeb Ħajti
  • Immur Noqgħod f’Washington, D.C.
  • Infittex ir-​Reliġjon Vera
  • Tassew Ħassejtni Komda
  • Insib is-​Sigurtà li Kont Infittex
  • Żmien taʼ Provi
  • Imberkin minn Missierna Kollu Mħabba
  • Għożż lil Ħutek Neqsin mis-Smigħ!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • ‘Ġeħova Ġiegħel Wiċċu Jiddi Lejhom’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Oqgħod Attent biex Tgħin lil Nies Neqsin mis-Smigħ fit-Territorju Tiegħek
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
  • Għalkemm trux, ma żammejtx lura milli ngħallem lil oħrajn
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 5/8 pp. 19-23

Għalkemm Truxa u Għamja, Sibt is-​Sigurtà

KIF RAKKONTAT MINN JANICE ADAMS

Mit-​twelid, kont kważi truxa, iżda tgħallimt inkampa man-​nies li għandhom is-​smigħ. Imbagħad, meta kont fil-​kulleġġ, bqajt ixxokkjata meta qaluli li kont se nagħma wkoll. B’intenzjoni tajba, il-​konsulent tal-​kulleġġ tiegħi tani artiklu x’naqra dwar kif wieħed jgħix mingħajr ma jara u jismaʼ. Minnufih, għajnejja marru fuq il-​frażi li dawk li huma kemm torox u kemm għomja huma l-​iktar nies li jħossuhom waħedhom fid-​dinja. Infqajt nibki.

TWELIDT f’Des Moines, Iowa, l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika, fil-​11 taʼ Lulju, 1954, l-​unika tifla taʼ Dale u Phyllis Den Hartog. Il-​ġenituri tiegħi ma rrealizzawx li t-​tnejn li huma kienu jġorru marda ġenetika msejħa s-​sindromu taʼ Usher, li l-​karatteristika tagħha hi li wieħed jitwieled trux u li bil-​mod il-​mod jagħma wkoll.

Għall-ewwel, il-​ġenituri tiegħi ma bdewx jissuspettaw li għandi xi problemi. Forsi dan kien għax kont għadni nismaʼ ftit ħsejjes taʼ ton baxx u xi kultant kont inwieġeb għalihom. Madankollu, meta ma stajtx nitkellem, indunaw li kien hemm xi ħaġa ħażina serjament. It-​tabib għamel dijanjosi u fl-​aħħar meta kelli madwar tliet snin sab li kont truxa.

Il-ġenituri tiegħi nħasdu ferm b’din l-​aħbar. Madankollu, kienu determinati li nirċievi l-​aħjar edukazzjoni possibbli. Daħħluni fi skola eċċellenti tat-​tfal neqsin mis-​smigħ. Imma peress li kont kważi truxa, mort ħażin ħafna. Xi drabi, meta kont inħossni mdejqa kont inħabbat rasi mal-​ħajt.

Intbgħatt fi Skola Speċjali

Il-​ġenituri tiegħi għażlu li jdaħħluni fl-​Istitut Ċentrali għat-​Torox (Central Institute for the Deaf [CID]), f’St. Louis, Missouri. Minkejja l-​ispiża kbira li kienet se tiġihom u l-​uġigħ tal-​qalb li ħassew biex jibagħtuni fl-​età taʼ ħames snin, huma ħasbu li din l-​għażla kienet l-​isbaħ tama biex ikolli ħajja ferħana u taʼ suċċess. Jien u l-​ġenituri tiegħi ma stajniex nikkomunikaw dak iż-​żmien.

Bdejt nara lil ommi tippakkja l-​ħwejjeġ tiegħi f’bagoll. Il-​vjaġġ bil-​karozza qisu ma setaʼ jispiċċa qatt. Niftakar li fis-​CID bdejt nara li t-​tfal bniet żgħar l-​oħrajn kienu mingħajr ommijiet u għedt, ‘Mela m’għandix għalfejn nibqaʼ hawnhekk għax jien għandi mamà u papà.’ Meta sar il-​ħin biex il-​ġenituri tiegħi jitilqu, bdew jipprovaw jispjegawli li ftit xhur oħra jerġgħu jiġu. Tgħidx kemm bkejt u ma ridtx nitlaqhom, imma s-​sinjora taʼ l-​istitut ġibditni lura sabiex ikunu jistgħu jmorru.

Ħassejtni abbandunata. Waħdi mat-​tfal bniet l-​oħrajn fl-​ewwel lejl tagħna l-​iskola, bdejt nipprova nfarraġ lil tifla li bdiet tibki billi taparsi qgħadt inkellimha, għalkemm fil-​fatt ma stajtx nitkellem dak iż-​żmien. Is-​sinjora taʼ l-​istitut għajtet miegħi u għamlet bħal diviżorju bejnietna sabiex ma nkunux nistgħu nipprovaw nikkomunikaw. Minn dak in-​nhar ’l hemm dak il-​ħajt baqaʼ. L-​iżolament kien moħqrija għalija.

Bil-mod il-​mod, sirt naf li lkoll kemm aħna konna hemmhekk għax konna torox. Forsi l-​ġenituri tiegħi wara kollox kienu jħobbuni, imma bdejt nirraġuna li kien kollu tort tiegħi li ma stajtx nibqaʼ fl-​iskola li kont immur meta kont iżgħar. Din id-​darba kont determinata li mmur tajjeb u li maż-​żmien immur lura mal-​familja tiegħi.

L-edukazzjoni fis-​CID kienet waħda eċċellenti. Għalkemm ma kinux iħalluna nużaw il-​lingwa bis-​sinjali, ngħatajna ħafna istruzzjoni individwali kif naqraw ix-​xofftejn u nitkellmu. Kienu jenfasizzaw ukoll is-​suġġetti li kienu jgħallmuhom fi skejjel normali. Filwaqt li nemmen li l-​metodu taʼ tagħlim b’mod orali biss mhux dejjem jirnexxi fuq ħafna tfal torox, fuqi rnexxa, u ħassejtni sodisfatta. Bl-​apparat li kont nilbes biex jgħinni nismaʼ, tgħallimt kif nistaʼ nifhem il-​movimenti tal-​ħalq u l-​ħsejjes baxxi tal-​kliem tan-​nies. Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies li kellhom is-​smigħ bdew jifhmu x’kont inkun qed ngħid, u għalkemm ma kontx ċara kont qed nitjieb. Il-​ġenituri tiegħi u dawk fl-​iskola kienu sodisfatti ferm bis-​suċċess tiegħi. Xorta waħda kont għadni nixtieq ħafna mmur lura d-​dar.

Fil-vaganzi tas-​sajf dejjem kont nitlob lill-​ġenituri tiegħi biex iħalluni nibqaʼ d-​dar u mmur l-​iskola taʼ Iowa, imma kien għad m’hemmx programmi lokali. Wara li kont immur lura l-​iskola, ommi kienet tibgħatli ittra kuljum u biċċa chewing gum magħha. Kemm kont ngħożżu dak iċ-​chewing gum għax tant kien jirrappreżenta mħabba! Minflok nomogħdu, kont nerfaʼ kull biċċa, u speċjalment meta kont inħossni dipressa tant kont ngħożżhom.

Lura d-​Dar, imma Jinqalgħu l-​Problemi

Fl-​aħħar, meta kelli għaxar snin, il-​ġenituri tiegħi ħaduni d-​dar. Kemm ħassejtni ferħana u fis-​sigurtà li qegħda mal-​familja tiegħi! Inktibt fi skola speċjali lokali f’Des Moines għat-​tfal neqsin mis-​smigħ. Eventwalment tefgħuni fi klassijiet normali peress li kont naf ħafna naqra x-​xofftejn u kont nistaʼ nitkellem b’mod li jinftiehem. Madankollu, kelli niffaċċja ħafna sfidi fis-​sitwazzjoni ġdida tiegħi.

Meta kont fl-​iskola CID, kont inħossni aċċettata minn sħabi li kienu torox. Imma issa, bl-​abbiltà li naqra x-​xofftejn biss, ma kontx inkun nistaʼ nsegwi konversazzjoni sħiħa meta kien ikun hemm ħafna nies jitkellmu f’daqqa. Għalhekk, kienu jwarrbuni. Vera kont nixtieq niġi aċċettata!

Dan wassalni biex nipprova nikseb l-​approvazzjoni tal-​ġuvintur, u spiċċajt involuta f’sitwazzjonijiet fejn kien diffiċli li nżomm morali tajbin. U ma kontx naf ngħid le. Meta kelli 14-il sena, ġejt stuprata; imma m’għedt lil ħadd. Għalkemm il-​ġenituri tiegħi dejjem kienu jieħdu ħsiebi u jħobbuni, ħassejtni waħdi u mingħajr għajnuna.

Bl-apparat li kont nilbes biex jgħinni nismaʼ, stajt b’xi mod jew ieħor nismaʼ l-​mużika, imma l-​għażla tiegħi tal-​mużika kienet waħda dubjuża. Kont nismaʼ mużika acid rock tgħajjat li din tħeġġeġ id-​drogi. Bdejt ukoll nieħu l-​marijuana regolarment u iktar bdejt ningħalaq fija nnifsi. Għadni nitnikket s’issa meta noqgħod niftakar x’għamilt b’idejja matul dawk is-​snin mimlijin inkwiet u kemm batejna minħabba f’hekk jien u l-​familja tiegħi.

Sforzi biex Intejjeb Ħajti

Matul dan iż-​żmien, dejjem kont għatxana biex nitgħallem u xtaqt inkun kreattiva. Kont dejjem naqra, inpinġi, inħit, u nagħmel ix-​xogħol tar-​rakkmu. Xtaqt inwettaq iktar affarijiet f’ħajti milli setaʼ jirnexxilhom jagħmlu ħbiebi fil-​futur, li kienu involuti biss fid-​droga. Għalhekk, inktibt f’kulleġġ normali viċin id-​dar biex niżviluppa l-​interess tiegħi fl-​arti. Sadanittant, iddeċidejt li nitgħallem il-​lingwa bis-​sinjali għax kont imdejqa li dejjem niġi mwarrba.

Fl-aħħar, mort fl-​Istitut Tekniku Nazzjonali għat-​Torox f’Rochester, New York, biex nispeċjalizza fl-​arti taċ-​ċeramika. Minkejja li l-​vista t’għajnejja bdiet tonqos bil-​mod il-​mod—fatt li ma ridtx naċċettah—bdejt inħossni bħallikieku ħajti qabdet xejra tajba. Imma mbagħad il-​konsulent tal-​kulleġġ tiegħi malajr ġabni f’sensija meta qalli li fi ftit żmien kont se nagħma.

L-istituzzjoni ma kinitx preparata sew biex tkampa mal-​bżonnijiet tiegħi, u għalhekk kelli nitlaq. Issa x’kont se nagħmel? Għalkemm kont imdejqa għall-​fatt li dalwaqt kont se nagħma, kont determinata li nfittex mod biex ngħix ħajja indipendenti u mhux nispiċċa bħalma kien jgħid l-​artiklu li tani l-​konsulent, ‘waħda mill-​iktar nies li jħossuhom waħedhom fid-​dinja.’ Mort lura d-​dar f’Iowa biex nitgħallem naqra l-​Braille u kif nuża l-​istikka biex nimxi.

Immur Noqgħod f’Washington, D.C.

L-​Università taʼ Gallaudet f’Washington, D.C., l-​uniku kulleġġ taʼ l-​arti liberali għat-​torox fid-​dinja, kellha xi servizzi speċjalizzati għall-​istudenti torox u għomja fl-​istess ħin. Inktibt hemmhekk u ggradwajt bl-​unuri fl-​1979. Għal darb’oħra, ħassejtni ferħana immens li kelli suċċess fejn għandha x’taqsam l-​iskola.

Madankollu, xorta bdejt inħossni mwarrba minn sħabi. Għalkemm kont qed nagħma, ilħaqt tgħallimt il-​lingwa bis-​sinjali eżatt biex nibda nħossni qisni nappartjeni lil xi grupp, il-​komunità tat-​Torox. Il-​lingwa bis-​sinjali li nuża hija l-​istess waħda li jużaw nies torox oħrajn. Madankollu, peress li jkolli mmissilhom idejhom biex nifhimhom, xi nies torox kienu jevitawni għax kienu jħossuhom skomdi. Bdejt naħseb jekk qatt xi darba niġix verament aċċettata minn xi grupp taʼ nies.

Infittex ir-​Reliġjon Vera

Waqt li kont qed nikber qatt ma kelli faraġ mir-​reliġjon. U fil-​kulleġġ, avolja ħadt kors tar-​reliġjon, qatt ma rċivejt tweġibiet għall-​ħafna mistoqsijiet li kelli. Wara li ggradwajt mill-​kulleġġ, bqajt infittex għat-​tweġibiet. Matul dan iż-​żmien ma kontx ferħana bil-​mod kif kienet ħajti m’oħrajn, u għalhekk bdejt nitlob lil Alla għall-​gwida.

Fl-1981, erġajt mort fl-​Università taʼ Gallaudet biex nieħu l-​lawrja taʼ konsulent għar-​riabilitazzjoni. Bqajt nitlob għall-​għajnuna biex insib il-​knisja t-​tajba. Diversi nies offrewli biex jiħduni fil-​knejjes tagħhom, imma għal xi raġuni jew oħra ma wettqux l-​istedina tagħhom. Imbagħad, iltqajt maʼ Bill, li kien jismaʼ normali u li kien f’kulleġġ ukoll. B’kumbinazzjoni, hu skopra li bħalu jien kont interessata wkoll fil-​Bibbja, u qalli li kien qed jitgħallem kull xorta t’affarijiet taʼ l-​għaġeb max-​Xhieda taʼ Jehovah.

L-ewwel impressjoni tiegħi kienet li x-​Xhieda taʼ Jehovah kienu xi kult Lhudi, idea li sibt li kienet komuni fost ħafna nies torox. Bill assigurani li ma kinux hekk, u hu qalli li l-​aħjar mod biex insir nafhom sew hu li nattendi waħda mil-​laqgħat tagħhom. Veru, ma ridtx immur, imma ftakart fit-​talb tiegħi. Aċċettajt kontra qalbi, u għamilt dan bil-​patt u l-​kundizzjoni li noqogħdu fl-​aħħar ringiela sabiex inkunu nistgħu nitilqu ’l barra f’każ li jpoġġu pressjoni fuqna.

Tassew Ħassejtni Komda

Kont vera nervuża aħna u sejrin għal-​laqgħa. It-​tnejn li aħna konna libsin jeans blu u qmis tal-​flanella. Ħadt pjaċir li wasalna ftit tard għax hekk ma kellna għalfejn nitkellmu maʼ ħadd qabel il-​laqgħa. Bill beda jinterpreta fid-​dettall l-​affarijiet kollha li ma stajtx narahom jew nismagħhom. Għalkemm ma fhimtx sew kulma kien qed jiġri, bqajt impressjonata b’żewġ affarijiet: Il-​kelliemi l-​ħin kollu beda juża l-​Bibbja, u t-​tfal li kienu bil-​qegħda ħdejn il-​ġenituri tagħhom bdew jipparteċipaw b’mod attiv matul il-​laqgħa. Wara l-​laqgħa, minflok ma poġġew pressjoni fuqna, laqgħuna b’qalbhom kollha, minkejja l-​ilbies li kellna u li konna taʼ razza differenti.

Aħna konna l-​uniċi nies bojod fis-​Sala tas-​Saltna. Għalkemm ma kontx naf li kelli xi preġudizzju kontra s-​suwed, għall-​ewwel bdejt inħossni skomda hemmhekk. Madankollu, il-​messaġġ tal-​verità tal-​Bibbja kien wisq konvinċenti biex nieqaf għall-​fatt li ħassejtni skomda. Bdejna nattendu għal-​laqgħat regolarment. Xi ħaġa iktar taʼ sfida għalija kienet li ma kienx hemm nies torox f’dik il-​kongregazzjoni. Għalhekk, meta smajna dwar kongregazzjoni oħra li fiha kienu jattendu xi nies torox, bdejna mmorru hemmhekk. Għal darb’oħra, f’din il-​kongregazzjoni ġdida, fost l-​attendenza konna l-​uniċi nies bojod. Madankollu, ġagħluna nħossuna komdi mill-​ewwel.

Aċċettajna l-​offerta taʼ studju tal-​Bibbja. Fl-​aħħar, bdejt nirċievi t-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tiegħi. Mhux dejjem kont nifhimhom mill-​ewwel it-​tweġibiet, imma kienu Skritturali. Permezz taʼ iktar riċerka u meditazzjoni maż-​żmien stajt nifhem il-​veritajiet tal-​Bibbja. Għall-​ewwel darba f’ħajti, bdejt inħossni qrib taʼ Jehovah bħala dak Alla veru. Fl-​istess ħin, jien u Bill sirna ħbieb intimi. Kont naf li kellu grazzja miegħi, imma bqajt mistagħġba meta staqsieni biex niżżewġu. B’ferħ, għedtlu iva. Bill tgħammed ftit wara li żżewwiġna, u jien tgħammidt ftit xhur wara, fis-​26 taʼ Frar, 1983.

Insib is-​Sigurtà li Kont Infittex

Għall-​ewwel, bdejt nibżaʼ li nispiċċa mwarrba peress li l-​kongregazzjoni tagħna kien fiha biss żewġ persuni oħra torox u ma kinux imdorrijin jikkomunikaw maʼ persuna kemm truxa u kemm għamja. Stajt inħoss li l-​kongregazzjoni tagħna kellha l-​imħabba u l-​affezzjoni, imma għall-​ewwel ma stajtx nikkomunika direttament maʼ l-​aħwa. Dan kien qabbadni d-​dwejjaq. Ħafna drabi ħassejtni skuraġġita u waħdi. Madankollu, azzjoni taʼ qalb tajba mingħand ħu jew oħt kienet tmissli qalbi u ttellagħli l-​moral. Bill ukoll kien jinkuraġġini biex nippersisti fil-​ministeru tiegħi u nitlob lil Jehovah ħalli jġib iktar nies torox fi sħubija mal-​kongregazzjoni.

Iddeċidejt li nġib kelb li jmexxi l-​għomja sabiex inkun iktar indipendenti. Il-​kelb għenni wkoll biex ma nibqax inħossni iktar waħdi. Meta Bill kien ikun ix-​xogħol, kont nimxi sas-​Sala tas-​Saltna biex niltaqaʼ mal-​grupp li jkun ħiereġ fuq il-​ministeru Kristjan. Maż-​żmien, kelli erbat iklieb differenti, u kull wieħed minnhom kien qisu membru tal-​familja.

Għalkemm il-​kelb kien t’għajnuna, xtaqt iktar kuntatt man-​nies. Maż-​żmien, Jehovah bierek l-​isforzi tagħna biex inqajmu l-​interess għal studju tal-​Bibbja fost dawk torox. L-​interess żdied sal-​punt li ġiet ifformata kongregazzjoni tal-​lingwa bis-​sinjali f’Washington, D.C. Fl-​aħħar, stajt nikkomunika maʼ kull membru tal-​kongregazzjoni!

Bill ikkwalifika biex jaqdi bħala anzjan u ġie maħtur bħala l-​indokratur li jippresiedi tal-​kongregazzjoni tal-​lingwa bis-​sinjali. Ħassejtni se ntir bil-​ferħ f’li nikkonduċi l-​istudji tal-​Bibbja maʼ nies oħra li huma torox jew torox u għomja, li xi wħud minnhom issa qed jaqdu lil Jehovah lealment. Għallimt ukoll il-​lingwa bis-​sinjali lil xi aħwa nisa li għandhom is-​smigħ sabiex ikunu iktar effettivi fil-​ministeru meta jiltaqgħu mat-​torox.

Żmien taʼ Provi

Fl-​1992, ħakmitni dipressjoni qawwija li kellha x’taqsam maʼ l-​abbuż li għaddejt minnu fiż-​żgħożija. Għal xi snin, bilkemm stajt nibqaʼ sejra bl-​attivitajiet normali tal-​ħajja. Ħassejtni limitata—mhux għall-​fatt li kont truxa jew għamja—imma minħabba t-​taħwid emozzjonali kbir li kelli. Ħafna drabi kont naħseb li mhux se niflaħ immur għal-​laqgħat jew fil-​ministeru, u kont nitlob lil Jehovah biex jagħtini s-​saħħa ħalli nżomm l-​integrità. B’riżultat taʼ dan, rari tlift xi laqgħa, u bqajt regulari fil-​ministeru tiegħi matul dawk is-​snin taʼ swied il-​qalb.—Mattew 6:33.

Fl-1994, morna lejn Vancouver, British Columbia, il-​Kanada, biex ngħinu fl-​ifformar taʼ kongregazzjoni oħra tal-​lingwa bis-​sinjali. Il-​fatt li morna hemmhekk ma kienx faċli. Ħallejt warajja belt familjari b’ħafna ħbieb għeżież. Għalkemm kont għadni ma għelibtx għalkollox id-​dipressjoni u l-​ansjetà, is-​sagrifiċċji kollha li għamilna kienu taʼ siwi meta b’ferħ rajt kongregazzjoni ġdida tifforma f’Vancouver. Għamilt ħbieb prezzjużi fil-​kongregazzjoni ġdida, u għalhekk saret qisha dari.

Imberkin minn Missierna Kollu Mħabba

Fl-​1999, jien u żewġi u żewġ Xhieda oħra morna nżuru Ħaiti għal sitt ġimgħat biex ngħinu fil-​ministeru fost it-​torox. Billi ħdimna flimkien maʼ l-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah hemmhekk, għallimna l-​lingwa bis-​sinjali lill-​membri tal-​kongregazzjoni u ppridkajna magħhom fit-​territorju tat-​torox li tistaʼ tgħid kważi qatt ma kien inħadem. Fi ftit ġimgħat, inbdew ’il fuq minn 30 studju tal-​Bibbja maʼ wħud torox interessati! Mort lura d-​dar b’ħeġġa spiritwali mġedda u bdejt il-​ministeru full-time bħala pijuniera f’Settembru taʼ l-​1999. Bl-​għajnuna taʼ Jehovah, żewġi l-​għażiż, u kongregazzjoni li tappoġġani, ma nitlifx il-​ferħ waqt mumenti taʼ dipressjoni.

Matul is-​snin, esperjenzajt kemm Jehovah għandu affezzjoni tenera. (Ġakbu 5:11) Hu jieħu ħsieb in-​nies tiegħu kollha—imma speċjalment dawk bi bżonnijiet speċjali. Permezz taʼ l-​organizzazzjoni tiegħu, stajt nirċievi n-​New World Translation of the Holy Scriptures flimkien maʼ ħafna għajnuniet oħra għall-​istudju tal-​Bibbja bil-​Braille. Nieħu pjaċir fil-​konvenzjonijiet u l-​assembleat bil-​lingwa bis-​sinjali. Il-​kongregazzjoni tappoġġani bl-​imħabba billi jagħmluli s-​sinjali f’idejja taʼ dak li jkun qed jingħad, u b’hekk inkun involuta bis-​sħiħ fil-​laqgħat kollha. Minkejja li għandi żewġ diżabilitajiet, jien sibt is-​sigurtà fost in-​nies taʼ Jehovah. Mhux nirċievi biss imma nistaʼ nagħti wkoll, u dan iġibli ferħ kbir.—Atti 20:35.

Jien qed inħares ’il quddiem meta se nikseb kemm is-​smigħ u kemm il-​vista tiegħi fid-​dinja l-​ġdida taʼ Jehovah. Sadanittant, m’iniex waħda mill-​iktar nies li jħossuhom waħedhom fid-​dinja, imma għandi familja mad-​dinja kollha taʼ miljuni t’aħwa spiritwali. Dan kollu grazzi għal Jehovah, li wegħedni li qatt ma se jħallini jew jitlaqni. Iva, minkejja l-​isfidi kollha, nistaʼ ngħid: “Il-​Mulej l-​għajnuna tiegħi: jien ma nibżax.”—Lhud 13:5, 6.

[Stampa f’paġna 23]

Jagħmluli s-​sinjali f’idejja

[Stampa f’paġna 23]

Maʼ żewġi, Bill, illum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja