Il-Ħarsa tal-Bibbja
Huma r-Reliġjonijiet Kollha Toroq Differenti li Jwasslu Għand Alla?
“NAĦSEB li huwa letteralment inkredibbli li Alla taʼ l-univers kollu għażel li jsir magħruf minn fidi reliġjuża waħda,” qal l-awtur Marcus Borg. Ir-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi, Desmond Tutu qal: “L-ebda reliġjon ma tistaʼ ssostni li għandha l-verità kollha dwar il-misteru” tal-fidi. Ħarsa popolari tal-Ħindu hi “Jotto moth, totto poth,” u meta tiġi tradotta s-sugu tagħha huwa li r-reliġjonijiet kollha m’huma xejn ħlief toroq differenti li jwasslu lejn l-istess għan. Il-Buddisti wkoll għandhom din l-opinjoni. Tabilħaqq, miljuni taʼ nies jemmnu li r-reliġjonijiet kollha huma toroq differenti li jwasslu għand Alla.
Il-kittieb taʼ l-istorja Geoffrey Parrinder qal: “Xi kultant jintqal li r-reliġjonijiet kollha għandhom l-istess għan, jew huma toroq indaqs għall-verità, jew saħansitra li kollha jgħallmu l-istess duttrini.” It-tagħlim, ir-ritwali, u l-allat tar-reliġjonijiet huma tabilħaqq simili. Il-biċċa l-kbira tar-reliġjonijiet jitkellmu dwar l-imħabba u jgħallmu li l-qtil, is-serq, u l-gideb huma ħżiena. Fil-biċċa l-kbira tal-gruppi reliġjużi, ikun hemm min jagħmel sforzi sinċieri biex jgħin lil oħrajn. Għalhekk, mela, jekk xi ħadd ikun sinċier fit-twemmin tiegħu u jipprova jgħix ħajja tajba, jimporta x’reliġjon ikollu? Jew ir-reliġjonijiet huma biss toroq differenti li jwasslu għand Alla?
Is-Sinċerità Waħedha—Din Biżżejjed?
Ikkunsidra l-każ taʼ raġel Lhudi taʼ l-ewwel seklu jismu Sawl, li sar l-appostlu Kristjan magħruf bħala Pawlu. Hu kien segwaċi tal-Ġudaiżmu żeluż ħafna, u dan wasslu biex jipprova jeqred għalkollox il-qima tas-segwaċi taʼ Kristu, li hu kien iħoss li kienet qima żbaljata. (Atti 8:1-3; 9:1, 2) Imma permezz tal-ħniena t’Alla, Sawl irrealizza li nies reliġjużi ħafna bħalma kien hu setaʼ jkollhom żelu għal Alla, iżda, minħabba li ma jkollhomx il-fatti kollha, setgħu jkunu żbaljati. (Rumani 10:2) Meta Sawl beda jitgħallem iktar dwar ir-rieda t’Alla u dak li għamel, hu nbidel u beda jqim maʼ l-istess nies li kien qed jippersegwita qabel—is-segwaċi taʼ Ġesù Kristu.—1 Timotju 1:12-16.
Veru li l-Bibbja tgħid li hemm mijiet taʼ reliġjonijiet minfejn nagħżlu u tkun liema tkun li nagħżlu Alla se jaċċettaha? L-appostlu Pawlu rċieva istruzzjonijiet minn Ġesù Kristu rxoxtat li kienu jgħidu pjuttost il-kontra. Ġesù bagħtu għand in-nies tal-ġnus ‘biex jiftħilhom għajnejhom ħalli jerġgħu lura mid-dlam għad-dawl u mis-setgħa tax-xitan u jduru lejn Alla.’ (Atti 26:17, 18) Jidher ċar li l-għażla tagħna tar-reliġjon tagħmel differenza. Ħafna min-nies li Pawlu ntbagħat għandhom diġà kellhom reliġjon. Imma kienu fid-“dlam.” Iva, kieku r-reliġjonijiet kollha kienu biss toroq differenti li jwasslu għall-ħajja taʼ dejjem u għall-approvazzjoni t’Alla, kieku ma kienx ikun hemm għalfejn li Ġesù jħarreġ lis-segwaċi tiegħu għax-xogħol li inkarigahom bih, jiġifieri li jagħmlu dixxipli.—Mattew 28:19, 20.
Fil-Priedka tal-Muntanja famuża, Ġesù qal: “Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesaʼ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!” (Mattew 7:13, 14) Il-Bibbja tgħid ċar u tond li hemm “fidi waħda.” (Efesin 4:5) Jidher ċar li ħafna li jinsabu fit-triq “spazjuża” għandhom reliġjon. Imma m’għandhomx il-“fidi waħda.” Billi hemm għamla taʼ qima vera waħda, dawk li jixtiequ jsibu l-fidi vera jridu jibqgħu jfittxuha.
It-Tfittxija għal Dak Alla Veru
Mill-bidunett taʼ l-istorja tal-bniedem, Alla qal lill-bnedmin x’iridhom jagħmlu. (Ġenesi 1:28; 2:15-17; 4:3-5) Illum aħna nistgħu nsibu fil-Bibbja spjegazzjoni ċara taʼ dak li jirrikjedi minna. Permezz t’hekk nistgħu niddistingwu bejn dik li hi qima aċċettata u dik li m’hijiex. (Mattew 15:3-9) Xi nies wirtuha r-reliġjon tagħhom, filwaqt li oħrajn sempliċement jimxu mal-maġġuranza fil-komunità. Ħafna nies għandhom ir-reliġjon li għandhom sempliċement minħabba ż-żmien u l-post li twieldu fih. Madankollu, għandek int tħalli l-għażla tiegħek tar-reliġjon tkun b’kumbinazzjoni jew tħalli lil ħaddieħor jieħu d-deċiżjoni għalik?
L-għażla li tagħmel rigward reliġjon għandha tkun waħda informata u bbażata fuq eżami bir-reqqa taʼ l-Iskrittura. Fl-ewwel seklu, ċerti nies t’edukazzjoni m’aċċettawx il-kliem taʼ l-appostlu Pawlu kif ġieb u laħaq. Huma “kuljum bdew iqallbu l-Iskrittura biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.” (Atti 17:11; 1 Ġwann 4:1) Għala ma tagħmilx l-istess ħaġa int stess?
Il-Bibbja tiddeskrivi lil Alla taʼ l-univers bħala li qed ifittex lil nies biex iqimuh bil-verità. Bħalma hemm miktub fi Ġwann 4:23, 24, Ġesù spjega: “Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità. Għax il-missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità.” Qima biss li hi ‘safja u bla tebgħa quddiem Alla u Missierna’ hija aċċettabbli għalih. (Ġakbu 1:27) Alla bierek it-tfittxija taʼ miljuni taʼ nies għat-triq id-dejqa li twassal għall-ħajja. Hu mhux se jagħti l-ħajja eterna lil nies indifferenti, imma minflok se jagħtiha lil dawk li tassew jagħmlu sforz biex isibu t-triq id-dejqa li ħejja u mbagħad isegwuha.—Malakija 3:18.