Il-Ħarsa tal-Bibbja
Ħażin li Titnikket Minħabba l-Mewt taʼ Xi Ħadd?
“MA RRIDUX LI MA TKUNUX TAFU, ĦUTI, FUQ IL-MEJTIN BIEX MA SSEWDUX QALBKOM BĦALL-OĦRAJN LI MA GĦANDHOMX TAMA.” —1 TESSALONIKIN 4:13.
IL-BIBBJA toffri tama għal dawk li mietu. Il-mirakli taʼ l-irxoxt li wettaq Ġesù, kif ukoll it-tagħlim tiegħu, jiġbdu l-attenzjoni lejn żmien meta l-mejtin se jerġgħu jingħataw il-ħajja. (Mattew 22:23-33; Mark 5:35, 36, 41, 42; Luqa 7:12-16) Din it-tama kif għandha teffettwana? Il-kliem taʼ l-appostlu Pawlu li huwa kwotat hawn fuq jindika li din it-tama tistaʼ tkun taʼ faraġ meta xi ħadd maħbub imut.
Jekk mietlek xi ħadd li kont tħobb, int żgur li ġarrabt l-uġigħ emozzjonali li jinħass meta jkun hemm traġedja bħal din. Theresa, li r-raġel tagħha miet taʼ 42 sena ftit wara li kien għamel operazzjoni f’qalbu, tgħid: “Kien xokk kbir għalija! Għall-ewwel qabadni biżaʼ kbir. Imbagħad bdejt inħoss uġigħ kbir ferm li baqaʼ jikber hekk kif kompla għaddej iż-żmien. Bkejt ħafna.” Jekk wieħed jirreaġixxi hekk, ikun dan ifisser li naqsitlu l-fidi fil-wegħda taʼ Jehovah li jirxoxta lill-mejtin? Il-kliem taʼ Pawlu jfisser li huwa ħażin li wieħed jitnikket?
Eżempji mill-Bibbja taʼ Wħud li Tnikktu
It-tweġiba għal dawk il-mistoqsijiet se nsibuha billi neżaminaw l-eżempji mill-Bibbja taʼ wħud li tnikktu. F’ħafna mir-rakkonti, meta miet xi ħadd minn tal-familja stess kien hemm ukoll perijodu taʼ vistu. (Ġenesi 27:41; 50:7-10; Salm 35:14) Is-sentimenti marbutin maʼ dan iż-żmien taʼ niket taʼ spiss kienu qawwijin ferm.
Ikkunsidra kif xi rġiel taʼ fidi tnikktu minħabba l-mewt taʼ xi ħadd li kienu jħobbu. Per eżempju, Abraham kellu fidi qawwija li Alla setaʼ jirxoxta lill-mejtin. (Lhud 11:19) Avolja kien daqstant konvint minn dan, meta mietet martu, hu “daħal jagħmel il-vistu għal Sara u jibkiha.” (Ġenesi 23:1, 2) Meta wlied Ġakobb gidbu u qalulu li ibnu l-maħbub Ġużeppi kien miet, Ġakobb “ċarrat ilbiesu u . . . bkieh.” (Ġenesi 37:34, 35) Fil-fatt, ħafna snin wara, il-ħsieb tal-mewt taʼ ibnu l-maħbub kien għadu jsewwidlu qalbu ħafna lil Ġakobb! (Ġenesi 42:36-38) Is-sultan David ukoll wera b’mod qawwi u fil-beraħ in-niket tiegħu meta mietu wliedu Amnon u Absalom. Għalkemm it-tnejn li huma ġabu l-inkwiet lil David u lill-familja tiegħu, xorta kienu wliedu, u l-mewt tagħhom ġabitlu diqa kbira.—2 Samwel 13:28-39; 19:1 [18:33, NW].
Xi kultant, il-ġens sħiħ taʼ Iżrael kien ikun imnikket bil-mewt taʼ xi ħadd, bħalma ġara meta miet Mosè. Dewteronomju 34:8 jgħidilna li l-Iżraelin damu 30 jum jibkuh.
Fl-aħħarnett, għandna l-eżempju taʼ Ġesù Kristu. Il-ħabib kbir tiegħu Lazzru miet. U meta Ġesù ra kemm ħut Lazzru, Marta u Marija, u ħbiebhom bdew jibku, hu “ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna.” Għalkemm kien jaf li ftit wara kien se jerġaʼ jġib lura għall-ħajja lill-ħabib tiegħu, hu xorta waħda “beka.” Ġesù kien iħobbhom lil ħbiebu l-għeżież, Marta u Marija. Għalhekk tqanqal profondament meta ra d-diqa kbira tagħhom għall-mewt taʼ ħuhom.—Ġwann 11:33-36.
Abraham, Ġakobb, David, u Ġesù lkoll eżerċitaw fidi kbira f’Jehovah u fil-wegħdi tiegħu, imma xorta sewdu qalbhom. Kien il-fatt li tnikktu sinjal taʼ dgħjufija spiritwali? Id-diqa tagħhom kienet tindika nuqqas taʼ fidi fl-irxoxt? Xejn affattu! In-niket huwa reazzjoni normali għall-mewt taʼ xi ħadd maħbub.
Għala Nitnikktu
Qatt ma kien l-iskop t’Alla li l-bnedmin imutu. L-iskop oriġinali taʼ Jehovah, bħalma ntqal lil Adam u Eva, kien li l-art issir ġenna sabiħa mimlija b’familja ferħana fejn kulħadd iħobb lil xulxin. Il-mewt kienet se tiġi biss jekk dik l-ewwel koppja tagħżel li ma tobdix lil Jehovah. (Ġenesi 1:28; 2:17) B’dispjaċir, Adam u Eva veru m’obdewx, u minħabba d-diżubbidjenza, “il-mewt laħqet il-bnedmin kollha.” (Rumani 5:12; 6:23) B’hekk, il-mewt hija għadu kattiv li qatt ma suppost kellu jeżisti.—1 Korintin 15:26.
Mela, huwa raġunevoli li meta individwu jgħaddi minn ġrajja li m’hi naturali xejn, bħalma hija l-mewt taʼ xi ħadd għal qalbu, se jħoss uġigħ emozzjonali kbir. Il-mewt toħloq vojt enormi fil-ħajja tagħhom. Theresa, l-armla li semmejna iktar kmieni, qalet rigward żewġha: “Jien ċerta li se nerġaʼ narah fl-irxoxt, imma issa nimmissjah wisq. Għalhekk inħossni mweġġgħa ħafna.” Il-mewt taʼ xi ħadd mill-ġenituri tistaʼ tfakkarna dwar li aħna stess immutu. Il-mewt taʼ żagħżugħ jew żagħżugħa tkiddna b’mod partikulari minħabba li hija traġedja li wieħed ma jkunx għex ħajtu bis-sħiħ.—Isaija 38:10.
Iva, il-mewt mhix naturali. L-uġigħ li tikkaġuna huwa mistenni, u Jehovah ma jqisx lil wieħed li jitnikket bħala li tkun naqsitlu l-fidi fl-irxoxt. Bħalma rajna mill-eżempji t’Abraham, Ġakobb, David, il-ġens taʼ Iżrael, u Ġesù, billi nesprimu bil-miftuħ l-uġigħ taʼ qalbna ma jfissirx li aħna dgħajfin spiritwalment.a
Madankollu, filwaqt li aħna bħala Kristjani żgur li nitnikktu minħabba l-mewt, ma nsewdux qalbna “bħall-oħrajn li ma għandhomx tama.” (1 Tessalonikin 4:13) Aħna ma nixhrux bin-niket kemm nifilħu bla ebda kontroll għax m’aħniex imħawdin dwar il-kundizzjoni tal-mejtin. Aħna nafu li m’humiex qed iħossu wġigħ jew dwejjaq imma jinsabu bħallikieku f’raqda fonda, u fil-paċi. (Koħèlet 9:5; Mark 5:39; Ġwann 11:11-14) Aħna wkoll fiduċjużi għalkollox li Ġesù, “il-qawmien u l-ħajja,” se jaġixxi rigward il-wegħda tiegħu biex iġib lura lil “dawk kollha li jkunu fl-oqbra.”—Ġwann 5:28, 29; 11:24, 25.
Għalhekk, jekk tinsab imnikket f’dan iż-żmien, sib faraġ billi tkun konxju li Jehovah jifhem l-uġigħ li qed tħoss. Jalla l-fatt li tkun taf dan u t-tama tiegħek fl-irxoxt itaffulek in-niket u jgħinuk tkampa mat-telfa tiegħek.
[Nota taʼ taħt]
a Għall-għajnuna kif tissaporti n-niket, ara paġni 14-19 tal-browxer Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.