Kif il-Ħolma Tiegħi Saret Realtà
KIF RAKKONTAT MINN ALENA Z̆ITNÍKOVÁ
Meta kont qed nitrabba fiċ-Ċekoslovakkja, il-pajjiż dominat mis-Sovjetiċi, il-familja tagħna kienet imxennqa biex tara d-dinja paċifika li wiegħed il-Komuniżmu. Madankollu, il-ħolma tal-Komuniżmu li joħloq soċjetà ferħana u magħquda ntemmet ħesrem meta l-Unjoni Sovjetika sfaxxat fix-xejn fl-1991. Ħalli niddeskrivi kif il-ħolma tiegħi saret realtà b’mod ieħor.
JIEN twelidt fit-12 taʼ Settembru, 1962, ġo familja taʼ Komunisti devoti li kienu jgħixu f’Horní Benešov, raħal madwar 290 kilometru ’l bogħod minn Praga. Missieri kellu fiduċja fl-ideat Komunisti u kien jgħix fi qbil magħhom. Anki lili, lil oħti, u liż-żewġ ħuti subien rabbiena bl-istess ideat. Hu għallimna li jekk naħdmu onestament u ngħixu ħajja deċenti, inkunu nistgħu ngħinu biex tinħoloq soċjetà aħjar. Kien jikkunsidra l-Komuniżmu bħala l-aqwa forma taʼ gvern u appoġġah b’mod attiv.
Taʼ spiss, missieri kien jattendi laqgħat fejn kien jiġi glorifikat il-Komuniżmu. Kien imaqdar ir-reliġjon minħabba l-ipokrisija tal-knejjes, u aħna ġejna mgħallmin u spiċċajna nemmnu li Alla ma jeżistix. Missieri kien jemmen li maż-żmien, meta n-nies kollha jingħataw dar u jkollhom ikel biżżejjed, huma kienu se jsiru nies aħjar u jgħixu fil-paċi. Kien prospett sabiħ li smajt ħafna dwaru jien u nikber. Kont nemmen dak kollu li kien jgħallimna missieri, u jien ukoll kont determinata li nappoġġa l-Komuniżmu.
Bħala tifla żgħira, bdejt nipprepara biex insir pijuniera, kif kienu jissejħu l-membri taʼ l-organizzazzjoni popolari taż-żgħażagħ Komunisti Pijunieri Żgħar. Il-pijunieri kienu jiġu mħeġġin biex jiżviluppaw kwalitajiet tajbin u jkunu patrijottiċi. Meta kelli disaʼ snin, ħadt il-ġurament solenni tiegħi bħala pijuniera u ngħatajt maktur aħmar biex nilbsu. F’okkażjonijiet speċjali kienu jħalluni nilbes ukoll il-libsa li l-pijunieri kienu jużawha bħala uniformi formali. Ipprovajt inkun pijuniera tajba. Meta kont nismaʼ lil sħabi taʼ l-iskola jitkellmu b’mod vulgari, kont inċanfarhom, waqt li kont infakkarhom li l-pijunieri bniet ma jitkellmux b’dan il-mod.
Madankollu, maż-żmien bdejt nirrealizza li ħafna minn dawk li kienu jistqarru li huma Komunisti ma kinux jgħixu skond l-ideat Komunisti. Minflok ma kienu jirreżistu l-inklinazzjonijiet umani tar-regħba u l-għira, kienu jisirqu propjetajiet pubbliċi. Kien hemm ħafna li għalkemm kienu jħeġġu lil oħrajn biex jaħdmu għall-benefiċċju tan-nies, ma kinux jagħmlu hekk huma. Fil-fatt, sar popolari l-qawl: “Min ma jisraqx, jisraq mill-familja tiegħu stess.” Bdejt nistaqsi lili nnifsi, ‘Għala hawn daqshekk ipokrisija? Għala hawn daqshekk ftit nies li jaħdmu biex jappoġġaw l-ideat mill-aħjar tal-Komuniżmu? Għala l-isforzi li qed isiru mhux qed ikollhom suċċess?’
Żmien li Nerġaʼ Neżamina Lili Nnifsi
Meta kelli bejn l-14 u s-17-il sena, qattajt parti mill-btala tiegħi tas-sajf m’Alena, ħabiba taʼ l-iskola. Darba waħda fil-għaxija ġiet tarana ħabiba adulta t’Alena li kien jisimha Tanya. “Irrid inkellimkom dwar xi ħaġa importanti ħafna,” qalet hi. “Ikkonvinċejt ruħi li Alla jeżisti.” Bqajna mistagħġbin li kienet waslet għal din il-konklużjoni. Wara li għaddielna x-xokk, ħadnielha rasha bil-mistoqsijiet. “Xi provi għandek?” “X’dehra għandu?” “Fejn jgħix?” “Għax ma jintervienix?”
Tanya wieġbet il-mistoqsijiet tagħna waħda wara l-oħra. Spjegatilna li l-iskop oriġinali t’Alla kien li l-art tkun dar ġenna għall-umanità, u ddeskriviet kif dan l-iskop se jitwettaq maż-żmien. Meta wrietna mill-Bibbja l-wegħdi t’art nadifa abitata minn nies f’saħħithom li jieħdu ħsieb xulxin, ftakart li dawn kienu simili għall-wegħdi li kont nemmen fihom jien. Imma kont ċerta li jekk missieri jismaʼ li dawn l-affarijiet meraviljużi se jintlaħqu permezz tas-Saltna t’Alla—u mhux permezz tal-Komuniżmu—ma kienx se jieħu pjaċir.
Il-fatt hu li darba, meta kelli dawk is-sitta jew sebaʼ snin, it-tifla taʼ waħda li kienet toqgħod ħdejna ħaditni fi knisja, bil-moħbi tal-ġenituri tiegħi. Il-qassis irrakkonta storja mill-Bibbja, u tant għoġbitni li xtaqt nikseb iktar tagħrif. Saħansitra rnexxieli nikseb xi letteratura reliġjuża biex naqraha. Meta għedt lill-ġenituri tiegħi, huma widdbuni bl-aħrax biex ma nerġax immur il-knisja, u qerdu kulma kont ġibt id-dar. Biex jenfasizza l-punt tiegħu, missieri anki tani daqqtejn.
Wara dan, Alla ma ssemmiex iktar fid-dar tagħna. Bdejt nemmen li n-nies sempliċi u mingħajr skola biss kienu jemmnu f’Alla u li r-reliġjon kienet invenzjoni tal-bniedem. Fl-iskola konna mgħallmin li ladarba hemm xi fenomeni li ma nistgħux nifhmuhom, in-nies sempliċement ivvintaw l-idea li hemm Alla. Imma issa kont iltqajt maʼ Tanya, mara intelliġenti—għalliema taʼ l-iskola, fil-fatt—u din kienet temmen f’Alla! ‘Żgur li hemm xi verità f’dak li qalet!’ għedt bejni u bejn ruħi.
Tanya tant tkellmet b’persważjoni li kkonvinċejna ruħna li hi kienet temmen dak li qalet. Għalhekk staqsejnieha, “Tanya, x’ikkonvinċiek li Alla jeżisti tassew?”
“Il-Bibbja,” wieġbet hi. “Il-mistoqsijiet kollha li staqsejtuni huma mweġbin fil-Bibbja. Tixtiequ tifhmuha aħjar?”
Kont naf li l-ġenituri tiegħi ma kinux se jieħdu pjaċir jekk nibda nistudja l-Bibbja. Madankollu, tant xtaqt nitgħallem iktar. Għalhekk, Tanya tatni l-indirizz taʼ Ludmila, waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah li kienet tgħix ħdejna f’Horní Benešov. Hekk kif eżaminajt maʼ Ludmila l-wegħdi t’Alla dwar ġenna taʼ l-art, kont nistaqsi lili nnifsi, ‘X’garanzija għandi li dawn se jitwettqu?’
Ludmila qaltli li kelli bżonn nitgħallem iktar dwar Alla biex inkun nistaʼ nemmen fih u fil-wegħdi tiegħu. Mill-istudju tagħna kkonvinċejt ruħi li l-art u l-ħafna forom kumplessi taʼ ħajja li jeżistu ma ġewx b’kumbinazzjoni. Kelli nagħraf li bilfors li jeżisti Ħallieq intelliġenti ferm. Irrealizzajt kemm hi loġika l-Bibbja meta tgħid: “Għax kull dar jibniha xi ħadd, imma Alla jibni kollox hu.”—Lhud 3:4.
Jien xtaqt li l-familja tiegħi titgħallem dawn l-affarijiet. Madankollu, ħassejt li ma kinux se jinteressaw ruħhom, u għalhekk żammejt lura milli ngħidilhom. Imbagħad, darba waħda, fost l-affarijiet persunali tiegħi, ommi sabet paġna li kienet inqalgħet minn Bibbja qadima li kont iddobbajt. Il-ġenituri tiegħi ħassewhom mifxulin ferm.
Diskussjoni maʼ Missieri
Meta missieri kkonferma s-suspett li kellu li jien kien qed ikolli kuntatt max-Xhieda taʼ Jehovah, stidinni għal passiġġata twila. “Trid twaqqaf minnufih ir-relazzjonijiet kollha li għandek maʼ dawn in-nies,” hu insista. “Jekk ma tagħmilx hekk, jien ma nistax inkompli naqdi bħala s-sindku tar-raħal tagħna. Int se tirrovinali l-karriera tiegħi. Ikolli nitlaq mill-uffiċċju u nirritorna lejn il-fabbrika fejn kont naħdem qabel. Int se ġġib tmaqdir fuq il-familja kollha.”
“Imma, missier, il-Bibbja hija ktieb raġunevoli, u tagħtina pariri eċċellenti dwar kif ngħixu,” irraġunajt jien.
“Le, Alenka,” spjega missieri, “jien la qatt kelli bżonn il-Bibbja u lanqas lil Alla biex inkun ferħan. Kollox b’idejja għamilt. Ħadd m’għenni. Qed tgħaġġibni kif tistaʼ temmen dawn il-ħmerijiet! Trid tgħix ħajja reali, tiżżewweġ, u jkollok it-tfal, u mbagħad tara kif tistaʼ tkun ferħana mingħajr Alla.”
L-insistenza taʼ missieri impressjonatni. Għal mument bdejt niddubita mill-fidi tiegħi, li kien għad ma kellhiex pedament sod. Lil missieri veru kont ilni nafu iktar milli kont naf lix-Xhieda taʼ Jehovah, u dejjem ħassejtni fis-sigurtà d-dar. Kont ċerta li missieri kellu intenzjoni tajba. Kont naf li jħobbni, u għalhekk wegħedtu li se nieqaf nistudja l-Bibbja. Ftit wara, meta kelli 18-il sena, spiċċajt l-iskola u mort naħdem fi Praga, il-belt kapitali taʼ pajjiżna.
Ħajti fi Praga
Sibt naħdem f’bank, u kont inħares ’il quddiem biex nitgħallem dwar il-ħajja reali li missieri qal li kienet qed tintlaħaq permezz tal-Komuniżmu. Madankollu, fi żmien qasir rajt li n-nies fil-belt ma kinux iktar ferħanin minn dawk fir-raħal. Fil-fatt, l-immoralità, l-ipokrisija, l-egoiżmu, u s-sokor kienu saru xi ħaġa normali.
Maż-żmien, Xhud li kien jgħix viċin id-dar tiegħi f’Horní Benešov u li kien qed iżur Praga, għamel xi arranġamenti biex jikkuntattjawni x-Xhieda. B’dan il-mod l-istudju tiegħi tal-Bibbja reġaʼ beda jsir fi Praga maʼ mara li kien jisimha Eva. Fit-tmiem taʼ kull studju, Eva kienet tistaqsini, “Tridni niġi l-ġimgħa d-dieħla?” Hi qatt ma imponiet l-opinjonijiet tagħha fuqi, għalkemm ġieli staqsejtha x’kienet tagħmel hi kieku kienet minfloki.
“Ma nistax ngħidlek kieku x’kont nagħmel,” kienet tgħidli hi. Imbagħad kienet tiġbidli lattenzjoni lejn xi ħaġa fil-Bibbja li kienet tgħinni nieħu deċiżjoni. Xi ħaġa li kienet qed tħassibni ħafna kienet ir-relazzjoni li kelli mal-ġenituri tiegħi, u għalhekk staqsejtha jekk għandix nieqaf milli nassoċja magħhom. Eva fetħitli Eżodu 20:12, fejn il-Bibbja tgħid li għandna nweġġħu lill-ġenituri tagħna. Imbagħad staqsietni, “Madankollu, huwa xieraq li nqisu lil xi ħadd iktar importanti mill-ġenituri tagħna?”
Peress li ma kontx ċerta, fetħitli l-Bibbja għall-kliem taʼ Ġesù Kristu: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi.” (Mattew 10:37) B’hekk fhimt li għalkemm il-ġenituri tiegħi kien jistħoqqilhom ġieħ, Ġesù, kif ukoll Missieru tas-sema, għandhom jirċievu ferm iktar imħabba. Eva dejjem ipprovat tiġbidli l-attenzjoni lejn il-prinċipji Bibliċi, u mbagħad kienet tħalli d-deċiżjoni f’idejja.
Żewġ Impennji Kontra Xulxin
Maż-żmien, f’Settembru taʼ l-1982, ġejt aċċettata bħala studenta f’kulleġġ fi Praga, fejn studjajt l-agronomija (studju dwar it-tkabbir tal-prodotti tal-biedja). Madankollu, malajr indunajt li ma stajtx niddedika biżżejjed ħin għall-istudju tiegħi fil-kulleġġ u fl-istess ħin nagħti l-attenzjoni li xtaqt għall-istudju tal-Bibbja. Għalhekk għedt lil waħda mill-professuri tiegħi li kont qed naħsibha nitlaqx mill-kulleġġ. “Issa nibagħtek għand xi ħadd li jifhmek u jgħinek,” qaltli hi. Hi rranġat biex jiġi jkellimni d-dekan tal-kulleġġ.
Id-dekan laqagħni, u staqsieni: “Għala l-aħjar studenta tagħna trid titlaq mill-iskola?”
“Għax m’għandix ħin għal affarijiet oħra li jinteressawni wkoll,” weġibtu. Ladarba f’dak iż-żmien ix-Xhieda taʼ Jehovah kienu projbiti fiċ-Ċekoslovakkja, ma kelli l-ebda intenzjoni li ngħidlu għala kont qed naħseb li nitlaq. Imma wara li kont ilni nitkellem miegħu madwar sagħtejn, ħsibt li kien taʼ min jafdah. Għalhekk għedtlu li kont qed nistudja l-Bibbja.
“Qed tistudja kemm il-Bibbja kif ukoll il-Marxiżmu,” qalli. “Mela agħżel.” Kien qisu saħansitra qed jinkuraġġini biex nistudja l-Bibbja!
Il-Konfoffa Tisfa fix-Xejn
Madankollu, l-għada, kemm hu u kemm il-professoressa marru lejn ir-raħal fejn kont noqgħod biex iżuru lill-ġenituri tiegħi. Huma avżawhom li kien qed ikolli kuntatt maʼ setta perikoluża u projbita u qalulhom li ridt nitlaq mill-kulleġġ. “Jekk bintek tiddeċiedi li titlaq mill-iskola,” wiegħed id-dekan lil missieri, “irridu nkunu ċerti li ma jirnexxilhiex issib xogħol fi Praga, u mbagħad ikollha terġaʼ tiġi għandkom u twaqqaf kull kuntatt maʼ din is-setta.”
F’Jannar taʼ l-1983, tlaqt mill-iskola. Ħabiba tiegħi li wkoll kienet tistudja l-Bibbja għenitni biex insib nikri kamra mingħand mara anzjana. Peress li ma kont naf xejn biż-żjara tad-dekan għand il-ġenituri tiegħi jew il-wegħda li għamel lil missieri, ma stajtx nifhem għala ma stajtx insib xogħol, minkejja l-isforzi kollha tiegħi. Anki sidt il-kera kienet kurjuża dwar dan, u għalhekk mingħajr ma kont naf xejn marret tistaqsi lid-dekan tal-kulleġġ għala kont tlaqt mill-iskola.
“Oqgħod attenta!” wissieha. “Dik membru tas-setta perikoluża tax-Xhieda taʼ Jehovah. Għalhekk kellha titlaq mill-iskola. Dik trid tmur lura d-dar u twaqqaf kollox. Irrid inkun ċert li ma jirnexxilhiex issib xogħol fi Praga!”
Meta sidt il-kera ġiet id-dar fil-għaxija, sejħitli u qaltli: “Mela, Alenka, illum mort fil-kulleġġ tiegħek.” Jien ħsibt li kien se jkolli nippakkja kollox dik il-lejla stess u nitlaq minn hemm. Imma qaltli: “Jien ma naqbilx maʼ dak li għamel id-dekan. Int tistaʼ temmen dak li tixtieq; l-iktar ħaġa importanti hi kif iġġib ruħek. Issa ngħinek jien issib xogħol.” Waqt li kont qed nitlob lil Jehovah f’dik il-lejla, irringrazzjajtu għall-għajnuna tiegħu.
Eżatt wara dan, missieri ġie Praga biex jiħodni lura d-dar. Imma din id-darba l-argumenti tiegħu ma ġagħlunix inċedi. Il-fidi tiegħi f’Jehovah u l-wegħdi tiegħu kellhom pedament iktar sod. Fl-aħħar, missieri telaq mingħajri, u għall-ewwel darba f’ħajti rajtu jibki. Għalkemm kienet laqgħa tassew emozzjonali, l-esperjenza ressqitni eqreb lejn Jehovah. Ridt inkun Tiegħu u naqdih. B’hekk, fid-19 taʼ Novembru, 1983, issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah billi tgħammidt ġo banju bl-ilma f’appartament fi Praga.
Id-Deċiżjoni Tiegħi Ġiet Imbierka
Maż-żmien, bdejt ngħin fil-produzzjoni tal-letteratura projbita tax-Xhieda. Ix-xogħol kien jeħtieġ miżuri taʼ sigurtà stretti, ladarba l-awtoritajiet kienu diġà qabdu lil xi wħud jagħmlu dan ix-xogħol u tefgħuhom il-ħabs. L-ewwel biċċa xogħol li kelli kienet li nagħmel kopji bit-typewriter taʼ It-Torri taʼ l-Għassa tradott biċ-Ċek. Dawn il-kopji kienu jingħataw lix-Xhieda biex jużawhom għall-istudju tal-Bibbja.
Iktar tard, ġejt mistiedna biex ningħaqad maʼ grupp li kien jiltaqaʼ f’appartament fi Praga biex nipproduċu l-kotba. Konna nneħħu l-biċċa l-kbira taʼ l-għamara minn kamra minnhom, u mbagħad konna niġbru flimkien il-folji stampati fuq mejda twila f’nofs il-kamra. Wara, dawn il-folji konna nwaħħluhom flimkien bil-kolla jew inħituhom biex jifformaw ktieb. Taʼ spiss kont naħseb kemm kien ikun pjaċevoli li nagħmel dan ix-xogħol full-time.
Bħala pijuniera fl-organizzazzjoni taż-żgħażagħ Komunisti, ipprovajt ngħallem lit-tfal biex ikunu nies aħjar. Bħala waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, għadni naħdem maż-żgħażagħ, u għent lil ħafna minnhom biex isiru qaddejja mgħammdin taʼ Jehovah. Għalkemm ħadd mill-membri tal-familja tiegħi għadu ma sar Xhud, jien għandi, bħalma wiegħdet il-Bibbja, ħafna missirijiet u ommijiet u aħwa spiritwali.—Mark 10:29, 30.
Fl-1989, minflok il-gvern Komunista telaʼ wieħed demokratiku f’pajjiżna. Din il-bidla ġabet libertà legali lix-Xhieda taʼ Jehovah, u b’riżultat taʼ dan stajna niltaqgħu bil-miftuħ biex nistudjaw il-Bibbja, nippridkaw minn dar għal dar mingħajr periklu li niġu arrestati, u nsiefru biex nattendu l-konvenzjonijiet internazzjonali. Iktar minn hekk, m’għandniex għalfejn ninkwetaw iżjed dwar li niġu interrogati, arrestati, jew mheddin!
Naqdi Flimkien maʼ Żewġi
Fl-1990 iżżewwiġt lil Petr, Kristjan bħali. F’ April taʼ l-1992, it-tnejn li aħna stajna nirrealizzaw il-mira tagħna li nsiru pijunieri, kif ix-Xhieda jsejħu lil dawk li jagħmlu x-xogħol taʼ l-ippridkar full-time. Maż-żmien, f’Ġunju taʼ l-1994, ġejna mistidnin biex naħdmu fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Praga. Issa, minflok ma nipproduċu l-letteratura Biblika fis-sigriet, nistgħu nieħdu sehem bil-miftuħ biex naqdu l-interessi spiritwali tan-nies mar-Repubblika Ċeka kollha.
Ftit tas-snin ilu, jien u Petr tgħidx kemm fraħna meta l-ġenituri tiegħi aċċettaw l-istedina tagħna biex jiġu jżuru l-faċilitajiet fejn ngħixu u naħdmu flimkien maʼ 60 membru ieħor tal-familja tagħna tal-fergħa. Wara li ra d-dar u l-uffiċċji tagħna, missieri qal: “Iva, inħoss li hawn imħabba vera bejnietkom.” Dan kien l-isbaħ kliem li qatt stajt nismaʼ mingħand missieri.
Ingawdi Dak li Wiegħed il-Komuniżmu
It-tama tagħna li ngawdu dinja aħjar permezz tal-Komuniżmu ma kienet xejn ħlief ħolma mixtieqa. L-istorja umana rrivelat li saħansitra l-iktar sforzi sinċieri tal-bniedem ma kellhomx suċċess biex joħolqu soċjetà taʼ tjieba. Jien nemmen li fadal ħafna nies li għadhom iridu jirrealizzaw li l-bniedem ma jistax igawdi ħajja ferħana mingħajr l-għajnuna t’Alla.—Ġeremija 10:23.
Taʼ spiss, niftakar fix-xewqa li kellu missieri li jien ingawdi dik li sejħilha “ħajja reali,” li għallimna li se tkun possibbli biss permezz tal-Komuniżmu. Madankollu, minn studju tal-Bibbja rrealizzajt li dik li l-Bibbja ssejħilha “l-ħajja vera”—ħajja fid-dinja ġdida taʼ tjieba t’Alla—hija l-unika wegħda ċerta fuqiex jistaʼ joqgħod il-bniedem. (1 Timotju 6:19) Dan qed ngħidu għaliex, għalkemm huma suġġetti għad-dnub u l-imperfezzjoni umana, dawk li ħabirku sinċerament biex japplikaw it-tagħlim Bibliku f’ħajjithom setgħu jgħixu flimkien fil-paċi b’mod straordinarju. Huma rreżistew b’suċċess kwalunkwe sforz li sar biex jeqred l-unità tagħhom jew ikisser l-imħabba devota li għandhom lejn Jehovah, Alla tagħhom.
Dan il-fatt laqatni iktar meta jien u żewġi kellna l-privileġġ li nkunu fost dawk li ġew mistidnin biex jattendu għad-dedikazzjoni tal-faċilitajiet tal-fergħa l-ġdida tax-Xhieda taʼ Jehovah viċin Lviv, l-Ukraina, fid-19 taʼ Mejju, 2001. Hemmhekk iltqajt maʼ Xhieda oħra li kienu membri taʼ l-organizzazzjoni taż-żgħażagħ Komunisti Pijunieri Żgħar. Dawn kienu ttamaw bħali li l-Komuniżmu se jġib paċi vera u unità fost il-bnedmin kollha. Vladimir Grigoriev, li issa qed jaqdi maʼ martu fl-uffiċċju tal-fergħa fir-Russja, kien ukoll wieħed minn dawk il-Pijunieri Żgħar.
Kienet tidher xi ħaġa ironika li f’dak l-istess post li qabel kien iservi bħala kamp għas-sajf għall-Pijunieri Żgħar, issa x-Xhieda taʼ Jehovah bnew il-fergħa ġdida tagħhom. Minħabba l-ispazju limitat fil-fergħa, setgħu jakkomodaw biss 839 persuna minn 35 pajjiż għall-programm tad-dedikazzjoni. Madankollu, l-għada fil-għodu nġabru 30,881 ruħ fi stejdjum tal-futbol fi Lviv biex jisimgħu reviżjoni tal-programm li sar ġurnata qabel.a Sabiex ikunu preżenti, xi wħud minn dawn damu jivvjaġġaw sitt sigħat jew iktar biex jiġu minn postijiet ’il bogħod.
Madankollu, meta dawn in-nies saru jafu bl-arranġament biex iżuru l-faċilitajiet tal-fergħa l-ġdida, huma reġgħu rikbu l-ħafna karozzi tal-linja li kienu ġabuhom fl-istejdjum. Sa wara nofsinhar il-karozzi tal-linja bdew jaslu fil-fergħa—fejn jien u żewġi kellna l-privileġġ li nkunu mistidnin ngħaddu l-lejl—biex iżuru l-faċilitajiet kollha. Sa fil-għaxija, ’il fuq minn 16,000 minn dawn sħabna l-għeżież kienu għamlu ż-żjara tagħhom, rikbu l-karozzi tal-linja, u bdew dak li għal ħafna minnhom kien vjaġġ twil lura lejn darhom!
Fl-Ukraina, bħal f’pajjiżi oħra fl-Ewropa tal-Lvant, miljuni taʼ nies kienu jemmnu li l-Komuniżmu huwa l-aħjar tama biex tinħoloq soċjetà ġdida taʼ paċi. Madankollu, fl-Ukraina biss, illum hemm ’il fuq minn 120,000 ruħ li qed jieħdu sehem biex jgħidu lil oħrajn dwar is-Saltna t’Alla. Tabilħaqq, ħafna minna li qabel konna Komunisti sirna nemmnu li dan il-gvern t’Alla huwa l-uniku tama vera biex ikun hawn fratellanza ġenwina u paċi fost in-nies kollha!
[Nota taʼ taħt]
a Fl-istess ħin iltaqgħu xi 41,143 ruħ oħra fi stejdjum fi Kjev—madwar 500 kilometru ’l bogħod—fejn semgħu wkoll reviżjoni tal-programm tad-dedikazzjoni. L-attendenza totali taʼ 72,024 ruħ kienet l-akbar waħda taʼ Xhieda taʼ Jehovah li qatt iltaqgħu flimkien fl-Ukraina.
[Stampa f’paġna 20]
Meta kelli għaxar snin, ftit wara li ngħaqadt mal-Komunisti Pijunieri Żgħar
[Stampa f’paġna 24]
Maʼ żewġi, Petr
[Stampa f’paġna 24]
Vladimir, li qabel kien wieħed mill-Komunisti Pijunieri Żgħar u li ltqajt miegħu fid-dedikazzjoni tal-fergħa taʼ l-Ukraina
[Stampa f’paġna 24, 25]
’Il fuq minn 30,000 ruħ semgħu reviżjoni tal-programm tad-dedikazzjoni
[Stampa f’paġna 25]
Iktar minn 16,000 ruħ żaru l-faċilitajiet tal-fergħa