Ġardinaġġ b’Mod Organiku
AQBAD ponn ħamrija mill-ġnien tiegħek fejn tkabbar il-ħxejjex taʼ l-ikel. Kienet din il-ħamrija tant mifqugħa b’erbiċidi, insettiċidi, rodentiċidi, u fungiċidi li tidher kważi li hi sterili? Jew hija miżgħuda bi ħniex, insetti, u mikro-organiżmi taʼ kull xorta? Jekk il-ħamrija tiegħek hi mimlija ħajja, iċ-ċans hu li, taf jew ma tafx, int qed tuża l-metodi taʼ ġardinaġġ organiku.
Il-ġardinaġġ organiku ħafna drabi jinvolvi li ttejjeb il-kwalità tal-ħamrija tal-ġnien billi tuża sustanzi bijoloġiċi naturali. Wieħed mill-għanijiet taʼ dan hu li tiġi żviluppata ekosistema li fiha l-pjanti jkunu b’saħħithom biżżejjed sabiex jirreżistu insetti u mard li jagħmlu l-ħsara. F’pajjiżi fejn kimiċi sintetiċi huma użati ħafna fix-xogħol tal-ġnien, l-interess fil-ġardinaġġ organiku qiegħed jikber. Għala? Għal diversi raġunijiet.
L-ewwelnett, dak li jibqaʼ mill-pestiċidi fuq il-frott u l-ħxejjex xi kultant ippreżenta perikli serji għas-saħħa. Biex jispjega, il-ktieb Pesticide Alert irrapporta li “fis-sajf taʼ l-1985, kważi 1,000 persuna f’diversi stati fil-Punent [taʼ l-Istati Uniti] u fil-Kanada ġew ivvelenati minn dak li kien baqaʼ mill-pestiċida Temik fid-dulliegħ.”
Barra minn hekk, ħafna nies iqisu l-ġardinaġġ organiku bħala mod kif jipproteġu l-ambjent. Xi insetti jew annimali li jagħmlu l-ħsara saru reżistenti għall-pestiċidi kimiċi li jintużaw darba wara l-oħra, u għalhekk ix-xjenzati żviluppaw veleni li huma saħansitra iktar perikolużi. Dawn il-kimiċi b’saħħithom imbagħad għaddew għal ġo l-ilma taʼ taħt l-art, u b’hekk niġġsu l-provvista prezzjuża taʼ l-ilma.
Vantaġġ ieħor tal-ġardinaġġ organiku huwa li inqas skart jintradam fil-miżbliet tagħna. Dan kif inhu possibbli? Dak li jibqaʼ mill-ikel kif ukoll l-iskart li jinġabar mill-ġnien jifformaw parti kbira minn dak li narmu. Minflok ma jintremew, dawn l-elementi organiċi jistgħu jinġabru f’munzell u jitħallew jiddekomponu biex jipproduċu taħlita fertili li tissejjaħ ‘kompost.’ Taħlita bħal din forsi ma tantx tħajrek lilek, imma l-pjanta tgħidx kemm tixxala minn fuqha!
Fl-aħħar, xi wħud iħarsu lejn il-ġardinaġġ organiku bħala mezz biex jagħmlu eżerċizzju, igawdu naqra xemx, jaħdmu fil-ħamrija, u josservaw żrieragħ daqs naqra jikbru fi pjanti b’saħħithom. Iħajrek lilek il-ġardinaġġ organiku? Mela ejja nibdew! L-ewwel, se nagħtu ħarsa lejn il-ħamrija tal-ġnien tiegħek.
Il-Ġnien Tiegħek Kif Jikber?
Ħafna mill-ħamrija tal-ġonna tkun taflija jew ramlija. Ħamrija ramlija tkun magħmula minn frak kbir li jħalli l-ilma u s-sustanzi joskulaw malajr wisq u allura l-għeruq ma jkunux jistgħu jieħdu dak li għandhom bżonn minnhom. Min-naħa l-oħra, ħamrija taflija hija magħmula minn saffi rqaq li tant huma magħqudin flimkien li jew l-ilma ma jkunx jistaʼ jidħol minn ġol-wiċċ iebes tal-ħamrija, u b’hekk imur xi mkien ieħor, jew inkella jinxtorob imma jibqaʼ maqbud, u b’hekk l-għeruq tal-pjanti jifgaw.
L-għeruq tal-pjanti jissaħħu f’ħamrija magħmula minn frak li jżomm biżżejjed tira biex b’hekk l-għeruq ma jinxfux waqt li jħalli l-ilma żejjed joskula. Din it-taħlita l-ġardinara jsejħulha ‘loam.’ F’din il-ħamrija, li jkun fiha ramel, tafal, u materjal organiku, l-arja tiċċirkola bil-libertà kollha, u b’hekk tħalli l-mikro-organiżmi jkomplu bix-xogħol tagħhom li jżidu s-sustanzi mal-ħamrija.
Biex ikun hemm bilanċ, ammonti kbar taʼ materjal organiku—kompost—iridu jingħataw kemm lill-ħamrija ramlija kif ukoll lil dik taflija. Il-kompost jikkundizzjona l-ħamrija meta jitħallat magħha. Ladarba l-kompost iżomm it-tira, bħal sponża, ikollu bżonn jissaqqa inqas. Il-kompost fih miljuni taʼ batterji utli li se jkomplu jgħinu biex jiddekomponu l-materjal imħassar billi jbiddluh f’sustanzi li l-pjanti għandhom bżonn biex jikbru b’saħħithom. Il-kompost jgħin ukoll lill-ħamrija biex la tkun aċiduża żżejjed u lanqas alkalina żżejjed.
Meta jiġu kultivati fl-art, ħxejjex b’għeruq fondi, bħas-silla u l-alfalfa, jgħinu biex ifarrku l-ħamrija iebsa u jżidu l-materjal organiku. Il-ħuxlief—per eżempju, saff taʼ ħaxix maqtugħ jew serratura mferrxa fuq wiċċ il-ħamrija—huwa utli wkoll biex ibiddel il-kompożizzjoni tal-ħamrija.
Taʼ l-għaġeb ukoll huwa l-ħanex, li għandu rwol importanti f’li jtejjeb il-ħamrija li hemm fil-ġnien tiegħek. Hekk kif iħaffer fil-fond fil-ħamrija—saħansitra s’erbaʼ metri fond—il-ħanex jagħti l-arja lill-ħamrija, itellaʼ diversi minerali lejn il-wiċċ tal-ħamrija, u jgħin l-ilma biex joskula aħjar. Fil-proċess, hu jħalli warajh ħmieġ li, skond il-ktieb Step by Step Organic Vegetable Gardening, huwa “ħames darbiet iktar mimli nitroġenu, fosfru, u potassju mill-ħamrija taʼ madwar.”
Żrinġijiet, Għasafar, u Baqq —Ħbieb tal-Ġnien Tiegħek
‘Imma xi ngħidu għall-insetti jew annimali qerrieda tal-ġnien?’ tistaʼ tistaqsi int. ‘Kif nistaʼ neħles minnhom mingħajr ma nuża pestiċidi?’ Tinsiex li l-pestiċidi ma joqtlux biss insetti qerrieda. Dawn joqtlu wkoll organiżmi bżonnjużi bħalma huma l-ħniex u l-fungi. Ftakar, ukoll, li ż-żrinġijiet huma ħbieb tal-ġnien. Żrinġ wieħed jistaʼ jiekol iktar minn 10,000 insett qerriedi fi żmien tliet xhur. Iż-żrinġijiet m’humiex qanżħa fl-ikel. Id-dieta tagħhom tinkludi għedewwa tal-pjanti bħalma huma l-grillu, ċerti tipi taʼ baqq u taʼ larva tal-baħrija, u l-bugħarwien.
L-għasafar huma wkoll effettivi biex jikkontrollaw l-insetti qerrieda tal-ġnien. Għasfur żgħir taʼ l-għana ġie osservat iżoqq “500 brimba u larva tal-friefet liż-żgħar tiegħu darba waħda fis-sajf wara nofsinhar,” skond il-ktieb Gardening Without Poisons. Jekk trid tħajjar xi ftit minn dawn l-għasafar taʼ l-għana jew għasafar oħra li jieklu l-insetti jiġu fil-ġnien tiegħek, dendel xi ftit ikel taʼ l-għasafar jew materjal li jistgħu jġorruh għall-bejta xi mkien fejn jidher sew. Ma ddumx ma tara li l-“istedina” tiegħek ġiet aċċettata! U xi ngħidu għall-baqq? Ħafna insetti li huma ħbieb tal-ġnien jieklu l-baqq distruttiv. Jekk tixtri n-nannakoli u titlaqhom fil-ġnien tiegħek, dawn mill-ewwel jibdew ifittxu l-ikel favorit tagħhom, l-afidi (insetti żgħar li jixorbu l-meraq tal-weraq). Il-bajd tad-debba tax-xitan (praying mantis) jistaʼ jinxtara wkoll u jitpoġġa fil-ġnien. Meta dan ifaqqas, iż-żgħar jibilgħu tistaʼ tgħid lil kull insett li jissogra jgħaddi minn quddiemhom.
Il-Pjanti u l-Kontroll taʼ l-Insetti Qerrieda
Tistaʼ tuża ċerti pjanti biex tikkontrolla lkwantità taʼ insetti qerrieda fil-ġnien tiegħek. Poġġi pjanti li dawn l-insetti qerrieda jevitaw ħdejn pjanti oħrajn li għandhom bżonn il-protezzjoni. Per eżempju, in-nematodi, dud tal-ħamrija li jattakka l-għeruq taʼ ħafna pjanti u jdgħajjifhom, iżommu ’l bogħod mil-lellux. Il-friefet bojod tal-kaboċċi jiġu mbottati lura meta l-klin, is-salvja, u s-sagħtar jitħawlu ħdejn il-kaboċċi. Hemm bżonn taʼ twissija però: Xi pjanti jattiraw insetti qerrieda.
Li tbiddel il-post fejn tiżraʼ l-ħxejjex hu mod prattiku kif tikkontrolla l-insetti qerrieda u l-mard. Fil-ġnien tiegħek, minflok ma tkabbar l-istess tip taʼ xtieli fl-istess post sena wara l-oħra, tistaʼ tipprova tbiddlilhom posthom. B’dan il-mod tistaʼ twaqqaf iċ-ċiklu taʼ mard u impestazzjonijiet taʼ insetti qerrieda.
Il-ġardinaġġ organiku jistaʼ jkun taʼ sfida, peress li jitlob ħin u paċenzja. Ħafna xhur jistgħu jgħaddu qabel ma l-ħamrija tiegħek tissaħħaħ b’mezzi organiċi. Tistaʼ tiltaqaʼ maʼ ħafna kuntrarju, u meta jiġrilek hekk, tistaʼ titħajjar tuża xi sprej li fih il-kimiċi. Madankollu, qabel tagħmel hekk, ieqaf u aħseb kemm hemm benefiċċji siewja u fit-tul meta tevita l-veleni kimiċi. Però, jekk tkun paċenzjuż ma ddumx ma jkollok ġnien li jipproduċi ħxejjex bnien li jitkabbru b’mod organiku u li huma inqas suġġetti għal insetti qerrieda u mard minn ħxejjex oħrajn. Le, il-ġnien tiegħek mhux se jkun perfett, imma tistaʼ titpaxxa bir-riżultati li jkollok. Għalhekk, jekk tieħu pjaċir taħdem fil-ġnien, għala ma tipprovax tkabbar il-ġnien organiku tiegħek stess?
[Stampa f’paġna 25]
Ħamrija taflija
[Stampa f’paġna 25]
Ħamrija ramlija
[Stampa f’paġna 25]
Loam
[Stampi f’paġna 26]
Il-Ħbieb tal-Ġnien Tiegħek
Żrinġ wieħed jistaʼ jiekol iktar minn 10,000 insett qerriedi fi żmien tliet xhur
Għasfur żgħir taʼ l-għana ġie osservat iżoqq “500 brimba u larva tal-friefet liż-żgħar tiegħu darba waħda fis-sajf wara nofsinhar”
Il-ħanex jagħti l-arja lill-ħamrija u jtellaʼ diversi minerali lejn il-wiċċ tagħha
L-ikel favorit tan-nannakola huwa l-afidi, bergħud qerriedi tal-pjanti
[Stampa f’paġna 26]
Il-kompost jikkundizzjona l-ħamrija meta jitħallat magħha