LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 8/8 pp. 4-8
  • X’Hemm Ħażin fil-Logħob tal-Flus?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Hemm Ħażin fil-Logħob tal-Flus?
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Epidemija taʼ Logħob tal-​Flus bi Problema
  • Vizzju li Jittieħed
  • Evita n-Nasba tal-Logħob tal-Flus
    Stenbaħ!—2002
  • Il-​logħob għall-​flus
    Stenbaħ!—2015
  • Il-logħob tal-ażżard huwa dnub?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 8/8 pp. 4-8

X’Hemm Ħażin fil-​Logħob tal-​Flus?

“Xi 290,000 Awstraljan għandhom problema bil-​logħob tal-​flus u huma responsabbli għal telf taʼ iktar minn biljun lira Maltija kull sena. Din hi xi ħaġa diżastruża mhux biss għal dawn l-​uħud li għandhom problema bil-​logħob tal-​flus, imma wkoll għal xi miljun u nofs ruħ li jiġu effettwati minnhom bħala riżultat taʼ falliment, divorzju, suwiċidju u ħin mitluf fuq il-​post tax-​xogħol.”— J. Howard, prim ministru taʼ l-​Awstralja, 1999.

JOHN, li ssemma fl-​artiklu taʼ qabel, kellu l-​problema tal-​logħob tal-​flus.a Mar joqgħod l-​Awstralja u żżewweġ lil Linda li kienet tilgħab il-​flus ukoll. Imma l-​vizzju taʼ John għadda mill-​ħażin għall-​agħar. Hu jgħid: “L-​ewwel kont nixtri l-​biljetti tal-​lotterija, imbagħad bdejt nilgħab l-​imħatri fuq iż-​żwiemel tat-​tiġrija u nilgħab il-​flus fil-​każinos. Spiċċajt nilgħab il-​flus kważi kuljum. Kultant kont nilgħab il-​paga kollha u ma kienx jibqagħli biex inħallas il-​kera jew nitmaʼ lill-​familja. Anki meta kont nirbaħ ħafna flus, xorta kont nibqaʼ nilgħab. Kien l-​eċċitament taʼ meta nirbaħ li waqqagħni f’nasba.”

Hawn ħafna individwi bħal John. Soċjetajiet sħaħ donnhom qabadhom id-​deni tal-​logħob tal-​flus. Ir-​rivista USA Today qalet li bejn l-​1976 u l-​1997, kien hemm żjieda li tbellhek taʼ 3,200 fil-​mija fl-​ammont li ntlagħab fuq logħob tal-​flus legalizzat fl-​Istati Uniti.

“Il-​logħob tal-​flus kien meqjus bħala xi ħaġa ħażina moralment u soċjalment. Illum huwa passatemp aċċettat mis-​soċjetà,” tgħid il-​gazzetta Kanadiża The Globe and Mail. Biex tidentifika raġuni waħda għal din il-​bidla fl-​attitudni tal-​pubbliku, il-​gazzetta tgħid: “Din il-​bidla fl-​attitudni hija r-​riżultat dirett taʼ dik li tistaʼ tkun l-​iktar kampanja taʼ reklamar finanzjata mill-​gvern li swiet il-​flus u l-​iktar li ħadet fit-​tul fl-​istorja tal-​Kanada.” Xi soċjetajiet kif ġew effettwati bl-​isforzi li saru biex il-​logħob tal-​flus jinġieb ’il quddiem?

Epidemija taʼ Logħob tal-​Flus bi Problema

Skond kalkolu li sar mill-​Harvard Medical School Division on Addictions, fl-​1996 kien hemm ‘sebaʼ miljuni u nofs adult Amerikan li kellhom problema bil-​logħob tal-​flus u oħrajn li ma jikkontrollawx dan il-​vizzju’ u wkoll ‘kważi tmien miljun adolexxent Amerikan li kellhom problema bil-​logħob tal-​flus u oħrajn li ma kinux jikkontrollaw dan il-​vizzju.’ Dawn il-​figuri ġew inklużi f’rapport miġbur min-​National Gambling Impact Study Commission (NGISC), li ġie preżentat lill-​Kungress taʼ l-​Istati Uniti. Ir-​rapport stqarr li l-​għadd tan-​nies li għandhom problema bil-​logħob tal-​flus fl-​Amerika jistaʼ attwalment ikun ħafna ogħla minn dak reġistrat.

Minħabba telf taʼ impjiegi, tnaqqis fis-​saħħa fiżika, il-​ħlas taʼ benefiċċji għan-​nuqqas taʼ xogħol, u l-​ispiża għal programmi taʼ kura, il-​logħob tal-​flus huwa stmat li tiswa biljuni taʼ dollari kull sena lis-​soċjetà taʼ l-​Istati Uniti. Madankollu, din il-​figura ma tinkludix l-​ispiża umana kaġunata mil-​logħob tal-​flus—l-​ispiża lill-​familji, ħbieb, u sħabhom fuq ix-​xogħol, bħala riżultat taʼ serq, ingann, suwiċidju, vjolenza domestika, u abbuż fuq it-​tfal. Studju Awstraljan sab li kull individwu li għandu problema bil-​logħob tal-​flus jistaʼ jeffettwa direttament sa għaxar min-​nies. Rapport min-​National Research Council fl-​Istati Uniti jgħid li sa “50 fil-​mija mill-​miżżewġin u 10 fil-​mija mit-​tfal esperjenzaw abbuż fiżiku mill-​individwu li ma jistax jikkontrolla l-​logħob tal-​flus.”

Vizzju li Jittieħed

Bħal xi mard, il-​logħob tal-​flus jistaʼ jidher li jintiret minn ġenitur għat-​tfal tiegħu. “Tfal taʼ individwi li ma jistgħux jikkontrollaw il-​logħob tal-​flus għandhom iktar probabbiltà li jieħdu sehem f’imġiba delinkwenti bħalma hu t-​tipjip, ix-​xorb, u l-​użu tad-​drogi, u għandhom iktar ċans li huma nfushom ikunu individwi li jkollhom il-​problema tal-​logħob tal-​flus jew saħansitra ma jkunux jistgħu jikkontrollawh,” jgħid ir-​rapport taʼ l-​NGISC. Ir-​rapport iwissi wkoll li “l-​adolexxenti li jilagħbu l-​flus għandhom iktar probabbiltà mill-​adulti li jiżviluppaw problema bil-​logħob tal-​flus jew anki li ma jkunux jistgħu jikkontrollawh.”

Dr. Howard J. Shaffer, direttur tal-​Harvard Medical School’s Division on Addiction Studies, jgħid: “Hemm ammont li dejjem jiżdied taʼ evidenza li jissuġġerixxi kemm il-​logħob tal-​flus illeċitu fost iż-​żgħażagħ minn taʼ l-​inqas qed jiżdied b’rata proporzjonali għall-​opportunità biex jilagħbu l-​flus legalment.” Inkwantu għall-​potenzjal li għandhom dawk li ma jistgħux jikkontrollaw il-​logħob tal-​flus biex jabbużaw mit-​teknoloġija taʼ l-​Internet, hu jgħid: “Bħalma t-​tipjip tal-​kokaina crack biddel l-​esperjenza tal-​kokaina, naħseb li l-​elettronika se tbiddel il-​mod kif jiġi esperjenzat il-​logħob tal-​flus.”

In-negozju tal-​logħob tal-​flus spiss ipinġuh bħala li jipprovdi divertiment bla ħsara. Imma għall-​adolexxenti, il-​logħob tal-​flus jistaʼ jkun vizzju daqs kwalunkwe droga illeċita u jistaʼ jwassal għal imġiba kriminali. Stħarriġ li sar fir-​Renju Unit sab li fost l-​adolexxenti li lagħbu l-​flus, “46 fil-​mija minnhom serqu mingħand il-​familja tagħhom” biex jissodisfaw il-​vizzju tagħhom.

Minkejja l-​fatti li semmejna, assoċjazzjoni influwenti tal-​logħob tal-​flus tiġġustifika r-​reklamar tiegħu billi tgħid: “Il-​maġġuranza vasta taʼ l-​Amerikani li jieħdu pjaċir jilagħbu ma jesperjenzaw ebda problema hi x’inhi.” Anki jekk tħoss li l-​logħob tal-​flus ma jeffettwax ħażin is-​saħħa fiżika jew finanzjarja tiegħek, x’effett għandu fuq is-​saħħa spiritwali tiegħek? Hemm raġunijiet validi għala għandek tevitah? L-​artiklu li jmiss se jikkunsidra dawn il-​mistoqsijiet.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​kaxxa “Għandi Jien Problema bil-​Logħob tal-​Flus?” f’paġni 4 u 5.

[Kaxxa/Stampi f’paġni 4, 5]

Għandi Jien Problema bil-​Logħob tal-​Flus?

Skond l-​Assoċjazzjoni Psikjatrika Amerikana, il-​prinċipji li ġejjin f’paġna 5 jistgħu jiggwidaw id-​dijanjosi tal-​logħob tal-​flus patoloġiku (kultant imsejjaħ logħob tal-​flus mhux kontrollat). Il-​biċċa l-​kbira mill-​awtoritajiet jaqblu li jekk turi diversi mill-​imġibiet li ġejjin, għandek problema bil-​logħob tal-​flus, u jekk tesperjenza xi waħda minn dawn l-​imġibiet, għandek ċans kbir li ’l quddiem ikollok il-​problema tal-​logħob tal-​flus.

Preokkupazzjoni Int preokkupat bil-​logħob tal-​flus​—trid terġaʼ tgħaddi mill-​esperjenzi tal-​logħob tal-​flus li kellek fil-​passat, qed tippjana kif se terġaʼ tissogra, jew qed taħseb kif tistaʼ tikseb il-​flus biex tilgħabhom.

Tolleranza Għandek bżonn tilgħab b’ammonti dejjem akbar taʼ flus sabiex tikseb l-​eċċitament mixtieq.

Ċaħda M’għandekx kwiet jew tirrita ruħek meta tipprova tnaqqas jew twaqqaf il-​logħob tal-​flus.

Ħarba Tilgħab il-​flus bħala mod kif taħrab mill-​problemi jew isserraħ sentimenti taʼ nuqqas taʼ ħila, ħtija, ansjetà, jew dipressjoni.

Ġiri wara flusek Wara li titlef xi flus fil-​logħob, spiss terġaʼ tmur lura sabiex tirbaħ li tlift. Din l-​imġiba hija magħrufa bħala li wieħed jiġri wara dak li jitlef.

Gideb Tigdeb lil tal-​familja tiegħek, lit-​terapisti, jew lil oħrajn biex ma tħallihomx ikunu jafu kemm int involut fil-​logħob tal-​flus.

Titlef il-​kontroll Kemm-il darba pprovajt imma ma rnexxilekx twaqqaf, tikkontrolla, jew tnaqqas il-​logħob tal-​flus.

Atti illegali Ikkommettejt atti illegali, bħalma huma l-​frodi, is-​serq, jew it-​tbagħbis taʼ flus, sabiex tiffinanzja l-​logħob tal-​flus tiegħek.

Irriskjajt relazzjoni sinifikanti Poġġejt fil-​periklu jew tlift xi relazzjoni sinifikanti, xi opportunità għal edukazzjoni jew karriera, jew impjieg minħabba l-​logħob tal-​flus.

Pleġġ Striħajt fuq ħaddieħor biex jagħtik il-​flus ħalli jtaffilek sitwazzjoni finanzjarja ddisprata kaġunata mil-​logħob tal-​flus.

[Sors]

Sors: In-​National Opinion Research Center fl-​Università taʼ Chicago, il-​Gemini Research, u The Lewin Group.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]

Il-​Messaġġ Veru fir-​Reklami tal-​Lotteriji

“Ir-​reklamar tal-​lotteriji . . . jistaʼ jitqies bħala edukazzjoni tal-​valuri, jgħallem li l-​logħob tal-​flus huwa attività favorevoli jew saħansitra virtuża,” jgħidu riċerkaturi mid-​Duke University fl-​Istati Uniti, f’rapport mogħti lin-​National Gambling Impact Study Commission. Ir-​reklamar tal-​lotteriji x’effett għandu tassew fuq il-​komunità? Ir-​rapport jgħid: “X’aktarx li m’hijiex esaġerazzjoni li ngħidu li l-​messaġġ tar-​reklamar tal-​lotteriji huwa wieħed sovversiv—li s-​suċċess jinsab fl-​għażla tan-​numru li jitlaʼ. Din l-​inizjattiva perversa taʼ l-​‘edukazzjoni’ mxandra mill-​aġenziji tal-​lotterija jistaʼ jkollha l-​effett mhux mixtieq li maż-​żmien tnaqqas id-​dħul taʼ finanzi tal-​gvern, billi tnaqqas it-​tkabbir ekonomiku. Speċifikament, jekk ir-​reklamar tal-​lotteriji jneħħu l-​ħajra taʼ dak li jkun biex jaħdem, ifaddal, u jinvesti flusu fl-​edukazzjoni u t-​taħriġ tiegħu stess, ir-​riżultat eventwalment ikun li jiddgħajjef it-​tkabbir tal-​produttività. Ikun x’ikun il-​każ, li nistennew xi miraklu m’huwiex il-​formula għas-​suċċess li s-​soltu ngħallmu lil uliedna.”

[Kaxxa/Stampa f’paġna 8]

Kull Dar Każinò

Bi frazzjoni mill-​ispiża li jridu biex jibnu stabbilimenti ġodda għal-​logħob tal-​flus, l-​organizzazzjonijiet tal-​logħob tal-​flus issa qed jibnu siti fuq l-​Internet li bihom kull dar li għandha kompjuter konnettjat maʼ l-​Internet issir qisha każinò. F’nofs is-​snin 90 tas-​seklu l-​ieħor, kien hemm bejn wieħed u ieħor 25 sit tal-​logħob tal-​flus fuq l-​Internet. Fl-​2001 kien hemm iktar minn 1,200 sit, u d-​dħul taʼ finanzi mil-​logħob tal-​flus fuq l-​internet qed jirdoppja kull sena. Fl-​1997, siti tal-​logħob tal-​flus qalgħu Lm136 miljun fuq l-​internet. Fl-​1998 qalgħu Lm295 miljun ieħor. Fis-​sena 2000, siti tal-​logħob tal-​flus fuq l-​Internet qalgħu biljun lira Maltija, u sa l-​2003 din il-​figura “mistennija tikber għal Lm3 biljuni,” jgħid rapport taʼ l-​aħbarijiet taʼ Reuters.

[Stampa f’paġna 6]

L-​ispiża umana għal-​logħob tal-​flus tinkludi familji li m’għandhomx flus għall-​ikel

[Stampa f’paġna 7]

Fost iż-​żgħażagħ, il-​logħob tal-​flus qed jiżdied b’rata allarmanti

[Stampa f’paġna 8]

It-​tfal taʼ individwi li ma jistgħux jikkontrollaw il-​logħob tal-​flus għandhom iktar ċans li huma nfushom isiru wħud li jkollhom problema bil-​logħob tal-​flus

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja