LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 3/8 pp. 12-14
  • Huwa ż-Żarbun Tiegħek Verament Komdu?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Huwa ż-Żarbun Tiegħek Verament Komdu?
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Tagħżel id-​Daqs it-​Tajjeb
  • Kif Jitkejlu Saqajk?
  • Qiegħed Tieħu l-​Qjies Perfett Għalik?
  • Xi Ngħidu għaż-​Żraben tan-​Nisa bi Tkaken Għoljin?
  • Paġna Tnejn
    Stenbaħ!—2003
  • Għala Hu Tajjeb li Timxi?
    Stenbaħ!—2004
Stenbaħ!—2003
g03 3/8 pp. 12-14

Huwa ż-​Żarbun Tiegħek Verament Komdu?

“Ħadd ma jaf fejn iweġġaʼ ż-​żarbun daqs dak li jilbsu.”—MAĦSUB LI NKITEB MINN RUMAN GĦAREF.

KEMM ilek li xtrajt par żarbun? Kif ġiek? Kien komdu? Kemm domt biex għażiltu? L-​assistent tal-​ħanut kemm kien t’għajnuna? Xtrajtu għax komdu jew minħabba l-​istil? Kif jiġik issa li ilek tilbsu għal xi żmien? Iweġġgħak xi mkien?

Meta tiġi biex tixtri żarbun, m’huwiex faċli daqskemm taħseb. U biex issib id-​daqs tajjeb għandek biċċa xogħol komplikata. Għala?

Kif Tagħżel id-​Daqs it-​Tajjeb

L-​ewwelnett, liema sieq hi l-​akbar—il-​leminija jew ix-​xellugija? Taħseb li t-​tnejn huma l-​istess? Erġaʼ aħsibha! Għandek tikkunsidra wkoll erbaʼ modi kif tkejjel: kif jiġik iż-​żarbun bil-​qiegħda, bil-​wieqfa, int u miexi, u s-​sħana li jiġmaʼ. X’differenza hemm?

Rigward l-​ewwel mod kif tkejjel, il-​ktieb Professional Shoe Fitting jispjega li dan jirreferi għal meta s-​sieq tkun mistrieħa (meta l-​klijent ikun bil-​qiegħda). It-​tieni mod hu meta l-​individwu jkun bil-​wieqfa. Din il-​pożizzjoni tbiddel id-​daqs u l-​forma tas-​sieq. Il-​ktieb li semmejna qabel ikompli jistqarr li ‘malli tqum bil-​wieqfa s-​sieq hija bħal koċċ għadam u qarquċ rilassat li jissikka f’daqqa, u b’hekk is-​sieq ikollha bżonnijiet differenti.’ Iżda hemm żewġ modi oħra kif tkejjel.

It-tielet mod kif tkejjel huwa meta tkun attiv—meta timxi, tiġri, taqbeż, jew tkun qed tagħmel xi eżerċizzju ieħor. Dan “jifforma sieq b’qisien, forom, u proporzjonijiet differenti.” Ir-​rabaʼ mod jirreferi għat-​tibdil li jsir fis-​sieq minħabba s-​sħana, l-​umdità, u l-​għaraq. Dawn jistgħu jżidu d-​daqs tas-​sieq b’5 fil-​mija. Mhux taʼ b’xejn li wara ġurnata twila tħossok tistrieħ meta tneħħi ż-​żarbun, speċjalment jekk tkun liebes id-​daqs il-​ħażin! U spiss dan ikun il-​każ.

Kif Jitkejlu Saqajk?

Eric kien ilu snin sħaħ jixtri żarbun taʼ qjies 45, wisaʼ medja. Matul dan l-​istess perijodu, f’siequ x-​xellugija kellu kallu fuq wieħed mis-​swabaʼ li kien dejjem mgħawweġ ’l isfel u fuq sebgħu l-​kbir kellu difer li kien qed jikber ġol-​laħam. Dik li tikkuralu saqajh issuġġerietlu li jkejjilhom għand xi ħadd professjonali. Bi stagħġib kbir għal Eric, il-​qjies propju biex saqajh ikunu komdi kellu jkun 47, wisaʼ A! Il-​wisaʼ “A” tindika sieq dejqa. Huwa dan il-​kejl, tal-​wisaʼ u t-​tul, biżżejjed biex iż-​żarbun jiġik tajjeb? Kif għandek tkejjel saqajk?

F’xi pajjiżi hija xi ħaġa komuni li jintuża l-​apparat Brannock biex titkejjel is-​sieq. (Ara r-​ritratt.) Dan jistaʼ jintuża biex jitkejjel it-​tul tas-​sieq, id-​distanza bejn l-​għarqub u l-​għaksa, u l-​wisaʼ taʼ l-​għaksa. Iżda, m’għandniex xi ngħidu, kull sieq għandha l-​forma u l-​volum tagħha. Minħabba din ir-​raġuni ovvja, iż-​żarbun nipprovawh qabel ma nixtruh. Hawnhekk tistaʼ taqaʼ f’nassa. Qatt kellek l-​esperjenza li tipprova par żarbun li vera għoġbok—imma mbagħad tiskopri li jweġġgħek xi ftit? “Dak jitwessaʼ,” jgħidlek tal-​ħanut. Tixtrih, imma wara li tkun ilek tilbsu biss ftit ġranet jew ġimgħat, jibda jiddispjaċik. Imbagħad, terġaʼ tibda bil-​kallijiet, b’xi difer li kiber ġol-​laħam, jew b’xi nefħa f’sebgħek il-​kbir!

Qiegħed Tieħu l-​Qjies Perfett Għalik?

Huwa possibbli li ssib il-​qjies perfett għalik? Il-​ktieb Professional Shoe Fitting jagħti tweġiba ċara, le. Għala? ‘Minħabba bosta diffikultajiet . . . Ħadd m’għandu saqajh it-​tnejn eżatt taʼ l-​istess daqs, forma, jew bl-​istess funzjoni.’ Għalhekk, jekk waħda miż-​żraben tiġik perfettament f’sieqek il-​kbira, mhux se tiġik daqshekk tajjeb fis-​sieq l-​oħra. “Dan ma jfissirx li ma tistax issib daqs tajjeb għalik, imma għandna noqogħdu iktar attenti dwar xi jfisser li tikseb id-​daqs ‘perfett.’

Jekk tixtieq tara fejn sieqek qed tagħmel pressjoni fiż-​żarbun, agħti daqqa t’għajn liż-​żraben li kont tilbes qabel. Ħares lejn l-​inforra taż-​żarbuna. Fejn tistaʼ tinnota li therriet l-​iktar? Ħafna drabi fejn joqgħod l-​għarqub, quddiem l-​għarqub, u fejn l-​għaksa. Dan xi jfisser? Ifisser li “ċerti partijiet fiż-​żarbuna ma jaqblux eżatt mal-​partijiet tas-​sieq. Xi partijiet jitherrew ħafna, filwaqt li oħrajn bilkemm jintmessu.”

Il-fetħa taż-​żarbun hija importanti wkoll. Innotajt li xi żraben jinfetħu minn fuq b’modi differenti? L-​istil bal jinqafel billi ż-​żewġ partijiet taʼ fuq jinġibdu flimkien qrib ħafna mas-​swabaʼ. Madankollu, jekk għandek saqajk ħoxnin, l-​istil blucher huwa iktar komdu, ladarba l-​ġnub jibqgħu separati fil-​parti t’isfel ħdejn is-​swabaʼ. (Ara l-​istampa.) Għala huwa importanti dan id-​dettall? L-​istess sors jispjega: “Spiss l-​irritazzjonijiet fl-​għarqub jiġu minħabba li ż-​żarbun ikun issikkat ħafna mill-​fetħa, u b’hekk jagħfas l-​għarqub lejn il-​parti taʼ wara taż-​żarbun.”

Xi Ngħidu għaż-​Żraben tan-​Nisa bi Tkaken Għoljin?

In-​nisa jġibu ħafna stress fuq ġisimhom minħabba li jippreferu jilbsu żraben bi tkaken għoljin. It-​tkaken għoljin ibiddlu l-​qagħda tal-​ġisem, u spiss imejluh ’il quddiem, u għalhekk l-​irkobba trid tiltewa biex il-​ġisem jibqaʼ dritt. Ukoll, it-​tkaken għoljin jiġbdu l-​muskoli tal-​pexxun, u b’hekk lis-​saqajn jagħmluhom jidhru isbaħ.

Għalhekk, spiss it-​takkuna hija l-​parti kruċjali taż-​żarbun taʼ mara u se tiddetermina jekk hi tħosshiex komda jew le. Il-​ktieb Professional Shoe Fitting jgħid li hemm tliet raġunijiet prinċipali għala ż-​żraben ikollhom it-​tkaken: ‘(1) “għal dehra prominenti,” għax il-​persuna tidher itwal, (2) għal skop kosmetiku—disinn jew stil miżjud fiż-​żarbun, u (3) dehra isbaħ—għax it-​takkuna għolja tan-​nisa tagħti sura isbaħ lis-​saqajn.’

In-nisa għandhom ikunu konxji b’mod speċjali dwar il-​forma tat-​takkuna, għaliex il-​piż tal-​ġisem jaqaʼ fuqha. Jekk dan jaqaʼ fuq il-​parti taʼ wara jew fuq ix-​xifer taʼ quddiem tat-​takkuna, tistaʼ tinħoloq xi problema. Għala? Għaliex bħala riżultat tistaʼ tinqalagħlek it-​takkuna u tieħu xi waqaʼ u tweġġaʼ.

Mill-ftit li rajna, jidher ċar li trid tieħu żżmien biex tagħżel żarbun li jiġik tajjeb u jistaʼ jagħti l-​każ li jkollok tħallas iktar għalih. Dan għaliex żarbun tajjeb idum iktar biex jintgħamel. Iżda ż-​żarbun tiegħek jistaʼ jiddetermina kemm se tħossok komdu u jistaʼ saħansitra jeffettwalek saħħtek. Għalhekk, tgħaġġilx. Kejjel saqajk sew. Kun paċenzjuż. Tħallix il-​moda jew id-​dehra tqarraq bik.

[Kaxxa f’paġna 13]

Punti li Għandek Tikkunsidra Meta Tagħżel Żarbun

William A. Rossi u Ross Tennant jagħtu ssuġġerimenti li ġejjin fil-​ktieb tagħhom Professional Shoe Fitting.

“Sieqek ma tkejjilhiex biex, bħalma jaħsbu xi wħud, tkun taf liema qjies eżatt taʼ żarbun għandek tieħu.” Għala? Għaliex il-​qjies taʼ żarbun jistaʼ jiġi effettwat minn ħafna fatturi, bħalma hu l-​għoli tat-​takkuna, l-​istil, il-​mudell, il-​materjal li jintuża, u d-​ditta. Dan huwa speċjalment minnu llum meta ż-​żraben huma magħmulin f’ħafna pajjiżi b’livelli li jvarjaw.

Meta tkejjel sieqek, iġbed it-​tarf tal-​kalzetta ’l quddiem biex is-​swabaʼ ma jkunux mgħawġin, għax inkella tistaʼ tkejjel ħażin.

Kif għandha tiġi mkejla sieqek—bil-​qiegħda jew bil-​wieqfa? “Min ikejjel bil-​klijent bil-​qiegħda jagħmel dan biex jiffranka x-​xogħol.” Dan jirriżulta f’kejl ħażin. Għalhekk, qum bil-​wieqfa meta jkunu se jkejlulek saqajk. Iva, fuq saqajk it-​tnejn. Tikkonkludix li sieqek ix-​xellugija hija akbar. Kejjilhom it-​tnejn!

‘Il-​kejl professjonali taż-​żraben huwa sengħa u servizz li jirrikjedi grupp taʼ nies imħarrġin apposta. Dawn l-​uħud jaħdmu maʼ ħafna ħwienet daqstant professjonali li jifhmu u japprezzaw kemm hu importanti li ż-​żarbun jitkejjel bis-​sengħa.’

[Dijagrammi f’paġna 12]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Partijiet taʼ żarbun

pett

il-​parti taʼ fuq (vamp)

fetħa taż-​żarbun

inforra tal-​kalzetti

fejn toqgħod it-​takkuna

sopratakka

maskaretta

pett taʼ barra

gwardjun (welt)

il-​parti taʼ fuq (vamp)

fetħa

ilsien

naħa waħda taʼ fuq (quarter)

suletta taʼ l-​għarqub

takkuna

[Stampi f’paġna 13]

L-​apparat Brannock

[Stampa f’paġna 14]

Id-​disinni kollha taż-​żraben huma bbażati fuq dawn is-​sebaʼ stili bażiċi

[Stampa f’paġna 14]

Stili taʼ fetħa

Blucher

Bal

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja