Għala l-Valuri Qegħdin Jinbidlu
“X’inhu l-iktar importanti fil-ħajja?”
Din il-mistoqsija ġiet magħmula lil 50,000 ruħ f’60 pajjiż differenti. Rapport mill-esperti fl-istħarriġ taʼ Gallup juri li l-iktar tweġiba komuni kważi f’kull parti tad-dinja kienet “li jkollok ħajja tal-familja hienja” u “saħħa tajba.”
MAʼ L-EWWEL daqqa t’għajn, jistaʼ jidher li n-nies madwar id-dinja jħaddnu ġabra taʼ valuri għoljin. Imma s-sitwazzjoni m’hijiex daqshekk ward u żahar. Fl-imgħoddi, il-valuri tan-nies kienu bbażati fuq prinċipji reliġjużi u morali tradizzjonali. Però, l-affarijiet qegħdin jinbidlu malajr. Ir-riċerkatriċi Marisa Ferrari Occhionero tgħid dwar l-Italja: “Iż-żgħażagħ juru valuri li dejjem huma influwenzati inqas u inqas minn influwenzi tradizzjonali u reliġjużi, u mill-ġenituri.” L-istess jistaʼ jingħad għan-nies—kemm kbar kif ukoll żgħar—minn madwar id-dinja kollha.
Il-professur Ronald Inglehart, koordinatur taʼ proġett taʼ riċerka msejjaħ Stħarriġ dwar il-Valuri fid-Dinja, jgħid: “Ammont li dejjem jikber taʼ evidenza jindika li qed isir tibdil li ma jistax jitreġġaʼ lura fil-mod taʼ kif taħsibha d-dinja.” X’qiegħed iġiegħel li jseħħu dawn il-bidliet? Inglehart jistqarr: “Dawn il-bidliet jirriflettu bidliet ekonomiċi u teknoloġiċi.”
Per eżempju, l-istħarriġ taʼ Gallup wera li f’pajjiżi sinjuri li jkollok xogħol ma tantx ġie magħżul fost l-affarijiet li huma l-iktar importanti fil-ħajja. Imma f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jkollok impjieg intgħażel bħala li saħansitra huwa l-iktar ħaġa importanti! Iva, meta n-nies ikunu foqra, il-prijorità tagħhom tkun li jibqgħu ħajjin minn ġurnata għall-oħra. Hekk kif il-pajjiżi jiżviluppaw ekonomikament, in-nies imbagħad jagħtu l-prijorità lil affarijiet bħas-saħħa, ħajja tal-familja hienja, u l-abbiltà li jesprimu l-personalità tagħhom.
Minħabba l-avanz teknoloġiku, dawn il-valuri li qed jitfaċċaw żgur li se jolqtu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Ir-rivista The Futurist tosserva: “It-twemmin u l-valuri tagħna huma influwenzati minn dak li naraw u nisimgħu.” Għalhekk, il-mezzi tax-xandir kellhom effett kbir fuq il-valuri fid-dinja tal-Punent. The Futurist tgħid: “Dawn il-mezzi qed jinfluwenzaw lid-dinja kollha.”
Mela x’bidliet qed naraw fl-attitudnijiet u l-imġiba? Dawn il-valuri li qed jinbidlu kif qed jeffettwaw lilek u lill-familja tiegħek?