Valuri li Nbidlu Tħossu n-Nuqqas Tagħhom?
“X’INHI l-iktar problema serja li qed jiffaċċja l-pajjiż?” Meta ġew mistoqsijin din il-mistoqsija, il-biċċa l-kbira min-nies li ħadu sehem fl-istħarriġ fl-Istati Uniti poġġew lill-familja u l-morali li qed jitbaxxew bħala l-iktar, jew kważi l-iktar, affarijiet li qed jinkwetawhom. Fil-fatt, m’humiex waħedhom.
Per eżempju, il-gazzetta taʼ Pariġi International Herald Tribune nnotat: “Speċjalment fost iż-żgħażagħ, jidher ċar li hemm xenqa li fil-futur ikun hemm xi tip taʼ għaqda, ġabra taʼ prinċipji aċċettati biex jittrattaw u jikkontrollaw l-effetti tar-regħba, taʼ l-egoiżmu, u tan-nuqqas taʼ kooperazzjoni, affarijiet li jidhru li qed jieħdu d-dinja taħt idejhom. . . . Dan id-dibattitu li dejjem jikber dwar il-bżonn li jkun hemm ġabra taʼ valuri aċċettati minn kulħadd iġiegħel lil kulħadd jammetti li hemm xi ħaġa nieqsa.”
Taħseb int li l-gvernijiet u l-mexxejja tad-dinja, inklużi l-mexxejja tan-negozju, għandhom il-valuri meħtieġa biex jiggwidawna lejn futur iktar hieni, inqas perikoluż, u iktar fis-sigurtà? Peress li tara li l-valuri taʼ madwarek qed jinbidlu, tħoss li hemm xi ħaġa nieqsa, imqar sa ċertu punt?
Xi ħaġa taʼ tħassib serju tistaʼ tkun is-sigurtà persunali tiegħek. Tgħix inti f’post fejn tistaʼ ma ssakkarx il-bieb tad-dar tiegħek? Tħossok komdu timxi fit-toroq bil-lejl fl-inħawi fejn toqgħod? Jekk int daqshekk ixxurtjat li tgħix f’post fejn m’hemmx gwerer, inkwiet etniku, jew konflitti qattiela bejn klikek taʼ żgħażagħ, għandu mnejn xorta tibżaʼ li tispiċċa vittma taʼ xi ħadd li jaħbat għalik, jattakkak u jisirqek, jidħollok id-dar, jew li tinsteraq b’xi mod ieħor. Bir-raġun, dan jistaʼ joħloq niket u tistaʼ tħoss li hemm xi ħaġa nieqsa.
Barra minn hekk, tistaʼ tkun tlift—sa ċertu punt—is-sens taʼ fiduċja li kellek xi darba f’ħaddieħor. Mill-esperjenza, kemm fuq ix-xogħol kif ukoll fil-ħajja persunali, forsi ltqajt maʼ tendenza li dejjem tikber li n-nies jekk ikun jaqblilhom, anki jekk ftit, ikunu lesti jagħmlulek id-deni.
L-Eżempju tal-Gvern Huwa Meħtieġ
Matul l-istorja, kien hemm rabta magħrufa bejn il-valuri persunali li jkollu kull membru tas-soċjetà u l-valuri li juri l-gvern tagħha. Calvin Coolidge, li iktar tard serva bħala l-president taʼ l-Istati Uniti, qal: “In-nies jitkellmu dwar id-drittijiet naturali, imma jien nisfida lil kulħadd biex juri fejn qatt kien hemm jew ġew rikonoxxuti xi drittijiet fin-natura qabel ma ġew stabbiliti ċerti liġijiet uffiċjali li stqarrew formalment dawn id-drittijiet u pproteġewhom.”
Fl-aħħar mill-aħħar, huwa l-gvern li jkun qed jaħkem—irrilevanti kif telaʼ fil-poter—li jistaʼ jmexxi ’l quddiem jew jitfaʼ lura d-drittijiet ċivili, bħalma huma l-ġurnaliżmu bla restrizzjoni, libertà għal-laqgħat, libertà għar-reliġjon, u libertà biex titkellem fil-pubbliku, biex ma tiġix turmentat jew arrestat kontra l-liġi, u biex ikollok proċess ġust fil-qrati.
Abraham Lincoln, li iktar tard serva bħala l-president taʼ l-Istati Uniti, darba qal: “L-għan leġittimu tal-gvern huwa li jkun lest li jagħmel kulma jkun hemm bżonn li jsir għal komunità taʼ nies, u li dawn ma jkunux jistgħu jagħmluh għalkollox, jew ma tantx jagħmluh tajjeb, waħedhom—bil-kapaċitajiet individwali u separati tagħhom.” Meta l-gvernijiet jaħdmu biex jilħqu għanijiet nobbli bħal dawn, in-nies ikunu inklinati jafdaw lil dawk fil-poter.
Madankollu, illum is-suspetti u d-dubji jidhru li ħadu post din il-fiduċja. Studju li sar dan l-aħħar fl-Istati Uniti rrapporta li 68 fil-mija minn dawk mistħarrġa ġġudikaw l-imġiba morali taʼ l-uffiċjali federali bħala li hija la tajba u lanqas ħażina jew anki li mhix tajba biżżejjed. F’ħafna pajjiżi, l-impressjoni tan-nies lejn l-uffiċjali tal-gvern tħassret minħabba skandli taʼ qerq u korruzzjoni mill-akbar. Mhux taʼ b’xejn li ħafna iktar nies qegħdin iħossu li hemm xi ħaġa nieqsa.
L-Eżempju Tajjeb tas-Sultan Salamun
Eżempju tal-qedem juri kemm jistaʼ jkollhom impatt il-valuri taʼ dawk li jkunu qed jaħkmu. Is-Sultan Salamun ħakem fuq it-12-il tribù taʼ Iżrael mill-1037 sad-998 Q.E.K. Missieru, is-Sultan David, kien wieħed mill-iktar slaten taʼ Iżrael li spikka. Il-Bibbja tiddeskrivi lil David bħala wieħed li jħobb il-verità u l-ġustizzja u, fuq kollox, bħala bniedem taʼ fidi u fiduċja sħiħa f’Jehovah. David għallem l-istess valuri lil Salamun.
Alla li jistaʼ kollox deher lil Salamun f’ħolma u qallu: “Itlobni x’nagħtik.” (2 Kronaki 1:7) Minflok ma staqsa għal ħafna ġid, glorja persunali, jew rebħiet politiċi, Salamun wera l-valuri li kellu għal qalbu billi esprima x-xewqa għal qalb għarfa, mimlija dehen, u ubbidjenti, sabiex b’hekk setaʼ jmexxi tajjeb lill-ġens taʼ Iżrael.
Il-ħakma taʼ Salamun kif effettwat lin-nies? Alla bierku b’għerf, glorja, u ġid għalih innifsu—basta jibqaʼ leali lejn il-valuri spiritwali tal-ġens. Skoperti arkeoloġiċi jagħtu evidenza tal-ġid materjali kbir tar-renju taʼ Salamun. Il-ktieb The Archaeology of the Land of Israel (L-Arkeoloġija taʼ l-Art taʼ Iżrael) jgħid: “Il-ġid li kien jidħol fil-palazz irjali minn kullimkien, u l-kummerċ abbundanti . . . ġabu bidla kbira u taʼ min jinnotaha f’kull aspett tal-kultura materjali.”
Iva, it-tmexxija tajba taʼ Salamun ġabet il-paċi, is-sigurtà, u l-ferħ lil dawk taʼ taħtu. “Il-poplu taʼ Ġuda u Iżrael kien jgħix fiż-żgur, kulħadd taħt id-dielja u t-tina tiegħu, minn Dan sa Birsaba, iż-żmien kollu taʼ Salamun.”—1 Slaten 4:20; 5:5 (4:20, 25, NW).
L-Eżempju Ħażin tas-Sultan Salamun
Imma b’sogħba, il-valuri taʼ Salamun maż-żmien inbidlu, bħalma jinbidlu dawk taʼ tant mexxejja llum. Ir-rakkont fil-Bibbja jgħid: “Kellu sebaʼ mitt mara prinċipessi u tliet mija konkubini. U dawn in-nisa tiegħu ħassrulu qalbu. U għalhekk ġara li meta Salamun kien imdaħħal sewwa fiż-żmien, in-nisa li kellu dawwrulu tassew qalbu għal wara allat oħra, hekk li qalbu issa ma baqgħetx kollha kemm hi mal-Mulej, Alla tiegħu, bħalma kienet qalb David missieru.”—1 Slaten 11:3, 4.
X’effett kellhom il-valuri mibdula taʼ Salamun fuq in-nies tiegħu? Minkejja l-ħila u l-għerf kbir li kellu, Salamun sar ħakkiem oppressiv matul l-aħħar parti tal-ħakma tiegħu. L-ispejjeż tal-gvern tiegħu qaxqxu l-ekonomija tal-pajjiż. Il-ħaddiema ma baqgħux kuntenti. Rivali politiċi qamu kontra s-sultan u riedu jiħdulu l-poter tiegħu. Il-ġens tilef ħafna mis-sens t’għaqda li kellu. Kemm hi ħaġa ironika li Salamun innifsu kiteb: “Meta s-setgħa tkun f’idejn il-ġusti, jifraħ il-poplu, imma meta jaħkmu l-ħżiena, il-poplu jitniehed.”—Proverbji 29:2.
Ftit wara l-mewt taʼ Salamun, l-inkwiet politiku u n-nuqqas taʼ fiduċja li nqalgħu wasslu biex il-ġens jinqasam u biex minnufih jibda perijodu taʼ tbatija, firda, u taʼ kundizzjonijiet li jmorru mill-ħażin għall-agħar. L-Iżraelin ħassew li hemm xi ħaġa kbira nieqsa. Il-gvern tagħhom kien bidel il-valuri tiegħu u nesa l-aħjar interessi tal-poplu. L-iżball bażiku kien li l-mexxejja tal-poplu kienu injoraw lil Jehovah u l-liġijiet tiegħu. Bħala riżultat, il-ġens kollu bata.
In-Nuqqas taʼ Fiduċja Qed Jikber Illum
Illum, fil-gvern, fin-negozju, u fil-gruppi reliġjużi ħafna nies ftit li xejn qagħdu attenti li jżommu valuri għoljin. B’riżultat, dan ipproduċa sens taʼ xi ħaġa nieqsa fl-imħuħ u l-qlub tan-nies in ġenerali. Il-gvernijiet u mexxejja oħra qed isibuha dejjem iktar diffiċli biex isolvu l-problemi bażiċi taʼ pajjiżhom.
Per eżempju, ma kinux kapaċi jġibu fi tmiem il-gwerra jew jikkontrollaw il-prezz li dejjem jogħla tal-kura tas-saħħa jew l-effetti koroh tat-traffikar illegali tad-droga. Kien hemm ukoll kollass fis-sistemi edukattivi. Għadd taʼ gvernijiet saħansitra qegħdin jisponsorjaw logħob taʼ l-ażżard organizzat. Ħafna mexxejja reliġjużi u tan-negozju wkoll kienu diżappunt li jaħsdek minħabba l-azzjonijiet korrotti u immorali tagħhom. Mhux taʼ b’xejn li n-nuqqas taʼ fiduċja qiegħed jinfirex f’dawk l-uħud li n-nies ifittxu għat-tmexxija.
Huwa possibbli għal xi gvern li jipproteġi u anki jkun minn taʼ quddiem biex iżomm id-drittijiet u l-valuri bażiċi tal-bniedem? Iva, huwa possibbli. L-artiklu taʼ l-għeluq se jispjega kif.
[Kumment f’paġna 7]
‘Ir-regħba, l-egoiżmu, u n-nuqqas taʼ kooperazzjoni jidhru li qed jieħdu d-dinja taħt idejhom.’—INTERNATIONAL HERALD TRIBUNE
[Stampi f’paġna 8]
Meta s-Sultan Salamun obda l-liġijiet t’Alla, hu ttrasmetta valuri għoljin fin-nies taʼ taħtu