Għażliet li Jeffettwawlek Saħħtek
SPISS huwa taʼ sfida li tiekol sew u żżomm ruħek f’saħħtek. Minħabba l-pressjonijiet taʼ llum, jidher iktar konvenjenti li tiekol ikel proċessat, li jkun diġà lest, minflok ma toqgħod tipprepara l-ikel dak il-ħin u hu iktar faċli biex tgawdi l-ħin liberu quddiem it-televixin jew il-kompjuter minflok ma tieħu sehem f’xi attività fiżika. Madankollu, dawn l-għażliet jistgħu jkunu qed jikkundannaw lil għadd li dejjem jiżdied taʼ adulti u tfal għal problemi serji tas-saħħa.
Ir-rivista Asiaweek tgħid li fl-Asja “dieta rikka u stil taʼ ħajja dejjem bil-qiegħda qegħdin joħolqu epidemija tad-dijabete.” Din il-marda qiegħda tolqot b’mod allarmanti saħansitra lill-membri tas-soċjetà li għadhom żgħar. U fil-Kanada “r-riċerkaturi sabu li wieħed biss minn kull sebat itfal taħt it-12-il sena jieklu biżżejjed frott u ħaxix [u] li ftit iktar min-nofs jilagħbu sal-punt li jxoqqu l-għaraq,” tirrapporta The Globe and Mail. Ħajja bħal din twassal liż-żgħażagħ “biex malajr jaqbadhom il-mard tal-qalb sakemm jagħlqu t-30 sena,” jistqarr ir-rapport.
Bl-istess mod, l-esperti taʼ l-irqad jgħidu li l-adulti għandhom bżonn taʼ tmien sigħat irqad kull lejl u li ż-żgħażagħ jistaʼ jkollhom bżonn saħansitra iktar. Fil-fatt, studju li sar mill-Università f’Chicago wera li meta xi rġiel żgħażagħ f’saħħithom raqdu biss erbaʼ sigħat f’sitt iljieli konsekuttivi beda jkollhom problemi mediċi li s-soltu jkollhom persuni anzjani. Għalkemm ħafna nies jissagrifikaw il-ħin prezzjuż taʼ l-irqad biex iqattgħuh ix-xogħol, l-iskola, jew jiddevertu, ir-riżultat jistaʼ jaħdem kontrihom. “Hija ħaġa li tkun tiflaħ taħdem iżda hija ħaġa oħra li tkun attent, kreattiv u li ma tispiċċax torqod bla ma trid waqt li tkun qed issuq,” jinnota r-riċerkatur James Maas taʼ l-Università taʼ Cornell taʼ New York.
Naturalment, hemm ukoll fatturi oħra li jeffettwaw is-saħħa tagħna. Per eżempju, jekk ikollna ħarsa pożittiva saħħitna tistaʼ tibbenefika. U jekk ikollna skop veru f’ħajjitna se nkunu motivati biex nagħmlu għażliet li se jgħinuna nibqgħu f’saħħitna.