LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 12/8 pp. 3-4
  • Kemm Hi Marida l-Pjaneta Tagħna?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kemm Hi Marida l-Pjaneta Tagħna?
  • Stenbaħ!—2003
  • Materjal Simili
  • Il-Bniedem X’Qed Jagħmel lill-Art?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Kemm Irnexxielna Nsalvaw l-Ambjent?
    Stenbaħ!—2003
  • Għala x-Xbieki Huma Vojta
    Stenbaħ!—2009
Stenbaħ!—2003
g03 12/8 pp. 3-4

Kemm Hi Marida l-​Pjaneta Tagħna?

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-​FILIPPINI

Il-​kundizzjoni tal-​pazjenta hija kritika. Għandha diversi sintomi. In-​nifs tagħha jinten. Għandha ħafna deni, iktar minn qatt qabel. L-​isforzi li qed isiru biex inaqqsulha d-​deni mhux qed jirnexxu. Sabulha l-​velenu fil-​likwidi taʼ ġisimha. Meta jikkuraw is-​sintomi li għandha f’post wieħed, joħorġu sintomi differenti f’partijiet oħra taʼ ġisimha. Kieku din kienet sempliċi pazjenta ordinarja, it-​tobba wisq probabbli jaslu biex jikkonkludu li l-​kundizzjoni tal-​mard differenti li għandha hija kronika u fatali. Peress li ma jkunux jafu x’jistgħu jagħmlu iktar, huma sempliċement jieħdu passi biex iżommu lill-​pazjenta komda kemm jistaʼ jkun sakemm tmut.

MADANKOLLU, din m’hijiex pazjenta umana. Hija d-​dar tagħna—l-​art. Ix-​xena li għadna kif iddeskrivejna tagħti stampa taʼ dak li qed jiġri lill-​pjaneta tagħna. L-​arja mniġġsa, iż-​żjieda fis-​sħana globali, l-​ilmijiet imniġġsin, u l-​iskart tossiku huma ftit mill-​mard li għandha l-​pjaneta tagħna li hi tassew marida. Bħat-​tobba li ssemmew qabel, l-​esperti jinsabu f’dilemma dwar x’jistgħu jagħmlu.

Il-mezzi tax-​xandir ifakkruna regolarment fl-​istat marid li tinsab fih l-​art billi jużaw titli u frażijiet bħal: “Sajd bl-​isplużjonijiet ibiddel qiegħ il-​baħar f’post taʼ massakru.” “Biljun Asjatiku Għandu Mnejn Jinxef Qoxqox sa 24 Sena Oħra.” “Erbgħin miljun tunnellata skart tossiku jiġu negozjati globalment kull sena.” “Kważi żewġ terzi mill-​1,800 bir li hemm fil-​Ġappun huma mniġġsa bil-​veleni.” “It-​Toqba taʼ l-​Ożonu fuq l-​Antartiku Reġgħet Qed Tinkwetana u Hija Akbar.”

Xi wħud jidraw l-​aħbarijiet spissi dwar il-​perikli li qed jiffaċċja l-​ambjent, forsi saħansitra jaħsbu, ‘M’għandix għalfejn ninkwieta la mhux qed jeffettwani.’ Madankollu, kemm jekk nirrealizzaw jew le, il-​qerda bl-​addoċċ fl-​ambjent taʼ l-​art teffettwa l-​maġġuranza tan-​nies. Peress li t-​tinġis tal-​pjaneta tagħna issa huwa fuq skala daqshekk kbira, wisq probabbli diġà jeffettwa iktar minn aspett wieħed taʼ ħajjitna. Għalhekk, ilkoll kemm aħna għandna nieħdu interess fis-​saħħa u l-​preservazzjoni taʼ darna. Fuq kollox, fejn iktar nistgħu ngħixu?

Imma kemm hi mifruxa l-​problema? Kemm hi marida l-​art? Kif inhuma effettwati l-​ħajjiet tan-​nies? Ejja nagħtu daqqa t’għajn lejn biss ftit fatturi li jgħinuna nifhmu għala l-​art tagħna mhux biss hi daqsxejn ma tiflaħx, imma hija marida serjament.

◼ L-​OĊEANI: Hemm bosta nħawi kbar fl-​oċean li jsir wisq sajd fihom. Rapport mill-​Programm tal-​Ġnus Magħquda għall-​Ambjent jgħid li “70 fil-​mija mill-​postijiet fil-​baħar fejn jinqabad il-​ħut għall-​kummerċ tant jiġu sfruttati li r-​riproduzzjoni ma tistax tlaħħaq mad-​domanda jew bilkemm.” Per eżempju, popolazzjonijiet sħaħ taʼ ċertu ħut bħall-​merluzz, tip taʼ bakkaljaw, u l-​barbun taʼ l-​għajn fit-​tramuntana taʼ l-​Atlantiku naqsu b’95 fil-​mija mill-​1989 sa l-​1994. Jekk nibqgħu sejrin hekk, x’se jiġrilhom il-​miljuni taʼ nies li jiddependu mill-​baħar bħala l-​akbar sors taʼ ikel tagħhom?

Barra minn hekk, kull sena minn xi 20 miljun sa 40 miljun tunnellata taʼ ħlejjaq tal-​baħar jinqabdu u jerġgħu jintefgħu fl-​oċean—ġeneralment imweġġgħin jew mejtin. Għala? Għaliex jinqabdu mal-​ħut li s-​sajjieda jkunu qed jistadu għalih imma ma jkunux iriduh.

◼ IL-​FORESTI: It-​tqaċċit tal-​foresti għandu ħafna aspetti negattivi. In-​nuqqas taʼ siġar iwassal biex l-​art ma tibqax kapaċi tassorbi biżżejjed dijossidu karboniku, u jingħad li dan hu wieħed mill-​fatturi li jwassal għaż-​żjieda fis-​sħana globali. Ċerti speċi taʼ pjanti, li huma s-​sors potenzjali taʼ mediċini li jsalvaw il-​ħajjiet, se jisparixxu. Minkejja dan, il-​foresti għadhom qed jinqerdu bl-​istess rata. Fil-​fatt, ir-​rata taʼ din il-​ħsara żdiedet f’dawn l-​aħħar snin. Xi esperti jħossu li jekk nibqgħu sejrin hekk, il-​foresti tropikali jistgħu ma jibqgħux jeżistu sa 20 sena oħra.

◼ L-​ISKART TOSSIKU: Ir-​rimi fl-​art u fil-​baħar taʼ materjali li huma taʼ ħsara huwa problema serja li tistaʼ ġġib ħsara kbira fuq miljuni taʼ nies. L-​iskart radjoattiv, il-​metalli tqal li spiss ikunu tossiċi, u oġġetti magħmulin mill-​plastik huma fost is-​sustanzi li jistgħu jikkaġunaw affarijiet mhux normali fil-​ġisem, mard, jew mewt fil-​bnedmin u l-​annimali.

◼ IL-​KIMIĊI: F’dawn l-​aħħar mitt sena, bdew jintużaw mal-​100,000 kimika ġdida. Dawn il-​kimiċi fl-​aħħar mill-​aħħar isibu ruħhom fl-​arja, fil-​ħamrija, fl-​ilma, u fl-​ikel tagħna. Relattivament ftit minnhom ġew eżaminati biex jaraw kif jeffettwaw is-​saħħa tal-​bnedmin. Madankollu, mill-​ftit li ġew eżaminati, għadd mhux ħażin minnhom instabu li jġibu l-​kanċer jew jikkaġunaw il-​mard b’xi mod ieħor.

Hemm ħafna affarijiet oħra li jheddu l-​ambjent tagħna: it-​tinġis taʼ l-​arja, id-​dranaġġ mhux proċessat, ix-​xita aċiduża, in-​nuqqas taʼ ilma nadif. Il-​ftit li diġà ssemmew huma biżżejjed biex juru li l-​art tinsab verament marida. Jistaʼ l-​pazjent isalva, jew hija din ġlieda diġà mitlufa?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja