Għala Nemmen il-Bibbja—Xjenzat Nukleari Jirrakkonta l-Istorja Tiegħu
KIF RAKKONTATA MINN ALTON WILLIAMS
FL-1978 ġraw żewġ affarijiet importanti ħafna f’ħajti. F’Settembru ħadt il-lawrja taʼ fiżiku nukleari, u f’Diċembru nħtart bħala ministru tax-Xhieda taʼ Jehovah.
Meta n-nies isiru jafu li jien xjenzat u kif ukoll Xhud, spiss jistaqsu kif jirnexxili naċċetta l-għarfien xjentifiku li għandi kif ukoll inżomm mat-twemmin tiegħi fil-Bibbja. Biex ngħid is-sewwa, jien ukoll għamilt snin sħaħ nistaqsi lili nnifsi jekk l-għarfien xjentifiku u t-twemmin fil-Bibbja jistgħux jaqblu flimkien. Madankollu, maż-żmien sirt konvint mija fil-mija li l-Bibbja taqbel mal-fatti xjentifiċi. Kif wasalt għal din il-konklużjoni? Jekk jogħġobkom, ħalli l-ewwel nirrakkontalkom kif sirt xjenzat.
Proġett taʼ 19-il Sena
Jien twilidt fl-1953 f’Jackson, Mississippi, l-Istati Uniti, it-tielet wieħed minn ħdax. Aħna konna familja fqira. Ħafna drabi kien ikollna nbiddlu d-dar għax il-ġenituri tagħna ma kienx ikollhom flus biex iħallsu l-kera. Il-biċċa l-kbira taʼ l-ikel konna nirċivuh permezz taʼ skema tal-gvern li tipprovdi sussidju fuq l-ikel, u l-ħwejjeġ użati li konna nilbsu kienu jagħtuhomlna n-nies meta ommi kienet tmur tnaddfilhom id-djar u l-uffiċċji.
Il-ġenituri tagħna spiss kienu jfakkru lilna t-tfal li l-uniku mod biex neħilsu mill-faqar kien li niksbu edukazzjoni tajba. B’riżultat t’hekk, minn età żgħira ħafna daħħaltha f’rasi li mmur l-università u nġib il-lawrja. Bdejt l-iskola meta kelli sitt snin, u komplejt nistudja bla waqfien għad-19-il sena taʼ wara. Is-suġġetti favoriti tiegħi kienu x-xjenza u l-matematika, u għalhekk, meta dħalt l-università bdejt nistudja biex insir xjenzat.
Meta kont l-università, iltqajt maʼ tfajla jisimha Del. Wieħed mill-professuri tax-xjenza kien qalilha biex tkellimni ħalli ngħinha f’xi kors tax-xjenza li kienet qed tagħmel. Madankollu, wara ftit żmien ma bqajniex nitkellmu biss fuq ix-xjenza, u sirna nħobbu lil xulxin. Iżżewwiġna fl-10 taʼ Jannar, 1974—waqt pawsa taʼ sagħtejn bejn lezzjoni u oħra! Erbaʼ snin wara, fl-1978, fl-aħħar ġibt id-dottorat tiegħi.
Kont naħseb li issa sibt is-sigriet tas-suċċess. Kont sirt xjenzat—u mhux xjenzat kwalunkwe imma fiżiku nukleari! Issa li kelli f’idi lawrja fil-fiżika nukleari teoretika, stajt nibda ngawdi l-frott taʼ l-istudji twal tiegħi. Kont ħerqan li nsir magħruf fil-qasam xjentifiku. Minbarra hekk, issa stajt nagħżel impjieg mill-ħafna proposti tajbin taʼ xogħol li bdew jagħmluli kumpaniji privati u istituzzjonijiet tal-gvern.
Madankollu, ftit xhur wara, fit-30 taʼ Diċembru, 1978, għamilt xi ħaġa li malajr uriet li kellha ħafna iktar influwenza fuq ħajti u l-futur tiegħi milli kellha l-lawrja li kont għadni kemm ġibt. Dakinhar, jien issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Alla Jehovah permezz tal-magħmudija fl-ilma u b’hekk sirt wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Kif kont wasalt għal dan il-pass?
Ktieb Qanqalli l-Interess
Lejn it-tmiem taʼ l-1977, waqt li kont qed nistudja fl-Università taʼ Massachusetts f’Amherst, ġew żewġ Xhieda jħabbtu l-bieb taʼ l-appartament tiegħi. Jien ma kontx id-dar imma kien hemm il-mara bit-tfal tagħna, tifel taʼ tliet snin u tarbija tat-twelid. Del stiednet lix-Xhieda biex jidħlu ġewwa. Wara konversazzjoni sabiħa, hi aċċettat li x-Xhieda jiġu jżuruha darba fil-ġimgħa biex jikkonduċu magħha studju tal-Bibbja.
Malli l-mara qaltli b’dan l-arranġament, jien mill-ewwel waqaftilha. Ma kontx se niddejjaq għax riedet tingħaqad maʼ xi reliġjon—basta mhux max-Xhieda taʼ Jehovah! Fil-fatt, ma tantx kont naf dwar ix-Xhieda, imma kelli l-idea żbaljata li huma kienu xi grupp stramb li kien juża l-Bibbja biex iqarraq bin-nies. Għalhekk, biex mingħalija nipprova neħles lil marti minn taħt idejn ix-Xhieda, ġieni f’moħħi li nuża l-għarfien xjentifiku tiegħi biex inwaqqaʼ t-tagħlim tagħhom.
Darba minnhom ħadt pawsa mix-xogħol taʼ riċerka li kont nagħmel l-università u mort id-dar biex inkun preżenti għall-istudju tal-Bibbja taʼ marti. Madankollu, wasalt id-dar iktar tard milli xtaqt, u l-mara li kienet tikkonduċi l-istudju tal-Bibbja kienet lesta biex titlaq. Hi tatni ktieb jismu Did Man Get Here by Evolution or by Creation? (Il-Bniedem Ġie bl-Evoluzzjoni jew bil-Ħolqien?)a Hi qalet ukoll lil marti li fl-istudju tal-Bibbja tal-ġimgħa taʼ wara, kienu se jikkunsidraw profezija Biblika li turi li l-1914 kienet sena importanti ħafna. Issa kienet ġietni x-xoqqa f’moxtha! Jien għedt lix-Xhud li kont se nkun id-dar għad-diskussjoni Biblika li kien imiss. Ridt niċċekkja l-eżattezza matematika taʼ dak li kienet se tiddiskuti dwar is-sena 1914.
Dik il-lejla stess bdejt naqra l-ktieb li kienet ħallietli x-Xhud. Biex inkun onest, bqajt impressjonat b’dak li kien fih. Kien miktub b’mod loġiku, u kien fih għadd taʼ referenzi xjentifiċi dwar is-suġġett taʼ l-evoluzzjoni. Bqajt sorpriż meta sibt li l-Bibbja fiha ħafna iktar informazzjoni eżatta dwar il-ħolqien milli kont naħseb qabel. Fi ftit ġranet eżaminajt il-ktieb kollu u kelli nammetti li dak li l-Bibbja kienet fil-fatt tgħid dwar il-ħolqien ma jikkontradixxix il-fatti xjentifiċi magħrufin dwar il-ħajja fuq l-art.
Determinat li Nsib Kontradizzjonijiet
Minkejja dan, xorta kont għadni dubjuż dwar it-tagħlim tax-Xhieda u kont qed inħares ’il quddiem biex niċċekkja b’mod matematiku l-profezija Biblika dwar is-sena 1914. Ħsibt li x-Xhud żgur kienet se tibżaʼ x’ħin niffaċċjaha b’dan il-mod, u t-tama tiegħi kienet li ngħin lil marti tara kemm kien żbaljat it-twemmin li kienu jgħallmu x-Xhieda.
Il-ġimgħa taʼ wara x-Xhud ġiet maʼ raġel li kien wieħed mill-anzjani fil-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah. L-anzjan ikkonduċa l-istudju tal-Bibbja. Hu kkunsidra l-profeziji minn kapitli 4 u 9 tal-ktieb Bibliku taʼ Danjel, dwar kif kellu jidher Ġesù bħala Messija u Sultan. Jien kelli f’moħħi li nsib kontradizzjonijiet matematiċi fl-ispjegazzjoni tiegħu, imma ma sibt xejn. Għall-kuntrarju, erġajt bqajt impressjonat bl-informazzjoni loġika li hemm fil-Bibbja.
Sa dakinhar, jien kont naħseb li l-fidi f’Alla kienet iktar ibbażata fuq l-emozzjonijiet milli fuq ir-raġuni. Kemm kont żbaljat! Irringrazzjajt lix-Xhieda għad-diskussjoni informattiva u għedtilhom li xtaqt nibqaʼ nipparteċipa fl-istudju taʼ kull ġimgħa. Għalhekk, minn dakinhar ’il quddiem komplejt bl-istudji tiegħi fl-università u komplejt nistudja l-Bibbja max-Xhieda flimkien mal-mara tiegħi. Barra minn hekk, jien u l-mara bdejna nattendu l-laqgħat tax-Xhieda li jinżammu fis-Sala tas-Saltna.
Fi ftit xhur, tgħallimt ħafna veritajiet Bibliċi ġodda u ma domtx ma kkwalifikajt biex noħroġ max-Xhieda fil-ministeru minn bieb għal bieb. Dan ix-xogħol kont nagħmlu avolja kont kważi wasalt biex inġib id-dottorat mill-università, xi ħaġa li kienet tiħodli ħafna mill-ħin tiegħi. Fis-sajf taʼ l-1978 lestejt it-teżi tiegħi u morna noqogħdu fl-istat t’Alabama, fejn bdejt ngħallem il-fiżika fl-Università t’Alabama A. & M., f’Huntsville. Malajr ikkuntattjajna lix-Xhieda f’dan il-post ġdid u wieħed anzjan u l-mara tiegħu komplew jistudjaw il-Bibbja magħna. Ftit xhur wara, jien u marti tgħammidna t-tnejn fl-istess ġurnata.
Attiv Bħala Xjenzat u Ministru
Jien sibt li fil-każ tiegħi stajt inkun xjenzat u fl-istess ħin Xhud taʼ Jehovah. Fl-1983, bdejt naħdem bħala astrofiżiku fiċ-Ċentru George C. Marshall għat-Titjir Spazjali tan-NASA (National Aeronautics and Space Administration [Amministrazzjoni Nazzjonali Ajrunawtika u Spazjali]), f’Huntsville ukoll.b Hemmhekk kont naħdem fl-oqsma taʼ l-esperimenti u t-teorija assoċjati maʼ teleskopju bl-eksrejs. (Fl-1999 dan it-teleskopju—l-Osservatorju Chandra bl-Eksrejs—intbagħat fl-orbita b’suċċess mill-vettura spazjali Columbia.) Ħadt pjaċir naħdem fuq dan il-proġett li kien jinvolvi l-istudju taʼ l-eksrejs li joħorġu minn diversi kwiekeb u galassji sabiex nipprovaw nifhmu l-univers fiżiku b’mod aħjar.
Ix-xogħol tiegħi kont nieħu pjaċir nagħmlu d-doppju, għax mhux biss kont qed naħdem fuq problema xjentifika diffiċli imma wkoll bdejt napprezza iktar fil-fond il-qawwa u l-għerf tal-Ħallieq. Fil-fatt, il-kliem li qal Jehovah permezz tal-profeta tal-qedem Isaija sar ifisser xi ħaġa speċjali għalija. Il-Ħallieq jgħid: “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-ħlejjaq kollha? Imexxi u jgħodd l-eżerċti tiegħu, u jsejjħilhom b’isimhom wieħed wieħed. Bis-saħħa taʼ qawwietu, bil-qawwa taʼ setgħetu, ħadd minnhom ma jonqos.” (Isaija 40:26) Iktar ma kont ‘nerfaʼ għajnejja ’l fuq’ u nara l-univers immens, kumpless, u mill-isbaħ, iktar bdejt napprezza x-xogħol tad-Disinjatur intelliġenti li ħalaq dan kollu u għamel liġijiet biex kollox jibqaʼ jaħdem tajjeb flimkien.
Matul dan iż-żmien, kont imħabbat ħafna nippubblika materjal ġdid f’ġurnali xjentifiċi bbażat fuq ir-riċerka tiegħi dwar l-astrofiżika relatata maʼ l-eksrejs. Madankollu, kont attiv ukoll fil-kongregazzjoni Kristjana. Kont naqdi bħala anzjan u nqattaʼ madwar 20 siegħa fix-xahar fix-xogħol taʼ l-ippridkar pubbliku. Sadanittant, marti kienet tieħu sehem fix-xogħol edukattiv tal-Bibbja fuq bażi full-time.
Wara li għamilt erbaʼ snin naħdem man-NASA, bdejt inħoss iktar il-bżonn li nagħti iktar mill-ħin tiegħi biex ngħin lil oħrajn jitgħallmu l-veritajiet taʼ l-għaġeb li hemm fil-Bibbja. Imma kif stajt nagħmlu dan? Wara li tkellimt maʼ marti dwar ix-xewqa li kelli, u tlabt lil Jehovah dwarha, irrealizzajt li kien se jkolli nieħu xi deċiżjonijiet importanti.
Deċiżjonijiet Serji
Jien avviċinajt lill-imgħallem tiegħi fin-NASA u għedtlu li ridt innaqqas il-ġimgħa tax-xogħol tiegħi minn ħamest ijiem għal erbat ijiem. M’għandniex xi ngħidu, kont lest li naċċetta inqas paga. Spjegajtlu li xtaqt inqattaʼ t-tlett ijiem l-oħra tal-ġimgħa f’konnessjoni mal-ministeru tiegħi. L-imgħallem tiegħi aċċetta, avolja dan l-arranġament ma kontx tismaʼ bih fost ix-xjenzati tan-NASA. Madankollu, hu qalli li kien hemm bżonn li nkellem lill-imgħallem taʼ fuqu, li kien f’pożizzjoni għolja. Hekk għamilt u b’sorpriża kbira dan ukoll qabel mat-talba tiegħi. Għalhekk, f’Settembru taʼ l-1987 bdejt il-karriera tiegħi bħala ministru full-time, u bdejt inqattaʼ mad-90 siegħa fix-xahar fl-ippridkar minn bieb għal bieb u f’oqsma oħra tal-ministeru.
Xi żmien wara, ċempilli wieħed mill-kapijiet fl-Università t’Alabama A. & M. f’Huntsville. Hu offrieli xogħol bħala għalliem fid-dipartiment tal-fiżika. Jien weġibtu li kont lest naċċetta l-impjieg basta nkun nistaʼ nqattaʼ l-maġġuranza tal-ħin tiegħi fil-ministeru. Madankollu, serraħtlu moħħu li l-attivitajiet tiegħi fil-ministeru ma kinux se jnaqqsu l-kwalità taʼ xogħli bħala għalliem fil-klassi. Il-kap aċċetta. Illum, jien għadni ngħallem f’din l-università u naqdi wkoll bħala ministru full-time. Saħansitra sibt il-ħin biex nitgħallem l-Ispanjol. Bħalissa, jien u marti qed naqdu f’kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah bil-lingwa Spanjola f’Huntsville.
Ix-Xjenza u l-Fidi
Fis-snin kollha li ilni nagħmel riċerka xjentifika, qatt ma ltqajt maʼ xi kontradizzjoni bejn fatt xjentifiku provat u xi tagħlim tal-Bibbja. Ħafna drabi, jistaʼ jidher li hemm kontradizzjoni għar-raġuni li dak li jkun jew ma jkollux biżżejjed għarfien—jew xjentifiku jew dwar x’tgħid eżatt il-Bibbja. Per eżempju, xi xjenzati u nies oħra b’mod żbaljat jaħsbu li l-Bibbja tgħallem li l-pjanti, l-annimali, u l-bnedmin żviluppaw ilkoll kemm huma fuq l-art fi żmien sitt ijiem letterali t’24 siegħa kull wieħed. Dan ir-raġunar ma jaqbilx mal-fatti xjentifiċi stabbiliti. Imma l-Bibbja ma tgħallimx hekk. Minflok, din turi li l-“ġranet” kreattivi jinvolvu eluf taʼ snin.c
Konfużjoni oħra tqum mill-idea żbaljata li l-fidi f’Alla hija sempliċement xi esperjenza emozzjonali. Għall-kuntrarju, il-fidi f’Alla u fil-Bibbja hija bbażata fuq fatti li jistgħu jiġu provati. Bħalma tispjega l-Bibbja, “il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx.” (Lhud 11:1) Iva, il-fidi hija bbażata fuq il-provi, l-evidenza. Fil-passat u fi żmienna twettqu mijiet taʼ profeziji. Għaldaqstant, anki jekk napplikaw il-metodu xjentifiku li jużaw ix-xjenzati kollha biex jistabbilixxu teorija xjentifika, jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa li l-profeziji Bibliċi dwar ġrajjiet futuri se jitwettqu żgur.
Waħda minn dawn il-profeziji tinkludi l-wegħda li fil-futur qarib, aħna għad ingawdu din l-art bħala Ġenna. L-effetti qerrieda tax-xjuħija, il-mard, il-mewt, il-gwerer, u l-inġustizzji mhux se jkunu iktar. (Apokalissi 21:3, 4) Dakinhar se jkollna ċans nesploraw u nistudjaw bir-reqqa l-ħolqien meraviljuż t’Alla Jehovah u l-ħafna liġijiet li stabbilixxa biex imexxi dan l-univers fiżiku u taʼ l-għaġeb.
Jien grat lejn Alla Jehovah li għenni nsib is-sigriet tal-ferħ veru—il-veritajiet meraviljużi li hemm fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. It-talba tiegħi hi li ħafna oħrajn, inkluż xjenzati, isibu dan is-sigriet ukoll.
[Noti taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah imma m’għadux jiġi stampat.
b In-NASA hija organizzazzjoni tal-gvern taʼ lIstati Uniti li tiffunzjona indipendentement minn aġenziji oħra tal-gvern.
c Ara kapitlu 6, “An Ancient Creation Record—Can You Trust It?” (Rakkont Antik dwar il-Ħolqien—Tistaʼ Tafdah?), fil-ktieb Is There a Creator Who Cares About You? pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Kumment f’paġna 20]
Kont naħseb li l-fidi f’Alla kienet iktar ibbażata fuq l-emozzjonijiet milli fuq ir-raġuni
[Kumment f’paġna 22]
Qatt ma ltqajt maʼ xi kontradizzjoni bejn fatt xjentifiku provat u xi tagħlim tal-Bibbja
[Stampa f’paġna 21]
Jien immantni lill-familja tiegħi billi ngħallem “part-time”
[Stampi f’paġna 23]
L-Osservatorju Chandra bl-Eksrejs tan-NASA fl-orbita u immaġni bl-eksrejs taʼ toqba sewda b’sistema binarja tal-kwiekeb
[Sorsi]
NASA Photo
NASA/CfA/J. McClintock et al.
[Stampa f’paġna 23]
Jien u l-mara ngawdu l-ministeru full-time