Mingħand il-Qarrejja
Il-Kriminalità Vjolenti Is-serje t’artikli “Il-Kriminalità Vjolenti—Hemm Xi Soluzzjoni Għaliha?” (8 taʼ Lulju, 2003) kienet verament imħejjija tajjeb. Ħadt pjaċir naqra l-ewwel artiklu li qal l-affarijiet kif inhuma mingħajr ma ta soluzzjoni. Spiċċa b’sempliċement ftit mistoqsijiet biex iġagħlu lil dak li jkun jaħseb, u b’hekk ħallew il-qarrej jinduna kemm hi gravi l-problema. Imbagħad ġew enfasizzati s-soluzzjonijiet Skritturali. L-unika kelma li tiġini f’moħħi għall-artikli hi li kienu affaxxinanti!
A. L., Stati Uniti
L-aħħar artikli f’din is-serje intitolata “Soluzzjoni Realistika—Hija Possibbli?,” urietni li hemm bżonn taʼ bidla tal-moħħ u tal-qalb sabiex in-nies jitgħallmu jħobbu l-ġustizzja. Ilkoll kemm aħna rridu niġu mgħallma minn Alla Jehovah, bħalma jistqarr Isaija 54:13. Anki issa, bl-għajnuna taʼ Jehovah, nistgħu nibdew ninbidlu ħalli nsiru t-tip taʼ nies li jridna nkunu Jehovah.
V. K., Stati Uniti
It-Tour De France Kemm ħadt pjaċir bl-artiklu “It-Tour De France—100 Sena taʼ l-Aqwa Prova għaċ-Ċikliżmu.” (8 taʼ Lulju, 2003) Jien kont niġri fit-tlielaq taċ-ċikliżmu bħala delizzju. Avolja nara t-Tour de France kull sena fuq it-televixin, ma kont naf xejn dwar il-bidu tagħha jew li fl-2003 għalqet il-mitt sena minn mindu bdiet. Dan l-artiklu semma l-atti taʼ “rġulija sportiva.” Jien naħseb li dan hu l-iktar fattur li jiġbed lin-nies.
R. S., Ġappun
Għandi għaxar snin, u veru ħadt pjaċir bl-artiklu dwar it-Tour de France. Grazzi talli spjegajtu daqshekk affarijiet dwar l-istorja taċ-ċikliżmu. Nispera li tippubblikaw iktar artikli sportivi.
J. F., Franza
Id-Dijabete Grazzi ħafna tas-serje t’artikli bit-titlu “Il-Ħajja bid-Dijabete.” (8 taʼ Mejju, 2003) Ili nbati bid-Dijabete tat-Tip 1 għal 12-il sena, u ngħatajt kura permezz taʼ l-injezzjonijiet taʼ l-insulina li nieħu b’mod regulari. Marti tappoġġani ferm. It-tnejn li aħna nkomplu nitgħallmu dwar il-marda, immorru għand it-tabib flimkien, u jien qed naħdem biex nikseb attitudni iktar pożittiva. Minħabba li naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa, innotajt fost sħabi l-Kristjani li huma iktar konxji tal-bżonn li jkunu iktar qalbhom tajba u paċenzjużi maʼ xi ħadd marid ħalli jgħinuh jiffaċċja l-isfidi tal-ħajja. Din l-attitudni tgħinni nkompli naqdi lill-kongregazzjonijiet. Din is-serje t’artikli ġiet f’waqtha. Għal darb’oħra, grazzi ħafna.
W. B., Polonja
Ili nbati bid-dijabete għal 28 sena. Għaxar membri mill-familja tiegħi jbatu b’din il-marda. L-artikli tagħkom fihom l-iktar informazzjoni ċara li qatt rajt s’issa. L-artikli jirriflettu l-imħabba tal-Ħallieq tagħna—xi ħaġa li ma ssibhiex fl-artikli sekulari fuq dan is-suġġett. Peress li ma ridtx niddependi wisq mill-familja tiegħi, ipprovajt ma nħallix lil oħrajn jindunaw li jien marida. Kont nieħu gost nieħu ħsieb lil ħaddieħor. Imma dan l-artiklu għenni nara li għandi bżonn nieħu ħsieb tiegħi nnifsi ħalli nkun nistaʼ nieħu ħsieb aħjar lil ħaddieħor.
L. P., Franza