LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 7/8 pp. 10-11
  • Il-Lavanda—Rigal għas-Sensi Tagħna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Lavanda—Rigal għas-Sensi Tagħna
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Toniku sa minn Żmien Żemżem
  • Studjat l-​Użu Tradizzjonali
  • Domanda li Dejjem Tiżdied
  • Paġna 2
    Stenbaħ!—2004
  • Diżastru fil-Baħar—Traġedja fuq l-Art
    Stenbaħ!—2003
Stenbaħ!—2004
g04 7/8 pp. 10-11

Il-​Lavanda—Rigal għas-​Sensi Tagħna

Minn kittieb għal Stenbaħ! fl-​Awstralja

IR-​REĠINA ELIŻABETTA I taʼ l-​Ingilterra tat ordni biex fuq il-​mejda rjali jkun hemm ħwawar magħmulin minnha. Karlu VI taʼ Franza kien joqgħod bil-​qiegħda fuq imħaded mimlijin biha. Ir-​Reġina Vittorja taʼ l-​Ingilterra kienet tinħasel biha. X’kienet din il-​ħaġa li għaliha wrew tant entużjażmu dawn in-​nies irjali? Pjanta tfuħ magħrufa bħala lavanda. Min xi darba jew oħra kien f’għalqa fejn titkabbar il-​lavanda u qagħad qalb dawn il-​pjanti taʼ lewn vjola jaf għala tant nies iħobbu din il-​pjanta aromatika.

Hemm iktar minn 30 speċi taʼ lavanda. Din il-​pjanta b’saħħitha tgħix f’għadd taʼ klimi differenti, mill-​arja friska taʼ l-​Alpi Franċiżi sas-​sħana xotta tal-​Lvant Nofsani. L-​isem botaniku tal-​pjanta, Lavandula, ġej mill-​kelma Latina lavare li tfisser “taħsel.” Dan ġej minn drawwa tar-​Rumani tal-​qedem, li kienu jfewħu l-​ilma tal-​banju tagħhom biż-​żejt tal-​lavanda.

Toniku sa minn Żmien Żemżem

L-​użu mediku tal-​lavanda jmur lura kważi 2,000 sena. Matul il-​Medju Evu, kienet ingredjent ewlieni f’taħlita magħrufa bħala l-​ħall taʼ l-​erbaʼ ħallelin, li kienet tintuża biex tikkumbatti l-​pesta. Il-​ħall x’aktarx beda jissejjaħ b’dan il-​mod minħabba l-​fatt li nies li kienu jiftħu l-​oqbra tal-​vittmi tal-​pesta u jisirqulhom dak li kien jgħodd għalihom, wara kienu jinħaslu b’din it-​taħlita tal-​lavanda. Minkejja r-​riskju li kienu jieħdu, donnu li rari li xi ħadd minnhom kien jieħu l-​marda.

Fis-seklu 16, nies li kienu jużaw il-​ħxejjex bħala mediċina kienu jsostnu li l-​lavanda ma kinitx tfejjaq biss l-​irjiħat u l-​uġigħ taʼ ras imma wkoll il-​paralisi tad-​dirgħajn u r-​riġlejn u n-​nevrosi. Barra minn hekk, kienu jemmnu li jekk tilbes beritta magħmula mil-​lavanda tiżdiedlek l-​intelliġenza. Fi żmien l-​ewwel gwerra dinjija, xi gvernijiet talbu liċ-​ċittadini tagħhom biex jiġbru l-​lavanda mill-​ġonna tagħhom sabiex iż-​żejt li jiġi estratt minnha jintuża biex jiddewwew il-​feriti tas-​suldati.

Studjat l-​Użu Tradizzjonali

Xi żjut tal-​lavanda, speċjalment il-​Lavandula angustifolia, donnhom li għandhom effett fuq għadd taʼ speċi taʼ batterji u fungi. Xi riċerkaturi ssuġġerew li ż-​żejt tal-​lavanda jistaʼ jintuża għall-​kura taʼ infezzjonijiet minn batterji li jirreżistu l-​antibijotiċi. “Iż-​żejt tal-​lavanda jintuża ħafna wkoll fix-​xogħol tal-​qwiebel,” jgħid artiklu taʼ riċerka reċenti. “F’test kliniku fuq ħafna nisa, intwera li l-​ommijiet li kienu jużaw iż-​żejt tal-​lavanda [fl-ilma tal-​banju] darba wara l-​oħra kellhom inqas problemi bejn tlett ijiem u ħamest ijiem wara li wildu . . . Fil-​preżent ukoll, iż-​żejt tal-​lavanda jintuża f’ħafna swali tal-​ħlas minħabba t-​tendenza li għandu li jġiegħel lil dak li jkun jikkalma.”

Xi ngħidu dwar il-​gosti tar-​Reġina Eliżabetta għal-​lavanda? Vera li l-​lavanda tistaʼ tikolha? “Il-​lavanda kienet waħda mill-​ħwawar favoriti fit-​tisjir fl-​Ingilterra fi żmien Eliżabetta u l-​familja rjali Tudor, u kienet tintuża bħala kondiment li kienu jservu mat-​tjur, mal-​laħam mixwi, mal-​frott imqattaʼ, u kienu jroxxuha fuq il-​ħelu, jew jikluha waħedha bħala karamella,” tgħid Judyth McLeod fil-​ktieb tagħha Lavender, Sweet Lavender. Illum xi tipi taʼ lavanda jintużaw biex iħawru l-​gallettini, il-​kejkijiet, u l-​ġelat. Mill-​banda l-​oħra, mhux it-​tipi kollha jintgħoġbu​—speċjalment mill-​insetti. Fil-​fatt, skond riċerka li saret, iż-​żejt tal-​lavanda jew il-​weraq u l-​fjuri tagħha mitħunin jistgħu jintużaw ukoll bħala pestiċidi kummerċjali u domestiċi peress li meta tiġi applikata, il-​lavanda tbiegħed kull xorta taʼ dud u kamla.

Domanda li Dejjem Tiżdied

F’dawn l-​aħħar snin, il-​lavanda reġgħet qed issir popolari ħafna. Issa qed tiġi kultivata fl-​Amerika taʼ Fuq, l-​Awstralja, l-​Ewropa, il-​Ġappun, u New Zealand. “Il-​lavanda bħall-​inbid,” jgħid Byron, bidwi żagħżugħ li jieħu ħsieb 90 tomna rabaʼ taʼ pjanti tal-​lavanda fix-​xlokk taʼ Victoria, fl-​Awstralja. “Iż-​żejt li jiġi prodott mill-​istess speċi jvarja minn reġjun għal ieħor, għax jiddependi mill-​ħamrija u l-​klima li tikber fihom il-​lavanda. Anki ż-​żmien u l-​metodu tal-​ħsad jistgħu jeffettwaw il-​prodott finali.”

Iżda kuntrarju għall-​inbid, iż-​żejt tal-​lavanda jiġi estratt bit-​togħlija mhux bl-​għasir. Byron jispjega: “Għandek bżonn madwar 250 kilogramma lavanda biex tipproduċi litru żejt. Il-​fjuri, iz-​zkuk, u l-​weraq li jkunu għadhom kif inqatgħu jiġu pressati ġo kontenitur kbir taʼ l-​azzar. Jintefaʼ l-​fwar minn ġol-​qiegħ tal-​kontenitur, u kif jibda tielaʼ ’l fuq minn qalb il-​partijiet tal-​pjanta, il-​fwar iġiegħel iż-​żejt joħroġ minn ġol-​pjanta. Il-​fwar u ż-​żejt jgħaddu minn apparat li jkessaħ għal ġo borma, fejn iż-​żejt jissepara minn maʼ l-​ilma u jitlaʼ fil-​wiċċ. Iż-​żejt jinġabar u jiġi maħżun f’kontenituri, li minn ġewwa jkunu miksijin biċ-​ċeramika, fejn jitħalla jimmatura għal ftit xhur.”

Iż-żejt tal-​lavanda mill-​għalqa taʼ Byron jintuża għas-​sapun, il-​krema, u x-​xemgħa. Il-​fjuri jinbiegħu friski jew nexfin, u t-​trofof tal-​fjuri huma ingredjent imprezzabbli fil-​potpourri. Kull sena jiġu eluf taʼ turisti biex iduqu l-​ħelu tal-​lavanda u jitgħaxxqu bid-​dehra u bil-​fwieħa taʼ l-​għelieqi tal-​lavanda. Byron spiss ifakkar lil dawn il-​viżitaturi grati: “Mhux aħna nagħmluh iż-​żejt; aħna sempliċement niġbruh. Kien il-​Ħallieq tal-​lavanda li pprovda l-​pjanta bħala rigal għas-​sensi tagħna.”

[Kaxxa f’paġna 11]

Jiġu prodotti b’mod kummerċjali tliet tipi taʼżejt tal-​lavanda

Il-​proprju żejt tal-​lavanda jiġi estratt mill-​ispeċi magħrufa bħala “Lavandula angustifolia.” Kuntrarju għaż-​żjut imsemmijin hawn taħt, dan ma jkollux riħa taʼ ganfra jew ikollu ftit. Kull sena jiġu prodotti madwar 200 tunnellata minnu.

Iż-​żejt tal-​lavanda spika jiġi mill-​pjanta “Lavandula latifolia.” Kull sena jiġuprodotti mal-​200 tunnellata minn dan iż-​żejt.

Iż-​żejt Lavandin jiġi minn taħlita taż-​żewġ speċi li semmejna hawn fuq. Iktar minn elf tunnellata minn dan iż-​żejt jinbiegħu mad-​dinja kollha kull sena.

[Stampa f’paġna 10]

F’ħafna għelieqi, għadhom jintużaw metodi tradizzjonali fil-​ħsad tal-​lavanda

[Stampa f’paġna 10]

Iż-​żejt tal-​lavanda jiġi estratt f’distilleriji kbar

[Stampa f’paġna 10]

Iż-​żejt tal-​lavanda jimmatura f’kontenituri taʼ l-​azzar, li minn ġewwa jkunu miksijin biċ-​ċeramika, qabel ma jintuża fid-​diversi prodotti

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja