Żgħażagħ li Jitkellmu bil-Qlubija dwar il-Fidi Tagħhom
FOST ix-Xhieda taʼ Jehovah hemm ħafna żgħażagħ. Huma jħobbu lil Alla u jitħabtu sabiex jgħixu fi qbil mal-prinċipji li nsibu fil-Bibbja. Dawn iż-żgħażagħ huma kburin bil-fidi tagħhom, u jitkellmu dwarha m’oħrajn fl-iskola. Ikkunsidra ftit eżempji.
◼ Meta Holly kienet Form 1, hi u sħabha tal-klassi kellhom jiktbu komponiment fuq il-mistoqsija “Kieku int kif issolvi l-problema tat-terroriżmu mingħajr ma tuża l-vjolenza?” Holly ħatfet din l-opportunità biex tikteb dwar it-tama li għandha bbażata fuq il-Bibbja għall-futur. Spjegat li tul l-istorja, ‘bniedem ħakem fuq ieħor u għamillu l-ħsara.’ (Koħèlet 8:9) Imbagħad ġibdet l-attenzjoni fuq l-unika tama għall-bnedmin—is-Saltna t’Alla. Hi kitbet, “Ladarba Ġesù huwa s-Sultan maħtur taʼ din is-Saltna, il-problemi kollha, inkluż it-terroriżmu, se jispiċċaw darba għal dejjem.” Holly elaborat dwar kif Ġesù se jwettaq dak li ebda ħakkiem uman ma jistaʼ jwettaq. Hi kitbet, “Meta kien fuq l-art, Ġesù wera x’tip taʼ ħakkiem se jkun. Kien jaf iħobb u kien jimpurtah min-nies. Hu wera l-qawwa li kellu billi fejjaq lill-morda u rxoxta lill-mejtin. L-ebda gvern uman m’hu kapaċi jagħti l-ħajja lil dawk li mietu. Iżda s-Saltna t’Alla hekk se tagħmel.” Holly ikkonkludiet l-komponiment tagħha b’din l-istqarrija, “Alla biss jistaʼ jsolvi l-problema tat-terroriżmu, u mhux il-bniedem.”
Fl-aħħar tar-rapport tagħha, l-għalliema kitbet: “Prosit! Impressjonanti ħafna, Holly. U maħsub tajjeb ħafna.” Lgħalliema kienet impressjonata wkoll bir-referenzi Skritturali li pprovdiet Holly. Dan ta lil Holly l-opportunità biex titkellem maʼ l-għalliema tagħha dwar l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, programm taʼ diskussjonijiet u tagħlim li jsir mix-Xhieda taʼ Jehovah kull ġimgħa. L-għalliema tagħha aċċettat bil-ferħ kopja tal-ktieb li jintuża fl-Iskola tal-Ministeru.
◼ Jessica wkoll kellha l-opportunità li titkellem dwar il-fidi tagħha f’diversi komponimenti li kellha taʼ l-iskola. “Fi tlieta minnhom irnexxieli nikteb tliet komponimenti dwar it-twemmin tiegħi,” tgħid hi. “Wieħed kien dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah u d-drittijiet reliġjużi. L-għalliema għamlitu fil-librerija biex b’hekk dawk li xtaqu jaqrawh setgħu jagħmlu dan. Ftit ilu ktibt dwar il-magħmudija tiegħi u dwar kemm din kienet ġurnata importanti għalija. Peress li bejnietna l-istudenti bdejna naqsmu xi punti dwar dak li konna ktibna, sħabi tal-klassi kellhom ċans jaqraw dak li kont ktibt. Waħda tfajla qalet: ‘Prosit. Tajjeb tkun taf id-dmirijiet taʼ persuna li hi Xhud taʼ Jehovah. Prosit li tgħammidt!’ Tfajla oħra qalet: ‘Dak li rrakkontajt kien sabiħ ħafna! Jien ferħana li l-fidi tiegħek hi daqshekk soda!’ Wieħed minn sħabi tal-klassi sempliċement kiteb: ‘Għandek rasek fuq għonqok. Prosit.’”
◼ Meta Melissa kellha 11-il sena kellha opportunità unika li titkellem dwar il-fidi tagħha. “L-infermiera taʼ l-iskola ġiet waqt il-lezzjoni tiegħi tax-xjenza biex tkellimna dwar is-sistema taʼ l-immunità. Qam is-suġġett tat-trasfużjonijiet tad-demm. Wara li spiċċat il-lezzjoni, għedt lill-għalliem tiegħi tax-xjenza dwar wieħed mill-vidjos li għandna dwar id-demm. L-għada ħadtu miegħi l-iskola, u l-għalliem tiegħi ħadu d-dar u rah mal-familja tiegħu. Il-ġurnata taʼ wara, ġab il-vidjo l-iskola u wrieh lil żewġ klassijiet, inkluż tiegħi. Imbagħad għamel kummenti sbieħ dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah, u qal lill-klassi li kieku ma kienx għalina, ix-Xhieda, ma kienx ikun hawn alternattivi oħra għat-trasfużjonijiet. Meta ġie biex jagħtini l-vidjo lura staqsieni, ‘Kif nistaʼ nikseb kopja għal-librerija taʼ l-iskola?’ Jien tajtu kopja. Kien ferħan ħafna b’dan, u anki jien!”
Holly, Jessica, u Melissa huma fost ħafna Xhieda taʼ Jehovah żgħażagħ li jsegwu t-twissija mill-Bibbja biex jiftakru fil-Ħallieq tagħhom. (Koħèlet 12:1) Qiegħed tagħmel hekk int ukoll? Jekk inhu hekk, tistaʼ tkun ċert li qed tferraħ qalb Jehovah.—Proverbji 27:11; Lhud 6:10.
Meta intom iż-żgħażagħ titkellmu dwar il-fidi tagħkom maʼ sħabkom taʼ l-iskola u maʼ l-għalliema, tkunu qegħdin tagħtu xiehda qawwija dwar Alla Jehovah u l-iskopijiet tiegħu. Dan isaħħilkom il-fidi tagħkom ukoll, u jiżviluppa fikom kburija bnina bil-privileġġ li għandkom li tkunu fost il-qaddejja t’Alla. (Ġeremija 9:23, [9:24, NW]) Meta tagħtu xiehda l-iskola dan se jkun ukoll taʼ protezzjoni għalikom. Jessica tiddeskrivih b’dan il-mod: “Benefiċċju wieħed li hemm meta nitkellem dwar dak li nemmen hu li l-istudenti ma jagħmlulix pressjoni biex nagħmel affarijiet li m’humiex fi qbil maʼ dak li tgħid il-Bibbja.”
[Stampi f’paġna 12]
Holly
[Stampi f’paġna 12, 13]
Jessica
[Stampi f’paġna 13]
Melissa