Il-Ħajja Kollezzjoni Meraviljuża taʼ Ktajjen
QATT ħsibt dwar ġismek bħala kollezzjoni taʼ ktajjen żgħar ħafna? Forsi le. Iżda l-ktieb The Way Life Works, jispjega li fir-realtà l-ġisem jaħdem permezz taʼ komponenti żgħar importanti ħafna li huma organizzati bħal ktajjen. Għal din ir-raġuni, difett żgħir fi ftit minn dawn il-ktajjen jistaʼ jkollu impatt kbir fuq saħħitna. X’inhuma dawn il-ktajjen? Kif jaħdmu? U kif għandhom x’jaqsmu mas-saħħa u l-benesseri tagħna?
Bażikament, dawn huma molekuli qishom ktajjen li jaqgħu f’żewġ kategoriji. Il-molekuli li se nikkunsidraw f’dan l-artiklu huma l-proteini. L-oħrajn huma l-molekuli li jaħżnu u jagħtu l-informazzjoni ġenetika—id-DNA u l-RNA. Bla dubju, dawn iż-żewġ gruppi huma relatati mill-qrib. Fil-fatt, xogħol ewlieni tad-DNA u l-RNA hu li jipproduċu l-varjetà kbira taʼ proteini li jeżistu.
Katalizzaturi, Difensuri, u Arbli
Il-proteini huma l-iktar tip taʼ molekuli varjati li jeżistu fost il-molekuli l-kbar. Il-familja tal-proteini tinkludi l-antibodies, l-enzimi, il-messaġġiera, il-proteini strutturali, u dawk tat-trasport. Il-varjetà kbira taʼ antibodies, jew immunoglobulini, jiġġieldu kontra invażuri bħall-batterji u l-viruses. Globulini oħra jgħinu biex jagħlqu l-vini meta dawn iġarrbu xi ħsara minħabba xi trawma.
L-enzimi jservu bħala katalizzaturi billi jgħaġġlu r-reazzjonijiet kimiċi, bħal dawk li għandhom x’jaqsmu mad-diġestjoni. Fil-fatt, “mingħajr l-enzimi malajr tmut bil-ġuħ, għax kieku l-istonku jieħu 50 sena biex iħaddem ikla normali,” jispjega l-ktieb The Thread of Life. L-enzimi jaħdmu qishom qegħdin ġo fabbrika,billi kull proteina tagħmel biċċa xogħol speċifika. Per eżempju, l-enzima maltase tkisser il-maltosju, tip taʼ zokkor, f’żewġ molekuli tal-glukosju. L-enzima lactase tkisser il-lattosju li hu z-zokkor fil-ħalib. Enzimi oħra jgħaqqdu l-atomi u l-molekuli sabiex jipproduċu prodotti ġodda. Dan jagħmluh b’ħeffa li ma bħalha. Molekula waħda taʼ enzima tistaʼ tqanqal eluf taʼ reazzjonijiet kimiċi kull sekonda!
Xi proteini huma klassifikati bħala ormoni u jagħmluha taʼ messaġġiera. Dawn joħorġu mad-demm u jistimulaw jew inaqqsu l-attività f’partijiet oħra tal-ġisem. Per eżempju, l-insulina tistimula liċ-ċelluli biex jassorbu l-glukosju, li huwa s-sors li jagħtihom l-enerġija. Il-proteini strutturali bħalma huma l-kollaġen u l-keratina huma l-komponenti primarji tal-qarquċa, ix-xagħar, id-dwiefer, u l-ġilda. Dawn il-proteini kollha huma “l-ekwivalenti taʼ l-arbli, it-travi, il-plywood, is-siment, u l-imsiemer fiċ-ċellula,” jgħid The Way Life Works.
Il-proteini li jittrasportaw u li jinsabu fil-qoxra taċ-ċellula jservu bħala pompi u kanali li minnhom jgħaddi l-materjal li jidħol jew joħroġ miċ-ċellula. Issa ejja naraw minn xiex inhuma magħmulin il-proteini u kif il-forma tagħhom, li qisha katina, hi marbuta max-xogħol li jagħmlu.
Komplessità Bbażata fuq is-Sempliċità
L-alfabet huwa l-element bażiku taʼ ħafna lingwi. Minn din il-lista t’ittri jiġu fformati l-kliem. Imbagħad, il-kliem jifformaw is-sentenzi. Fil-livell molekulari jintuża prinċipju simili. L-“alfabet” prinċipali huwa provdut mid-DNA. B’mod taʼ l-għaġeb, dan l-“alfabet” jikkonsisti biss f’erbaʼ ittri—A, C, G, u T li huma s-simboli għas-sustanzi bażiċi adenina, ċitosin, gwanina, u timina. Minn dawn l-erbaʼ sustanzi bażiċi, id-DNA permezz taʼ l-RNA jifforma l-aċidi amminiċi (amino acids), li jistgħu jitqabblu mal-kliem. Madankollu, kuntrarju għall-kliem normali, l-aċidi amminiċi kollha għandhom l-istess numru taʼ ittri, jiġifieri tlieta. “Sistemi li jlaqqgħu l-proteini,” imsejħin ribosomi, jgħaqqdu l-aċidi amminiċi flimkien. Il-ktajjen, jew proteini, li jirriżultaw minn dan jistgħu jitqabblu mas-sentenzi. Peress li għandha iktar elementi minn sentenza mitkellma jew miktuba, il-proteina tipika jistaʼ jkollha madwar 300 sa 400 aċidu amminiku.
Skond xogħol taʼ referenza, hemm mijiet taʼ aċidi amminiċi li jseħħu fin-natura, iżda madwar 20 tip minnhom biss jinsabu fil-maġġuranza tal-proteini. Dawn l-aċidi amminiċi jistgħu jingħaqdu f’għadd bla tmiem taʼ taħlitiet kimiċi. Aħseb ftit: Jekk 20 aċidu amminiku jifformaw katina twila 100 aċidu amminiku, din il-katina tistaʼ tiġi rranġata f’iktar minn 10100 modi differenti—jiġifieri, wieħed b’100 żero warajh!
Il-Forma u x-Xogħol tal-Proteini
Il-forma taʼ proteina hija kruċjali għall-irwol tagħha fiċ-ċellula. Il-katina taʼ aċidi amminiċi kif tinfluwenza l-forma tal-proteina? Kuntrarju għall-ħoloq li jkun hemm f’katina tal-metall jew tal-plastik, l-aċidi amminiċi jingħaqdu flimkien f’ċerti angoli u jifformaw l-istess disinn. Xi ftit minn dawn id-disinji jixbhu l-mod taʼ kif jitkebbeb ħabel tat-telefon jew il-piegi bħal fuq xi biċċa drapp. Imbagħad, dawn id-disinji jiġu “mitwijin,” jew ifformati, fi struttura iktar komplessa bi tliet dimensjonijiet. Il-forma taʼ proteina mhix xi ħaġa li tiġri bl-addoċċ. Tabilħaqq, il-forma tagħha hija kruċjali għax-xogħol tagħha, li jsir evidenti ħafna meta jkun hemm xi difett fil-katina taʼ l-aċidu amminiku.
Meta l-Katina Jkollha Difett
Meta l-proteini jkollhom xi difett fil-katina taʼ l-aċidi amminiċi, jew ikunu mitwijin ħażin, dawn jistgħu jikkaġunaw ammont taʼ mard, inkluż l-anemija magħrufa bħala sickle-cell u l-marda fil-glandoli magħrufa bħala cystic fibrosis. L-anemija sickle-cell hija marda ġenetika li tikkaġuna difetti fil-molekuli taʼ l-emoglobina fiċ-ċelluli ħomor. Molekula waħda taʼ l-emoglobina tikkonsisti f’574 aċidu amminiku li huma rranġati f’erbaʼ ktajjen. Tibdil taʼ aċidu amminiku wieħed fi tnejn mill-erbaʼ ktajjen ibiddel l-emoglobina normali f’waħda tas-sickle-cell. Ħafna mill-każijiet tas-cystic fibrosis huma kaġunati minn proteina li hija nieqsa mill-fenilalanin fl-aċidu amminiku li jkun fundamentali fil-katina taʼ l-aċidi amminiċi. Fost affarijiet oħra, dan id-difett itellef il-bilanċ tal-melħ u l-ilma meħtieġ fil-membrani li jiksu l-musrana u l-pulmuni, u dan iġiegħel lill-mukus li jiksi dawn il-partijiet isir magħqud u jwaħħal.
Jekk ma jkunx hemm ċerti proteini jew ikunu neqsin ħafna, dan iwassal għal mard bħalma huma l-albiniżmu u l-emofilja. L-albiniżmu, fil-forma l-iktar komuni tiegħu, hu n-nuqqas taʼ pigmentazzjoni (kulur) li jseħħ meta proteina fundamentali bl-isem taʼ tyrosinase tkun difettuża jew nieqsa. Din teffettwa l-produzzjoni tal-melanina, pigment (kulur) kannella li jinstab normalment fl-għajnejn, fix-xagħar, u fil-ġilda tal-bniedem. L-emofilja hija kaġunata minn livelli baxxi ħafna jew in-nuqqas taʼ fatturi tal-proteini li jgħinu lid-demm jagħqad. Mard ieħor li jiġi minħabba proteini difettużi jinkludi l-intolleranza għal-lattosju u d-distrofija muskolari, biex insemmu xi ftit.
Teorija dwar il-Mekkaniżmu tal-Mard
Fi snin reċenti, ix-xjenzati tefgħu l-attenzjoni tagħhom fuq marda li xi wħud jaħsbu li tiġi minħabba forma mhix normali taʼ proteina bl-isem taʼ prion. It-teorija hi li meta l-prions difettużi jingħaqdu maʼ proteini prion normali, dawn jikkaġunaw lill-proteini normali jitkebbu ħażin, u b’hekk jirriżulta l-mard. Bħalma tispjega l-gazzetta Scientific American, dan iwassal għal reazzjoni li tifrex il-marda u tiġġenera iktar infezzjonijiet.
Fis-snin 50, fil-Papwa Ginea Ġdida, ġibed l-attenzjoni tal-pubbliku dak li setaʼ kien l-ewwel każ taʼ marda minħabba l-prion. Minħabba raġunijiet reliġjużi, xi tribujiet iżolati kienu jipprattikaw il-kannibaliżmu u dan wassal għal marda jisimha kuru li għandha sintomi simili għal dawk tal-marda Creutzfeldt-Jakob. Meta dawn it-tribujiet milquta waqfu jipprattikaw dak ir-ritwal reliġjuż, il-marda tal-kuru malajr naqset u llum il-ġurnata kważi ħadd ma jaf biha.
Disinn taʼ l-Għaġeb!
Madankollu, b’ferħ ngħidu li normalment il-proteini jintwew kif suppost u jagħmlu x-xogħol tagħhom b’kooperazzjoni, effiċjenza, u eżattezza taʼ l-għaġeb. Din hija xi ħaġa taʼ l-għaġeb meta tikkunsidra li hemm iktar minn 100,000 tip taʼ proteini fil-ġisem uman, li huma kollha ktajjen kumplessi rranġati f’eluf taʼ piegi differenti.
Għadna ma nafux kollox dwar il-proteini. Sabiex jitgħallmu iktar, ir-riċerkaturi qegħdin joħolqu programmi tal-kompjuter sofistikati li jkunu jistgħu jaqtgħu l-forma tal-proteini mis-sekwenza taʼ l-aċidi amminiċi tagħhom. Madankollu, anki mill-ftit li nafu dwar il-proteini, nistgħu naraw b’mod ċar li dawn il-“ktajjen tal-ħajja” mhux biss għandhom livell għoli taʼ organizzazzjoni, iżda jirriflettu wkoll intelliġenza profonda.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 27]
“Kodiċi Postali” għall-Proteini
Sabiex il-posta tkun tistaʼ tasal iktar malajr, ħafna servizzi postali jirrikjedu li jiġi inkluż il-kodiċi postali fl-indirizz taʼ fuq kull ittra. Il-Ħallieq għamel xi ħaġa simili biex ikun ċert li l-proteini jsibu triqithom ġewwa ċ-ċellula. Ħaġa bħal din hija vitali meta tikkunsidra li ċ-ċelluli huma attivi ħafna għax dawn fihom iktar minn biljun proteina. Madankollu, il-proteini li jkunu għadhom kif ifformaw dejjem isibu triqithom lejn posthom u dan grazzi għal “kodiċi postali” molekulari—ringiela speċjali taʼ aċidi amminiċi li tinsab fil-proteini.
Fl-1999, il-bijologu taċ-ċelluli, Günter Blobel rebaħ il-premju Nobel minħabba li skopra dan il-konċett taʼ l-għaġeb. Madankollu, Blobel sempliċement skopra xi ħaġa. M’għandux jirċievi iktar glorja l-Ħallieq taċ-ċellula ħajja u l-molekuli tant kumplessi tagħha?—Rivelazzjoni 4:11.
[Dijagramma/Stampi f’paġna 24, 25]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Kif inhuma magħmulin il-proteini?
Iċ-Ċellula
1 Ġewwa n-nukleu taʼ ċellula, id-DNA jkollu l-istruzzjonijiet għal kull proteina
DNA
2 Sezzjoni mid-DNA tinfetaħ u l-informazzjoni ġenetika ssir messaġġier RNA
Messaġġier RNA
3 Ribosomi—“postijiet fejn jinqraw il-messaġġi u jinġabru l-proteini”—jingħaqdu maʼ l-RNA
4 L-RNAs li jittrasportaw l-aċidi amminiċi lir-ribosoma
Aċidi amminiċi individwali
L-RNAs li jittrasportaw
Ribosoma
5 Hekk kif ir-ribosoma “taqra” l-RNA, tgħaqqad flimkien f’ordni speċifiku l-aċidi amminiċi individwali biex tifforma katina, li hi l-proteina
Il-proteini huma magħmulin minn aċidi amminiċi
6 Il-proteina li qisha katina trid titkebbeb b’mod preċiż biex tkun tistaʼ twettaq ix-xogħol tagħha. Immaġina, proteina tipika jkollha iktar minn 300 “ħolqa”!
Proteina
Għandna iktar minn 100,000 tip differenti taʼ proteini f’ġisimna. Dawn huma vitali għall-ħajja
Antibodies
Enzimi
Proteini strutturali
Ormoni
Proteini tat-trasport
[Dijagramma/Stampi f’paġna 25]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Id-DNA kif “jispelli” kull proteina?
DNA G T C T A T A A G
Id-DNA juża biss erbaʼ “ittri”: A, T, C, G
A T C G
Il-mod kif “jispelli” d-DNA jinbidel għall-mod taʼ kif “jispelli” l-RNA. L-RNA juża U (uracil) minflok T
A U C G
Kull sekwenza taʼ tliet ittri “tispelli” “kelma,” jew aċidu amminiku, differenti. Per eżempju:
G U C = “valine”
U A U = “tyrosine”
A A G = “lisine”
B’dan il-mod, kull wieħed mill-20 aċidu amminiku komuni jistaʼ jiġi “spellut.” Il-“kliem” jingħaqdu flimkien biex jifformaw katina jew “sentenza”—il-proteina
[Dijagramma/Stampi f’paġna 26]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Kif “tintewa” il-proteina?
L-aċidi amminiċi individwali jingħaqdu flimkien biex . . .
1 jifformaw katina, imbagħad . . .
2 jifformaw disinji, bħal ċrieki jew piegi, imbagħad. . .
Ċrieki
Piegi
3 jintwew u jsiru strutturi bi tliet dimensjonijiet, li jistgħu jkunu . . .
4 parti sekondarja minn proteina kumplessa
[Stampa f’paġna 26]
Dan il-mudell tal-kompjuter taʼ parti minn proteina ribosoma juża l-kuluri biex jenfasizza t-tliet dimensjonijiet tagħha. Id-disinji strutturali huma indikati permezz taʼ ċrieki (imkebbin fit-tond) u vleġeġ (sezzjonijiet qosra bil-piegi)
[Sors]
The Protein Data Bank, ID: 1FFK; Ban, N., Nissen, P., Hansen, J., Moore, P.B., Steitz, T.A.: The Complete Atomic Structure of the Large Ribosomal Subunit at 2.4 A Resolution, Science 289 pp. 905 (2000)
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 24]
Adapted drawings: From THE WAY LIFE WORKS by Mahlon Hoagland and Bert Dodson, copyright ©1995 by Mahlon Hoagland and Bert Dodson. Used by permission of Times Books, a division of Random House, Inc.