Koppja Mhux tas-Soltu
Reċentement, xjenzati tal-baħar li kienu qed jgħoddsu bil-lejl fil-fond viċin il-Great Barrier Reef, is-sikka enormi li tinsab mal-kosta taʼ l-Awstralja, raw għall-ewwel darba qarnita raġel taʼ l-ispeċi blanket. Din għala kienet xi ħaġa mhux tas-soltu?
Għal raġuni valida, din il-qarnita taʼ l-ispeċi blanket hi deskritta bħala l-iktar annimal fid-dinja li fl-ispeċi tiegħu teżisti differenza kbira fid-daqs bejn il-mara u r-raġel. Il-mara tistaʼ tikber sa żewġ metri u tiżen sa 10 kilogrammi. Imma r-raġel twil biss tliet ċentimetri u jiżen 0.3 grammi! Fil-fatt, bejn wieħed u ieħor, ir-raġel hu daqs il-ħabba t’għajn il-mara. Dan ifisser li l-mara hija akbar mir-raġel xi 40,000 darba, differenza fid-daqs li donnha l-iktar estrema f’annimali mhux mikroskopiċi. Dan il-qarnit hu pelaġiku, jiġifieri, jgħix fl-oċeani, u s’issa minn din l-ispeċi kien ġie osservat biss qarnit mejjet, kemm nisa u kemm irġiel, li nqabad fix-xbieki tas-sajd.
Dawn iż-żewġ kreaturi, tant differenti fid-daqs, kif jirriproduċu? Waħda mit-tmien swabaʼ tar-raġel hija vojta minn ġewwa. Wara li raġel isib mara dan is-sabaʼ jimtela bl-isperma. Imbagħad jinqalaʼ u jidħol fil-kavità tal-fosdqa tal-mara, l-ispazju l-kbir ġo ġisimha. Jibqaʼ hemm sakemm il-mara tiffertilizza l-bajd tagħha billi tifrex l-isperma fuqhom.
Biex jikkumpensa għad-daqs tiegħu, ir-raġel jiddefendi lilu nnifsu bit-tentakli li millidher jisraq mill-brama Portugiża bl-isem man-of-war u jżommhom fil-fosos tas-swabaʼ taʼ fuq. Però, lanqas dawn it-tentakli ma jsalvawh għax meta jlesti dmiru mal-mara tiegħu, hu jmut. Mhux taʼ b’xejn li x-xjenzati baqgħu meraviljati bis-sejba tagħhom!
Hi x’inhi r-raġuni tad-differenza enormi fid-daqs taʼ dan il-qarnit mhux tas-soltu, il-kliem tal-Bibbja huwa verament minnu: “Dan il-baħar taʼ kobor u wisaʼ bla tarf, li fih jimraħ ħut bla għadd; bhejjem żgħar u bhejjem kbar.”—Salm 104:25.
[Stampi f’paġna 31]
Mara: twila sa żewġ metri u tiżen 10 kilogrammi
Raġel: twil tliet ċentimetri u jiżen 0.3 grammi
Id-daqs attwali meta mqabbel mad-daqs tal-mara
[Sorsi]
Mara: Photo P. Wirtz; raġel: Photo: D. Paul