LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 2/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Teknoloġija Tnaqqas il-​Konversazzjoni
  • Vizzju li Jiswa Ħafna
  • Seklu taʼ Gwerra
  • Bramel taż-​Żibel Ħajjin
  • Il-​Karozzi Minflok Roti fiċ-​Ċina
  • Il-​Qari taʼ Benefiċċju għat-​Trabi tat-​Twelid
  • Oqgħod Attent minn Xorb Miżjud
  • Wisq Professjonisti
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2003
  • L-Internet—Nużaw b’Għaqal Din l-Għodda Globali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Jistaʼ Jkun Tassew Perikoluż li Tinnamra fuq l-Internet?
    Stenbaħ!—2005
  • L-Użu taʼ l-Internet—Oqgħod Attent mill-Perikli!
    Il-Ministeru tas-Saltna—1999
Stenbaħ!—2005
g05 2/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

It-​Teknoloġija Tnaqqas il-​Konversazzjoni

“Il-​ħsieb li jkollhom konversazzjoni maʼ xi ħadd wiċċ imbwiċċ ibeżżaʼ lil ħafna Britanniċi minħabba li saru jiddependu iktar u iktar mit-​teknoloġija moderna,” tirrapporta The Times taʼ Londra. Stħarriġ li sar mill-​kumpanija British Gas fuq 1,000 adult, sab li kuljum il-​persuna medja tqattaʼ kważi erbaʼ sigħat minn ħajjitha “tuża t-​teknoloġija li oriġinalment kienet maħsuba biex tagħti lil dak li jkun iktar ħin liberu.” Skond ir-​rapport, “bejn wieħed u ieħor, il-​Britanniku jqattaʼ 88 minuta kuljum fuq it-​telefon normali, 62 minuta oħra jitkellem fuq it-​telefon ċellulari, 53 minuta jibgħat l-​emails u 22 minuta jibgħat messaġġi bit-​telefon.” L-​istħarriġ ikkonkluda li l-​abbiltajiet tagħna taʼ komunikazzjoni, bħalma hu li nitkellmu wiċċ imbwiċċ, qed iġarrbu l-​ħsara. Ħafna minn dawk li sarilhom l-​istħarriġ ammettew li kienu jibagħtu l-​messaġġi bit-​telefon “bħala mezz biex ma jaħlux ħin f’konversazzjonijiet jew sabiex jevitaw il-​konversazzjoni totalment.”

Vizzju li Jiswa Ħafna

Skond il-​Professur Kari Reijula tal-​Finnish Institute of Occupational Health, it-​tipjip jiswa ħafna flus mhux biss lil dawk li jpejpu, iżda wkoll lil dawk li jħaddmuhom u lil dawk li ma jpejpux. Il-​ħin li jintilef minħabba l-​intervalli li l-​ħaddiema jieħdu biex ipejpu, “jiswa lill-​ekonomija tal-​Finlandja kważi 16.6 miljun euro [7.4 miljun lira Maltija] fis-​sena,” tirrapporta l-​Finnish Broadcasting Company Web site. Huwa rapportat li “dawk il-​ħaddiema li jpejpu pakkett sigaretti kuljum jispiċċaw ifallu 17-il ġurnata xogħol fis-​sena.” Is-​sick leave jżid maʼ l-​ispiża. Reijula jkompli jgħid: “L-​istudji juru li l-​ħaddiema li jpejpu għandhom ukoll rata akbar taʼ aċċidenti.” Barra minn hekk, skond ir-​rapport, it-​tipjip iżid l-​ispejjeż għat-​tindif kif ukoll għall-​użu taʼ l-​elettriku, “għax il-​ventilazzjoni trid tinżamm għolja ħafna.” Iktar gravi huwa l-​fatt li “madwar 250 Finlandiż li ma jpejpux imutu kull sena minn mard li huwa konness mad-​duħħan tas-​sigaretti li jpejpu n-​nies taʼ madwarhom, fuq ix-​xogħol jew fil-​ħin liberu tagħhom.”

Seklu taʼ Gwerra

“Il-​ġenoċidji għenu biex is-​seklu 20 isir l-​iktar seklu mdemmi fl-​istorja,” tirrapporta Buenos Aires Herald. Il-​ġenoċidju huwa spjegat bħala pjan sistematiku biex jeqred għalkollox xi nazzjon, razza, grupp politiku jew etniku. Huwa stmat li fis-​seklu 20 inqatlu madwar 41 miljun ruħ. Eżempju reċenti huwa l-​Irwanda, fejn fl-​1994 inqatlu madwar 800,000 ruħ li l-​biċċa l-​kbira minnhom inqatlu minn “nies ċivili mxewxin minn propaganda taʼ mibegħda.” L-​istudjużi jgħidu li matul perijodu taʼ 100 jum, inqatlu madwar 8,000 ruħ kuljum. Din ir-​rata hija “ħames darbiet iktar minn kemm qatlu l-​kmamar tal-​gass li ntużaw min-​Nazi fit-​tieni gwerra dinjija,” tistqarr il-​Herald.

Bramel taż-​Żibel Ħajjin

Studju internazzjonali rigward l-​effett taż-​żibel fuq il-​ħlejjaq tal-​baħar juri li fuq medja, il-​fulmar, għasfur li jgħix fuq il-​Baħar tat-​Tramuntana, għandu 30 biċċa plastik fl-​istonku tiegħu. Dan huwa “d-​doppju taʼ l-​ammont li nstab fil-​fulmars fis-​snin 80,” tirrapporta l-​gazzetta The Guardian taʼ Londra. Dawn l-​għasafar ġew studjati minħabba li “jieklu kważi kollox u ma jtellgħux dak li jkunu belgħu.” Fost l-​affarijiet tal-​plastik li nstabu fl-​istonku taʼ dawn l-​għasafar mejta kien hemm ġugarelli, għodda, ħbula, tazzi tal-​ġablow, fowm tas-​saqqijiet, fliexken tal-​plastik, u lajters tas-​sigaretti. It-​Tabib Dan Barlow, il-​kap tar-​riċerka taʼ Friends of the Earth Scotland, jgħid: “Minn din ir-​riċerka nafu li l-​annimali tal-​baħar madwar il-​kosta taʼ l-​Iskozja qegħdin jispiċċaw qishom bramel taż-​żibel ħajjin.” Il-​gazzetta żżid: “Iktar minn 100 mit-​300 speċi taʼ għasafar tal-​baħar madwar id-​dinja jieklu l-​plastik bi żball.”

Il-​Karozzi Minflok Roti fiċ-​Ċina

Iżjed ma qed tikber l-​ekonomija fiċ-​Ċina, in-​nies qegħdin jagħżlu li jsuqu l-​karozzi minflok ir-​roti. Per eżempju, għaxar snin ilu 60 fil-​mija mir-​residenti f’Beijing kienu jiddependu primarjament mir-​rota bħala l-​mezz tat-​trasport, imma issa hemm biss 25 fil-​mija li jiddependu minnha. “F’Beijing biss,” tgħid il-​gazzetta Kanadiża Toronto Star, “in-​numru taʼ vetturi fit-​triq qiegħed jiżdied b’iktar minn 400,000 kull sena.” B’riżultat taʼ dan, f’dik il-​belt, “il-​veloċità fit-​triq issa hija biss 12-il kilometru fis-​siegħa.” In-​National Geographic jirrapporta li matul is-​sena 2003 fiċ-​Ċina “xi nies professjonali li rnexxew xtraw iktar minn żewġ miljun karozza—70 fil-​mija iktar mill-​2002.” Barra minn hekk, minħabba li n-​nies qed isiru jiddependu iktar mill-​karozzi milli mir-​roti, għandu mnejn li ċ-​Ċina diġà qabżet lill-​Ġappun, u b’hekk saret it-​tieni l-​akbar post fid-​dinja li juża l-​iktar żejt. Minkejja dan, huwa stmat li għad hemm madwar 470 miljun rota fiċ-​Ċina.

Il-​Qari taʼ Benefiċċju għat-​Trabi tat-​Twelid

The Toronto Star tispjega li “l-​qari lit-​tfal żgħar tant għandu impatt qawwi fuq il-​kumplament taʼ ħajjithom li l-​esperti issa jirrikkmandaw li l-​ġenituri jibdew jagħmlu dan ftit wara li jitwieldu t-​trabi.” It-​Tabib Richard Goldbloom, li sentejn ilu organizza l-​ewwel programm taʼ qari għat-​trabi tat-​twelid fil-​Kanada, jgħid: “Waħda mill-​affarijiet li tgħallimna u osservajna hi li, meta taqra lit-​tarbija, din tassew turi l-​attenzjoni minn kmieni fl-​infanzja. Tkun qed tismaʼ.” Ir-​riċerka tindika li jekk sempliċement tagħti l-​kotba lit-​tfal minn età żgħira dan itejjeb il-​vokabolarju u l-​qari tagħhom. Skond il-​gazzetta, “il-​punt m’huwiex li tisforza lit-​trabi biex jitgħallmu jaqraw, iżda li ddarrihom il-​kwalità u l-​kwantità tal-​lingwa biex b’hekk ikunu jistgħu jagħrfu l-​vokabolarju, l-​ittri u l-​ħoss tagħha—u eventwalment, ikunu jafu jaqraw.”

Oqgħod Attent minn Xorb Miżjud

Fl-​Awstralja, “kuljum ħames persuni jiġu attakkati sesswalment wara li jkunu ħadu xorb miżjud bid-​drogi jew bl-​alkoħol f’xi pabb, diskoteka, jew party privat,” twissi l-​gazzetta The Australian. Dan ix-​xorb iżidulu l-​alkoħol jew id-​drogi mingħajr ma tinduna l-​persuna li tkun se tixorbu. Xi drogi li jintużaw m’għandhomx kulur, togħma, jew riħa. Il-​vittmi jistgħu ma jkunux jafu fejn qegħdin, ma jkunux jistgħu jiċċaqalqu, jew inkella jintilfu minn sensihom. Xi ftit minnhom mietu. Studju li sar man-​nazzjon kollu mill-​Australian Institute of Criminology wera li kull sena jiġi miżjud ix-​xorb taʼ madwar 4500 ruħ u 40 fil-​mija minnhom jiġu attakkati sesswalment. Meta jgħaddu l-​effetti taʼ dan ix-​xorb, hemm min lanqas biss jiftakar xi jkun ġralu.

Wisq Professjonisti

“Illum il-​ġurnata, li tikseb il-​lawrja ma jfissirx li neċessarjament se ssib xogħol,” tgħid il-​gazzetta El Universal fil-​Belt tal-​Messiku. Studju reċenti fil-​Messiku wera li “bejn l-​1991 u s-​sena 2000, 40 fil-​mija mill-​professjonisti kellhom jaċċettaw xogħol li ma kellux x’jaqsam mal-​lawrja li kienu ħadu.” Dan ifisser li madwar 750,000 gradwat mill-​università qegħdin jaħdmu f’tip taʼ xogħol li m’għandux bżonn taʼ lawrja, bħal dak taʼ operators tat-​telefon, sewwieqa, magicians, buffi, [u] barmen.” Ir-​rapport ikkalkula li sas-​sena 2006, fil-​Messiku se jkun hemm 131,000 iktar amministraturi, 100,000 iktar accountants, 92,000 iktar inġiniera tal-​kompjuter, 92,000 iktar għalliema taʼ l-​iskola elementari, 87,000 iktar avukati milli hemm xogħol disponibbli f’dawn il-​professjonijiet.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja