Mingħand il-Qarrejja
Tama Din hija biss nota qasira biex nesprimu l-apprezzament profond tagħna għas-serje “It-Tama—Fejn Tistaʼ Ssibha?” (8 taʼ Mejju, 2004) Aħna qrajnieha flimkien bħala familja u, meta wasalna fl-aħħar, għajnejna kienu mimlijin bid-dmugħ. L-istampi b’dik il-fjura għamlu effett viżwali mill-isbaħ.
H. H. & L. H., Stati Uniti
Ommi mietet ġimgħa qabel ma rċivejt din il-ħarġa, u jien sibt faraġ kbir fil-kliem “Il-mejtin jinsabu fl-iktar sitwazzjoni protetta li tistaʼ timmaġina, bħal tarbija fil-kenn taʼ ġuf ommha.” Jien għadni mnikkta minħabba l-mewt t’ommi, imma ferħana li hi protetta fil-memorja taʼ Ġeħova.
V. L., Stati Uniti
Jien għandi marda li m’hemmx fejqan għaliha. Nipprova nibqaʼ pożittiva, imma llum qomt u ħassejtni ddisprata. Għalhekk qrajt l-artikli għal darba wara l-oħra. Dawn urew li tassew hemm min qed jifhem minn xiex inkun għaddejja, u jien ksibt faraġ kbir minnhom.
B. J., Britannja
Meta tiġrili xi ħaġa ħażina, għandi t-tendenza li nippanikja. Dawn l-artikli huma t-tweġiba għat-talb tiegħi! Il-passi kif tingħeleb ħarsa pessimista tant kienu speċifiċi li meta jiġuni f’moħħi ħsibijiet pessimisti, nistaʼ napplika dawn il-passi wieħed wieħed. Inżomm din ir-rivista ħdejn is-sodda tiegħi u nagħtiha daqqa t’għajn kuljum.
S. T., Ġappun
Diskoteki Grazzi taʼ l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . X’Għandha Tkun il-Ħarsa Tiegħi Lejn id-Diskoteki?” (8 taʼ Mejju, 2004) Jien naqbel li dawn id-diskoteki m’humiex postijiet għall-Kristjani. Jiddispjaċini li ma kontx naf lil Ġeħova qabel f’ħajti, meta kont immur f’dawn id-diskoteki.
L., Indoneżja
Biex inkun onesta, jien mort f’postijiet li mhux suppost li mort fihom. Inħobb niżfen, u dejjem ipprovajt niġġustifika lili nnifsi. L-għada dejjem kont inħossni ħatja. Mhux għax inkun għamilt xi ħaġa ħażina; imma minħabba l-kondotta ħażina taʼ dawk taʼ madwari! L-artiklu kixef il-verità dwar id-diskoteki—li ħafna minnhom huma perikolużi u immorali.
D. K., Awstralja
Ħin Grazzi ħafna taʼ l-artiklu “Kun fil-Ħin!” (8 t’April, 2004) Il-fatt li jien kap taʼ familja, għandi responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni u għandi xogħol sekulari, jiħodli ħafna mill-ħin tiegħi. Ħadt vantaġġ minn xi suġġerimenti li dehru fir-rivisti fil-passat, imma ħadt gost nerġaʼ nara artiklu bħal dan. Għoġbitni speċjalment l-istqarrija “Il-Ħallieq tagħna kellu l-ħsieb għalina li nkunu konxji tal-ħin.” Dan verament jagħtina ħarsa xierqa. Jekk jogħġobkom komplu iktbu artikli prattiċi bħal dan.
J. S., Stati Uniti
Spiss inħalli l-affarijiet għall-aħħar minuta, u għalkemm m’iniex xi waħda li nħobb nasal tard, spiss nibqaʼ rieqda. Kelli ħafna esperjenzi koroh minħabba l-għaġla. Dan l-artiklu għenni biex nipprova nqassam il-ħin tiegħi b’mod aħjar.
Y. W., Ġappun
Dejjem kont inkun tard għal-laqgħat. Tlabt dwar dan, u jien ferħan li Ġeħova wieġeb it-talb tiegħi. Ipprovajt is-suġġerimenti fl-artiklu, u sejjer tajjeb ħafna. Issa sirt nasal fil-ħin. Irrealizzajt li hi l-imħabba li tgħinna nkunu fil-ħin.
J. A., Niġerja