Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Għala Għandi Nagħmel Xogħol Manwali?
“Qatt ma immaġinajt li se nagħmel xi xogħol taʼ l-idejn. Kont iktar nieħu pjaċir nuża l-kompjuter.”—Nathan.
“Xi tfal kienu jmaqdru lil dawk minna li konna nagħmlu xogħol fiżiku bħallikieku ma konniex intelliġenti biżżejjed biex nagħmlu xi ħaġa oħra.”—Sarah.
IX-XOGĦOL TAʼ L-IDEJN—ħafna jqisuh tedjanti, maħmuġ, u xejn mixtieq. Professur taʼ l-ekonomija jgħid dwar il-ħidma bl-idejn: “Dan ix-xogħol ma tantx jitqies prestiġjuż f’din id-dinja li moħħha fil-prestiġju.” Mela, mhux taʼ b’xejn li ħafna żgħażagħ ixammru mneħirhom x’ħin issemmilhom ħidma li tinvolvi sforz fiżiku.
Madankollu, il-Bibbja tinkuraġġixxi ħarsa kemxejn differenti lejn ix-xogħol iebes. Is-Sultan Salamun qal: “M’hemmx aħjar għall-bniedem milli jiekol u jixrob u li jgawdi l-frott taʼ xogħlu.” (Koħèlet 2:24) Fi żminijiet Bibliċi, Iżrael kien soċjetà agrikola. Il-ħrit, il-ħsad, u d-dris kienu kollha jinvolvu sforz fiżiku kbir. Però, Salamun qal li x-xogħol iebes setaʼ jkun tassew premjanti.
Sekli wara, l-appostlu Pawlu qal: “Min kien jisraq ħa ma jisraqx iktar, imma minflok ħa jaħdem iebes u jagħmel b’idejh xogħol tajjeb.” (Efesin 4:28) Pawlu stess kien jaf x’jiġifieri li tagħmel xogħol manwali. Għalkemm kien raġel t’edukazzjoni għolja, hu kultant mantna lilu nnifsu billi għamel it-tined.—Atti 18:1-3.
Kif tħossok dwar ix-xogħol taʼ l-idejn? Sew jekk tirrealizza u sew jekk le, ix-xogħol fiżiku jistaʼ jibbenefikak b’ħafna modi.
Taħriġ għal Ħajtek
Il-fatt li taħdem iebes b’mod fiżiku—sew billi tuża martell jew taqtaʼ l-ħaxix ħażin—jistaʼ jkun tajjeb għal saħħtek. Il-benefiċċji m’humiex biss li tibqaʼ f’saħħtek u jkollok figura tajba. Taf kif issewwi panċer jew tibdel iż-żejt tal-karozza? Taf tibdel ħġieġa mkissra jew tiftaħ katusa misduda? Taf issajjar? Taf tnaddaf kamra tal-banju u ġġibha pinna? Dawn huma ftit mill-abbiltajiet li kemm il-ġuvintur u kemm it-tfajliet tajjeb li jitgħallmuhom, abbiltajiet li jistgħu jgħinuk tirnexxi jekk xi darba tgħix waħdek.
Huwa interessanti li Ġesù Kristu nnifsu milli jidher tgħallem sew xi snajjaʼ waqt li kien fuq l-art. Hu tgħallem is-sengħa taʼ mastrudaxxa—bla dubju minn missieru adottiv, Ġużeppi—għax kienu jsejħulu l-mastrudaxxa. (Mattew 13:55; Marku 6:3) Int ukoll tistaʼ titgħallem diversi abbiltajiet utli billi tuża idejk.
Tibni l-Karattru
Ix-xogħol iebes jistaʼ jeffettwa wkoll kif tħossok dwarek innifsek. Meta kien qed jikteb għaċ-Ċentru Nazzjonali Amerikan għas-Saħħa Mentali u l-Edukazzjoni, Dr. Fred Provenzano jgħid li jekk titgħallem tagħmel affarijiet b’idejk tistaʼ ssir iktar indipendenti u kunfidenti b’mod ġenerali u tistaʼ titgħallem tiddixxiplina lilek innifsek u tkun organizzat, abbiltajiet li jgħinuk tirnexxi fix-xogħol sekulari. Żagħżugħ li jismu John jgħid: “Ix-xogħol fiżiku jgħinek titgħallem il-paċenzja. Titgħallem kif għandek taħdem waqt li ssolvi l-problemi.”
Sarah, li kkwotajnieha qabel, tispjega: “Minħabba li għamilt xogħol taʼ l-idejn, tgħallimt inkun bieżla. Tgħallimt inkun dixxiplinata kemm mentalment u kemm fiżikament.” Ix-xogħol iebes għandu għalfejn ikun tedjanti? Nathan jgħid: “Tgħallimt nieħu gost bix-xogħol taʼ l-idejn. Iktar ma tejjibt l-abbiltajiet tiegħi iktar rajt il-kwalità taʼ xogħli tmur għall-aħjar. Dan żiedli r-rispett lejja nnifsi.”
Il-ħidma bl-idejn tistaʼ tgħallmek tifraħ u tkun sodisfatt b’dak li twettaq. Żagħżugħ jismu James jgħid hekk: “Jien nieħu pjaċir naħdem fl-injam. Għalkemm kultant negħja fiżikament, dejjem inkun nistaʼ nħares lura lejn dak li nkun għamilt u nħossni sodisfatt. Tħossok tassew kuntent.” Brian iħossu l-istess. “Nieħu pjaċir naħdem fuq il-karozzi. Minħabba li naf li nistaʼ nsewwi xi ħaġa li tkun imkissra u nagħmilha daqslikieku ġdida, inħossni kunfidenti u sodisfatt.”
Servizz Sagru
Il-fatt li ż-żgħażagħ Kristjani jkunu kapaċi jaħdmu iebes se jgħinhom fis-servizz tagħhom lil Alla. Meta s-Sultan Salamun ngħata l-inkarigu li jibni tempju meraviljuż għal Ġeħova, hu rrealizza li din il-biċċa xogħol kienet teħtieġ ħafna u ħafna sforz u snajjaʼ. Il-Bibbja tgħid: “Is-sultan Salamun bagħat iġib lil Ħiram minn Tir. Dan kien bin mara armla, mit-tribù taʼ Naftali, u missieru kien minn Tir, jaħdem il-bronż. Kien mimli kollu għerf u dehen, u jaf jaħdem kull xogħol tal-bronż. Ġie għand is-sultan Salamun u ħadimlu x-xogħol kollu li kellu.”—1 Slaten 7:13, 14.
Xi privileġġ kellu Ħiram li juża l-abbiltajiet tiegħu biex javanza l-qima taʼ Ġeħova! L-esperjenza taʼ Ħiram turi kemm hu minnu l-kliem Bibliku fi Proverbji 22:29: “Qatt rajt wieħed imħarreġ fis-sengħa tiegħu? Dan mas-slaten issibu, u mhux maʼ nies bla isem taʼ xejn.”
Illum, anki ż-żgħażagħ li jkunu jifhmu ftit fil-bini jew anki dawk li ma jifhmux kellhom il-privileġġ li jieħdu sehem fil-bini tas-Swali tas-Saltna. Minħabba li jkunu involuti fi proġetti bħal dawn, xi wħud tgħallmu snajjaʼ utli bħal kif jgħaddu l-elettriku, il-kanen taʼ l-ilma, jibnu, u jaħdmu l-injam. Forsi tistaʼ tiddiskuti maʼ l-anzjani lokali tiegħek dwar il-possibbiltà li int stess tieħu sehem fil-bini taʼ xi Sala tas-Saltna.
James, li ħadem fuq diversi Swali tas-Saltna, jgħid: “Ħafna fil-kongregazzjonijiet forsi m’għandhomx il-ħin jew l-abbiltajiet biex jgħinu. Allura billi tagħti daqqa t’id, tkun qed tgħin lil kongregazzjoni sħiħa.” Nathan, li tgħallem kif jaħdem bil-konkos, sab li din is-sengħa fetħitlu opportunità oħra fis-servizz lil Alla. Hu jiftakar: “Irnexxieli mmur iż-Żimbabwe u nuża l-abbiltajiet tiegħi biex ngħin fil-bini taʼ wieħed mill-uffiċċji tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Ħdimt hemm għal tliet xhur, u kienet waħda mill-aqwa esperjenzi taʼ ħajti.” Fil-każ taʼ żgħażagħ oħra, meta dawn daqu x-xogħol iebes tqanqlu japplikaw biex jaqdu bħala volontieri fl-uffiċċju tal-fergħa lokali tax-Xhieda taʼ Ġeħova.
Jekk titħarreġ f’xogħol fiżiku, sa ċertu punt tkun tistaʼ wkoll tmantni lilek innifsek, u b’hekk ‘tkun kuntent b’dak li għandek.’ (1 Timotju 6:6) Ħafna żgħażagħ fost ix-Xhieda taʼ Ġeħova jaqdu bħala pijunieri, jew evanġelizzaturi full-time. Minħabba li tgħallmu xi sengħa, xi wħud irnexxielhom imantnu lilhom infushom finanzjarjament mingħajr ma kellhom jinvestu ħafna ħin u flus fl-edukazzjoni sekulari.
Kif Titgħallem
Jidher ċar li sew jekk tixtieq taqlaʼ l-għajxien tiegħek minn xi sengħa u sew jekk sempliċement trid tkun taf tagħmel xi biċċa xogħol fid-dar, tistaʼ tibbenefika jekk titgħallem tagħmel xogħol manwali. Forsi l-iskola tiegħek toffri xi korsijiet għal xi snajjaʼ. X’aktarx li tistaʼ tieħu wkoll xi taħriġ fid-dar stess. Kif? Billi titgħallem tagħmel ix-xogħol tad-dar. Dr. Provenzano, li kkwotajnieh qabel, jikteb li x-xogħol tad-dar hu importanti b’mod speċjali għall-adoloxxenti għax jgħallimhom l-abbiltajiet bażiċi fid-dar biex meta jasal il-waqt, ikunu kapaċi jgħixu mingħajr il-ġenituri tagħhom faċilment. Għalhekk, kun dejjem lest li tagħmel dak li jkun hemm bżonn fid-dar. Hemm xi ħaxix ħażin li jrid jinqalaʼ jew xi xkaffa li għandha bżonn it-tiswija?
Ix-xogħol fiżiku mhux talli m’huwiex taʼ mistħija jew ibaxxik, talli jistaʼ jkun taʼ ġid għalik b’ħafna modi. Taħrabx mix-xogħol manwali! Minflok, stinka biex ‘idduq il-frott’ tax-xogħol iebes tiegħek, għax kif jgħid Koħèlet 3:13, “dan ukoll hu don taʼ Alla.”
[Kumment f’paġna 21]
Minħabba li tgħallmu xi sengħa ħafna żgħażagħ irnexxielhom iżidu fis-servizz tagħhom lil Alla
[Stampa f’paġna 22]
Spiss il-ġenituri tiegħek jistgħu jgħallmuk tagħmel affarijiet bażiċi