Dar Nadifa—L-Irwol li Lkoll Għandna
Minn kittieb għal Stenbaħ! fil-Messiku
KEMM hi xi ħaġa sabiħa li tgħix f’ambjent nadif! Madankollu, minħabba li l-ħmieġ qed jiżdied fil-bliet qed isir iktar diffiċli li nżommu l-ambjent tagħna nadif u organizzat.
Il-gvernijiet qed jitħabtu biex iżommu t-toroq nodfa billi jagħmlu arranġamenti ħalli jinġabar iż-żibel, iżda minkejja dan, il-ħmieġ qed ikompli jakkumula f’xi postijiet fejn jidher ikrah u anki jsir taʼ theddida għas-saħħa pubblika. Iż-żibel li jakkumula jistaʼ jwassal għal żjieda taʼ ġrieden, kokroċ, u annimali oħrajn li jġibu l-mard. Tistaʼ tagħmel xi ħaġa dwar is-sitwazzjoni? Iva, żomm darek u madwarek nadif u f’ordni.
L-Attitudni Mentali Xierqa
Xi wħud jaħsbu li l-inħawi jew d-djar maħmuġin huma sinonimi mal-faqar. Madankollu, m’huwiex neċessarjament hekk. Huwa veru li n-nuqqas taʼ riżorsi materjali jistgħu jagħmluha iktar diffiċli biex inżommu madwarna nadif. Iżda bħalma jgħid proverbju Spanjol “il-faqar u l-indafa ma jiġġildux bejniethom.” Mill-banda l-oħra, il-fatt li xi ħadd ikollu riżorsi materjali biżżejjed m’huwiex garanzija li se jżomm madwaru nadif.
L-indafa fid-dar u madwarha tiddependi mill-attitudni mentali li tintwera bl-azzjoni. Fil-fatt, biex inżommu dar nadifa jiddependi ħafna mill-attitudni mentali tal-familja kollha. Għal din ir-raġuni, huwa tajjeb li neżaminaw dak li lkoll nistgħu nagħmlu biex ngħinu ħalli nżommu djarna, inkluż l-inħawi li ngħixu fihom, nodfa.
Skeda Regulari għat-Tindif
Jidher li x-xogħol t’omm qatt ma jispiċċa. Minbarra li tkun trid tipprepara l-ikel u tlesti t-tfal għall-iskola, trid taħdem ukoll biex iżżomm id-dar u madwarha nadif. Qatt innotajt li spiss hija l-omm li tiġbor il-ħwejjeġ maħmuġin jew l-affarijiet persunali li t-tfal iħallu barra fil-kamra tagħhom? Skeda tajba taʼ ndafa tinkludi li l-familja kollha tgħin biex tħaffef it-tagħbija taʼ l-omm.
Xi nisa miżżewġin jiddeċiedu li hemm affarijiet li għandhom bżonn l-attenzjoni u li jkollok tnaddafhom kuljum, filwaqt li postijiet oħra fid-dar jistgħu jitnaddfu darba fil-ġimgħa, u oħrajn darba fix-xahar. Fil-fatt, hemm xi affarijiet li jistgħu jiġu pjanati biex isiru darba fis-sena. Per eżempju, fid-djar taʼ Betel, fil-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’kull pajjiż, kull sena jsir it-tindif tal-kmamar fejn iżommu l-ħwejjeġ u affarijiet oħra. Din hija okkażjoni biex jarmu affarijiet li m’għandhomx bżonn u biex jirranġaw din il-kamra. Hemm ukoll skeda regulari biex jitnaddfu l-ħitan.
Hemm postijiet fid-dar fejn l-indafa hija essenzjali għal saħħa tajba, bħalma hija l-kamra tal-banju. Għalkemm għandu jsir tindif ħafif kuljum, għandu jsir tindif iktar sew, forsi darba fil-ġimgħa, biex dan iżomm il-batterji milli jakkumulaw. Xi wħud jaħsbu li t-tbajjaʼ li jakkumulaw fit-tojlit huma xi ħaġa inevitabbli u li hija xi ħaġa impossibbli biex tneħħihom. Madankollu, se ssib djar fejn it-tojlit ikun kompletament nadif u jleqq. Dak kollu li hemm bżonn huwa li tnaddfu spiss u tuża prodotti magħmulin apposta għal hekk.
Il-kċina wkoll għandha bżonn titnaddaf sew. Għalkemm taħsel il-platti u tnaddaf il-wiċċ tal-kuker u l-uċuħ tal-bank kuljum, kultant żmien—forsi darba f’xahar—ikun hemm bżonn li tnaddaf iktar sew, forsi wara l-friġġ u l-kuker u taħt is-sink. Meta tnaddaf il-cupboards spiss se tevita li l-kokroċ u insetti oħra taʼ ħsara jagħmluhom id-dar tagħhom.
Il-Kooperazzjoni tal-Familja
Xi ġenituri jagħmlu xi regoli lit-tfal tagħhom u jħarrġuhom biex meta joħorġu mill-kamra tagħhom fil-għodu qabel ma jmorru għall-iskola, jagħmlu s-sodda, jitfgħu l-ħwejjeġ maħmuġin f’posthom, u jħallu l-affarijiet tagħhom f’ordni. Regola tajba għal kulħadd hi, “Post għal kollox u kollox f’postu.”
Barra minn hekk, xi membri tal-familja jistaʼ jkollhom inkarigu jew parti speċifika mid-dar xi jnaddfu. Per eżempju, iżomm il-missier l-affarijiet f’posthom fil-garaxx u jnaddfu sew taʼ l-inqas darba f’sena? Jistaʼ xi ħadd mit-tfal jagħmel dan? Min jieħu ħsieb biex ma jitlax ħaxix ħażin fil-ġnien, jew min jieħu ħsieb jaqtaʼ l-ħaxix? Dan kemm-il darba jrid isir biex barra d-dar ikun jidher nadif u pulit? Hemm xi kantina fid-dar jew xi kamra fejn terfaʼ l-affarijiet li għandha bżonn tiġi ċċekkjata biex l-affarijiet li m’għandikx bżonn tarmihom, u b’hekk il-post jinżamm f’ordni? Jekk inhu hekk, min se jagħmel dan? Xi ġenituri jagħtu xi inkarigi lit-tfal tagħhom billi darba kull wieħed jagħmlu dawn l-inkarigi bejniethom.
Għalhekk, agħmel skeda tajba biex iżżomm darek nadifa. Kemm jekk tagħmel it-tindif int stess jew mal-familja tiegħek jew ikollok bżonn tħallas lil xi ħadd biex jgħinek, huwa neċessarju li jkollok skeda pjanata sew. Waħda omm li żżomm darha tassew nadifa tgħidilna kif il-familja kollha tikkoopera biex iżżommha nadifa: “Aħna nqassmu x-xogħol tad-dar bejni u bejn it-tlett ibniet tiegħi. Norma Adriana tnaddaf il-kamra taʼ l-ikel, iż-żewġ kmamar tas-sodda, it-terrazzin, u quddiem id-dar. Ana Joaquina tieħu ħsieb il-kċina. Jien naħsel il-ħwejjeġ u nieħu ħsieb affarijiet oħra filwaqt li María del Carmen taħsel il-platti.”
Dehra Sabiħa tad-Dar minn Barra
Xi ngħidu dwar id-dehra tad-dar minn barra? Kemm jekk tgħix f’dar kbira jew f’dar żgħira, għandek bżonn skeda biex iżżommha nadifa u tidher sabiħa minn barra. Per eżempju, il-grada tad-dar forsi għandha xi ċappetti neqsin. Tistaʼ timmaġina kemm tkun tidher kerha l-grada jekk ma ssewwihiex u tispiċċa tinqalaʼ minn postha. L-istess jistaʼ jingħad għaż-żibel li jitħalla jakkumula quddiem id-dar jew fuq il-bankina fil-viċin. Barra minn hekk, xi drabi l-laned, l-għodod, u affarijiet oħra jitħallew jakkumulaw gozz quddiem id-dar u dawn jistgħu jsiru l-menqa taʼ l-insetti.
Xi familji ddeċidew li kuljum jew kull ġimgħa, skond kemm ikun hemm bżonn, jikinsu u jnaddfu l-postijiet madwar djarhom, bħal per eżempju l-bankina u anki t-triq quddiem djarhom. Huwa minnu li f’xi pajjiżi, il-gvernijiet għandhom skeda tajba biex iżommu l-inħawi nodfa, iżda f’xi pajjiżi oħra m’hemm ebda skeda bħal din. Mingħajr dubju, l-inħawi fejn ngħixu se jidhru ħafna aħjar u se jkunu taʼ inqas periklu għas-saħħa jekk kollha kemm aħna nagħmlu l-almu tagħna biex inżommuhom nodfa.
Xi familji mhux biss għandhom skeda li tinkludi l-faċendi li semmejna qabel, iżda wkoll iniżżlu dan fuq biċċa karta u jagħmluha fejn il-familja tistaʼ taraha u timxi magħha. Dan jistaʼ jipproduċi riżultati tajbin. Bla dubju, ma inkludejniex dak kollu li għandek tkun taf dwar l-indafa. Per eżempju, għandek bżonn tiddeċiedi liema prodotti taʼ tindif huma l-iktar adattati fil-komunità tiegħek u liema għodod tistaʼ tixtri skond kemm għandek flus.
Bla dubju dawn is-suġġerimenti qosra jagħmlu lill-membri tal-familja iktar konxji tal-bżonn li żżommu darkom u l-inħawi tagħkom nodfa. Ftakru, l-indafa fid-dar u l-inħawi tagħkom tiddependi mhux minn kemm għandkom flus imma mill-attitudni mentali tagħkom.
[Kaxxa f’paġna 28, 29]
Skeda Prattika għat-Tindif tad-Dar
Uża l-ispazju provdut biex tkun tistaʼ żżid il-punti tiegħek mal-lista
Nota Importanti: Jistaʼ jkun taʼ periklu kbir li tħallat flimkien il-prodotti tat-tindif b’mod speċjali meta tħallat il-bliċ maʼ l-ammonja
✔ Kuljum
❏ Il-kamra tas-sodda: Agħmel is-sodod u poġġi l-affarijiet f’posthom
❏ Il-kċina: Aħsel il-platti u s-sink. Żomm il-banek u l-imwejjed nodfa u puliti. Iknes jew jekk ikun hemm bżonn aħsel l-art
❏ Il-kamra tal-banju: Aħsel is-sink u t-tojlit. Agħmel l-affarijiet f’posthom
❏ Is-salott u kmamar oħra: Poġġi l-affarijiet f’posthom. Agħti tindifa ħafifa lill-għamara. Jekk ikun hemm bżonn, iknes, aħsel, u naddaf l-art b’ħuver
❏ Id-dar kollha: Tarmix iż-żibel kif ġie ġie. Poġġih f’postu
✔ Kull Ġimgħa
❏ Il-kamra tas-sodda: Biddel il-lożor. Jekk ikun hemm bżonn, iknes, aħsel l-art, jew naddaf l-art b’ħuver. Farfar l-għamara
❏ Il-kċina: Naddaf il-kuker u l-forn, l-affarijiet li jkun hemm fuq il-bank tal-kċina, u s-sink. Aħsel l-art
❏ Il-kamra tal-banju: Aħsel il-ħitan tad-doċċa u l-affarijiet li jkun hemm imwaħħlin magħha. Naddaf it-tojlit, fejn tpoġġi l-affarijiet tal-kamra tal-banju, u wċuħ oħra bid-disinfettant. Biddel ix-xugamani skond kemm ikun hemm bżonn. Iknes jew aħsel l-art
✔ Kull Xahar
❏ Il-kamra tal-banju: Aħsel sew il-ħitan kollha
❏ Id-dar kollha: Naddaf il-xambrelli tal-bibien. Naddaf b’ħuver jew farfar sew it-tapizzerija. Aħsel l-iscreens tat-twieqi, it-twieqi, u x-xambrelli tat-twieqi skond kemm ikun hemm bżonn
❏ Il-ġnien, il-bitħa, il-garaxx: Jekk ikun hemm bżonn, iknes u naddaf. Evita li jakkumula ż-żibel jew affarijiet li m’għandikx bżonn
✔ Kull Sitt Xhur
❏ Il-kamra tas-sodda: Aħsel il-bedspreads skond kif it-tabella tgħidlek biex taħsilhom
❏ Il-kċina: Battal u naddaf sew il-friġġ
❏ Il-kamra tal-banju: Battal u naddaf l-ixkafef u l-kxaxen. Armi l-affarijiet li jkunu skadew
❏ Id-dar kollha: Naddaf il-lampi, il-fannijiet, u l-fanali tad-dawl. Naddaf il-bibien
✔ Kull Sena
❏ Il-kamra tas-sodda: Battal u naddaf sew il-gwardarobba. Armi l-affarijiet li m’għandikx bżonn. Aħsel il-gvieret. Naddaf bil-ħuver jew farfar is-saqqijiet. Naddaf l-imħaded skond kif it-tabella tgħidlek biex taħsilhom
❏ Il-kċina: Battal u naddaf sew l-ixkafef, il-cupboards, u l-kxaxen. Armi l-affarijiet li m’għandikx bżonn. Ċaqlaq l-appliances ħalli tkun tistaʼ tnaddaf il-wiċċ jew taħthom
❏ Id-dar kollha: Aħsel il-ħitan kollha. Naddaf it-tapizzerija u l-purtieri skond kif it-tabella tgħidlek biex taħsilhom
❏ Il-garaxx u l-post fejn terfaʼ l-affarijiet: Iknes sew. Organizza jew armi l-affarijiet li m’għandikx bżonn
[Stampi f’paġna 30]
“Post għal kollox u kollox f’postu”
[Stampi f’paġna 30]
Jistaʼ jkun hemm bżonn li tarmi dawk l-affarijiet li m’għadikx tuża