Il-Misteru tax-Xadini fuq il-Ġebla
META taħseb dwar ix-xadini, probabbilment jiġik f’moħħok xi post tropikali. Huma ftit l-ispeċi taʼ xadini li jgħixu f’pajjiżi fejn il-klima hi moderata. Minkejja dan, hemm xi eċċezzjonijiet notevoli.
Fil-Muntanji Atlas għoljin fl-Afrika taʼ Fuq, fejn il-borra hija komuni fix-xitwa, insibu gruppi żgħar taʼ xadini taʼ Barberija jiġġerrew qalb il-foresti taċ-ċedru u tal-ballut.a Grupp wieħed iżolat minn dawn ix-xadini jinsab 300 kilometru lejn it-tramuntana, maqtugħin għalihom fuq il-Ġebla taʼ Ġibiltà, li tiġi fin-naħa t’isfel taʼ l-Ewropa.
L-istudjużi tan-natura kif jispjegawh dan il-misteru? Xi wħud jemmnu li dawn ix-xadini marru f’diversi postijiet fl-Ewropa żmien twil ilu, u li dawk taʼ Ġibiltà huma l-uniku grupp li baqaʼ ħaj. Oħrajn jaħsbu li l-Għarab jew il-Britanniċi ġabu din l-ispeċi taʼ xadini fuq il-Ġebla meta din kienet kolonja tagħhom. Skond il-leġġenda dawn ix-xadini qasmu l-istrett dejjaq li jifred l-Ewropa mill-Afrika permezz taʼ mina taħt l-art li m’għadhiex teżisti. Hi x’inhi l-oriġini tagħhom, dawn ix-xadini issa huma l-uniċi xadini fl-Ewropa li jgħixu f’ambjent salvaġġ.
Ix-xadini taʼ Barberija jgħixu qalb is-siġar taʼ l-arżnu li jinsabu fin-naħa taʼ fuq tal-Ġebla. Għalkemm hemm biss madwar mitt xadina minn din l-ispeċi, dawn saru “l-iktar residenti famużi fuq din il-peniżola,” tgħid il-Lega Internazzjonali għall-Protezzjoni tax-Xadini.b
Ladarba sebaʼ miljun turist iżuru Ġibiltà kull sena, dawn ix-xadini li tant iħobbu jilagħbu għandhom abbundanza taʼ ikel. Għalkemm ifittxu l-pjanti salvaġġi biex jikluhom, huma draw jittallbu—u xi drabi jisirqu—l-ikel mingħand il-viżitaturi. Ukoll, l-awtoritajiet tal-lokal jipprovdu frott u ħaxix lil dawn ix-xadini.
Barra milli jieklu, ix-xadini jqattgħu 20 fil-mija tal-ġurnata jnaddfu lil xulxin. Kemm ix-xadini rġiel u kemm dawk nisa jieħdu ħsieb ix-xadini ż-żgħar u anki jilagħbu magħhom. Huma jgħixu bħal qaqoċċa fi gruppi, u minħabba f’hekk kultant l-istress iwassalhom biex jiġġieldu bejniethom. Waqt li x-xadini l-kbar jużaw it-theddid u l-għajjat sabiex iżommu lix-xadini iżgħar ’il bogħod, huma wkoll għandhom drawwa stramba li jċekċku snienhom u milli jidher dan iġegħelhom jikkalmaw.
Il-wasla tagħhom f’Ġibiltà għadha misteru; però, dawn ix-xadini soċjevoli jżidu mal-ġmiel tal-Ġebla taʼ Ġibiltà li tgħasses id-daħla għall-Baħar Mediterran. Ġibiltà ma tkunx l-istess mingħajrhom.
[Noti taʼ taħt]
a Ix-xadini taʼ Barberija huma differenti. Dawn m’għandhomx denb.
b Anki x-xadini tal-ġens makakku (macaque) tal-Ġappun, li huma l-qraba tagħhom, saru attrazzjoni turistika famuża fil-post fejn jinġemgħu fix-xitwa ħdejn in-nixxigħat taʼ ilma sħun fil-Ġappun.