LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 4/10 pp. 4-6
  • Ikkultiva Ħarsa Bilanċjata Lejn ix-Xogħol

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ikkultiva Ħarsa Bilanċjata Lejn ix-Xogħol
  • Stenbaħ!—2010
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħin għax-​Xogħol, Ħin Għalik
  • Ibbilanċja x-​Xogħol mal-​Ħajja tal-​Familja
  • Agħmel ix-xogħol bil-ferħ
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Kif Tikkultiva Ħarsa Bilanċjata Lejn ix-Xogħol
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Għandek wisq x’tagħmel?
    Stenbaħ!—2017
  • Gawdi Affarijiet Tajbin għax-Xogħol Iebes Tiegħek
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2010
g 4/10 pp. 4-6

Ikkultiva Ħarsa Bilanċjata Lejn ix-​Xogħol

F’DAWN iż-​żminijiet taʼ dipressjoni ekonomika qawwija, tħassib primarju hu li dak li jkun ikollu impjieg regulari li jiggarantixxi biżżejjed dħul biex ikopri l-​bżonnijiet tal-​familja. Dan mhuwiex dejjem faċli, speċjalment meta eluf taʼ ħaddiema qed jingħataw is-​sensja. Jekk int f’daqqa waħda sfajt bla xogħol, l-​isfida hi li tagħmel l-​almu tiegħek biex issib xogħol ieħor.—Ara l-​kaxxi f’paġni 8 u 9.

Xorta waħda, il-​ħajja tinvolvi ħafna iktar minn xogħol iebes. “Ngħiduha kif inhi,” jgħid Glenn, raġel tal-​familja mill-​Awstralja, “ħadd fuq is-​sodda tal-​mewt tiegħu ma jgħid, ‘Nixtieq li qattajt iktar ħin fuq ix-​xogħol.’” Li tgħix ħajja sodisfaċenti u bi skop ovvjament jinvolvi li twarrab ħin għax-​xogħol sekulari. Imma għal xiex iktar? Għall-​familja, għar-​rikreazzjoni, u għall-​bżonnijiet spiritwali. Kif tistaʼ tieħu ħsieb dawn l-​aspetti importanti tal-​ħajja b’mod bilanċjat?

Ħin għax-​Xogħol, Ħin Għalik

Il-​Bibbja tgħidilna biex naħdmu iebes ħalli nipprovdu għall-​familja tagħna. (Efesin 4:28) Madankollu, tinkuraġġina wkoll biex ‘nieklu u nixorbu u ngawdu affarijiet tajbin għax-​xogħol iebes kollu tagħna.’ (Ekkleżjasti 3:13) Tabilħaqq, li taħdem sigħat twal mingħajr mistrieħ xieraq jew mingħajr rikreazzjoni jistaʼ jisraqlek ħafna mill-​pjaċiri tal-​ħajja. Jistaʼ jwassal ukoll għal problemi serji taʼ saħħa.

Ix-​xogħol żejjed fuq tul taʼ żmien ġie assoċjat mal-​obeżità, mas-​sokor, mal-​mard tal-​qalb, mal-​aċċidenti fuq il-​post tax-​xogħol, mad-​dipendenza mid-​drogi, mal-​ansjetà, mal-​għeja kbira, mad-​dipressjoni, u maʼ ħafna mard ieħor relatat mal-​istress. Ix-​xogħol żejjed jistaʼ wkoll iġib il-​mewt. Rapport wieħed jikkalkula li fil-​Ġappun imutu madwar 10,000 ruħ kull sena minħabba li jaħdmu żżejjed, daqskemm imutu bl-​aċċidenti tat-​traffiku f’dak il-​pajjiż kull sena. Dan il-​fenomenu—li jissejjaħ karoshi, “mewt minħabba xogħol żejjed”—ma jseħħx biss fil-​Ġappun.

Innota l-​parir għaqli tal-​Bibbja: “Aħjar id mimlija bil-​mistrieħ milli tnejn mimlijin bix-​xogħol iebes u l-​ġiri wara r-​riħ.” (Ekkleżjasti 4:6) Iva, il-​bilanċ hu vitali. Tħallix il-​professjoni tiegħek issir l-​ossessjoni tiegħek. Ipproteġi s-​saħħa mentali, fiżika, u emozzjonali tiegħek billi twarrab ħin biex tistrieħ u biex tgawdi l-​frott taʼ xogħlok.

“Għandna naħdmu biex ngħixu, u mhux ngħixu biex naħdmu,” jgħid Andrew, raġel miżżewweġ bi tlett itfal. Il-​bilanċ bejn ix-​xogħol u r-​rikreazzjoni se jgħinek ukoll biex tieħu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​familja tiegħek. Imma dan mhuwiex faċli, speċjalment meta jkollok kontijiet xi tħallas.

Ibbilanċja x-​Xogħol mal-​Ħajja tal-​Familja

Illum ħafna familji għandhom skeda mborġata u ftit li xejn ħin biex ikunu flimkien. “Ix-​xogħol jieħu l-​biċċa l-​kbira mill-​enerġija tiegħi, u t-​tfal jieħdu dak li jifdal,” tilmenta waħda mara mill-​Ingilterra. Fl-​Istati Uniti, 1 minn kull 5 adoloxxenti li ġew mistħarrġin ivvotaw li t-​tħassib primarju tagħhom hu li “m’għandhomx biżżejjed ħin mal-​ġenituri tagħhom.” Studju ieħor mill-​Istati Uniti jirrapporta li, bħala medja, koppji li jaħdmu t-​tnejn jitkellmu maʼ xulxin 12-​il minuta biss kuljum.

Imxebbgħin mill-​pressjoni li dejjem tiżdied fuq ix-​xogħol, ħafna individwi qed jerġgħu jeżaminaw il-​prijoritajiet tagħhom u jagħmlu xi bidliet. Timothy, raġel tal-​familja b’żewġt itfal żgħar, jgħid: “Jien kont naħdem bis-​sahra u l-​mara tiegħi kienet taħdem fi tmiem il-​ġimgħa. Bilkemm konna naraw lil xulxin. Fl-​aħħar, erġajna eżaminajna ħajjitna u biddilna s-​sitwazzjoni tax-​xogħol tagħna. Issa aħna ħafna iktar ferħanin.” Brian, maniġer taʼ ħanut, jgħid: “Meta konna qed nistennew it-​tieni tarbija, fittixt xogħol li jkun iktar adattat għall-​familja tagħna. Ħadt xogħol b’10,000 dollaru (7,000 ewro) inqas fis-​sena biex ikolli ħinijiet aħjar, imma ma ddispjaċinix!” Melina telqet mix-​xogħol sekulari tagħha meta kellha l-​ewwel tifla. “Kien diffiċli biex nerġgħu nidraw b’paga waħda,” tiftakar hi. “Imma jien u żewġi ħassejna li jkun aħjar jekk jien nibqaʼ d-​dar maʼ Emily minflok ma nħalluha f’ċentru fejn jieħdu ħsieb it-​tfal.”

Madankollu, irridu nirrikonoxxu li ħafna familji jridu jissieltu saħansitra biex ikopru l-​ispejjeż taʼ kull xahar. Xi miżżewġin qed jaħdmu żewġ xogħlijiet sempliċement kemm jgħaddu, u f’każi oħrajn jaħdmu t-​tnejn li huma u jħallu t-​tfal man-​nanniet jew f’ċentru fejn jieħdu ħsieb it-​tfal.

Għandek mnejn issib modi oħrajn kif tibbilanċja x-​xogħol u l-​obbligi tal-​familja. Il-​punt prinċipali hu dan: Tittraskurax il-​ferħ tal-​ħajja tal-​familja billi tagħmel wisq enfasi fuq ix-​xogħol.

Kun ċert li jekk tibbilanċja x-​xogħol, ir-​rikreazzjoni, u l-​bżonnijiet tal-​familja tiegħek se tgawdi barkiet għonja. Fl-​aħħar artiklu tagħna, se nikkunsidraw fattur saħansitra iktar importanti għal ħajja sempliċi u bilanċjata.

[Kumment f’paġna 5]

Tħallix il-​professjoni tiegħek issir l-​ossessjoni tiegħek

[Kumment f’paġna 5]

“Aħjar id mimlija bil-​mistrieħ milli tnejn mimlijin bix-​xogħol iebes u l-​ġiri wara r-​riħ.”—Ekkleżjasti 4:6

[Kumment f’paġna 6]

Tittraskurax il-​ferħ tal-​ħajja tal-​familja billi tagħmel wisq enfasi fuq ix-​xogħol

[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]

FLUS JEW RIKREAZZJONI?

Xi studjużi tas-​seklu 20 kienu jemmnu li t-​teknoloġija avanzata kienet se teħles lin-​nies mid-​dwejjaq tax-​xogħol u twassal għal “era taʼ rikreazzjoni li qatt ma kien hawn bħalha.”

Fil-​bidu tas-​snin 30, il-​Professur Julian Huxley bassar li fil-​futur ħadd ma kien se jkollu għalfejn jaħdem iktar minn jumejn fil-​ġimgħa. In-​negozjant Walter Gifford stqarr li t-​teknoloġija kienet se tagħti lil “kull bniedem iċ-​ċans li jagħmel dak li jrid . . . , il-​ħin biex jikkultiva l-​arti tal-​għajxien [u] għall-​attivitajiet li jissodisfaw il-​moħħ u l-​qalb.”

Imma xi ngħidu għax-​xewqat materjali tan-​nies? Is-​soċjologu Henry Fairchild ftaħar li l-​fabbriki “b’ġurnata xogħol normali . . . taʼ mhux iktar minn erbaʼ sigħat” jistgħu jipproduċu iktar prodotti milli jkollna bżonn.

Kemm kien eżatt dan it-​tbassir? It-​tkabbir ekonomiku matul is-​sekli 20 u 21 kien verament mgħaġġel u enormi. Fit-​teorija, dan suppost naqqas il-​piż tax-​xogħol b’mod sinifikanti. Madankollu, x’ġara? John de Graaf jikteb: ‘In-​nies iddeċidew li jużaw din il-​produttività addizzjonali biex jakkumulaw iktar flus u affarijiet minflok biex igawdu iktar ħin liberu. Fi kliem sempliċi, aħna bħala soċjetà għażilna l-​flus minflok il-​ħin.’

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja