LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 10/12 pp. 16-18
  • Ħarsa Eqreb Lejn iż-Żuwijiet tal-Lum

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Eqreb Lejn iż-Żuwijiet tal-Lum
  • Stenbaħ!—2012
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Tistaʼ Tara f’Żu Modern
  • Żewġ Naħat taʼ Kontroversja
  • Nosservaw in-​Natura
  • Fix-Xifer taʼ l-Estinzjoni
    Stenbaħ!—2001
  • Jistgħu l-Ispeċi li Hawn fuq l-Art Jiġu Salvati?
    Stenbaħ!—2001
  • L-annimali
    Stenbaħ!—2015
Stenbaħ!—2012
g 10/12 pp. 16-18

Ħarsa Eqreb Lejn iż-​Żuwijiet tal-​Lum

TLETT elef sena ilu, imperatur Ċiniż għamel park u sejjaħlu l-​Ġnien tal-​Intelliġenza. Il-​park kien fih ħafna annimali ħajjin u kien ikopri iktar minn 6 kilometri kwadri. Lura dak iż-​żmien, park bħal dan żgur li ma kienx xi ħaġa komuni.

Madankollu, illum iż-​żuwijiet huma aċċessibbli għal miljuni taʼ nies mad-​dinja kollha. “F’dinja fejn l-​inħawi naturali qed jonqsu u l-​bliet qed jikbru, għal bosta nies, iż-​żuwijiet saru l-​iktar post aċċessibbli biex josservaw l-​annimali u jitgħallmu dwarhom,” jgħid ktieb fuq iż-​żuwijiet.—Zoos in the 21st Century.

X’Tistaʼ Tara f’Żu Modern

Iż-​żuwijiet jagħtu lill-​viżitaturi l-​opportunità biex jaraw uħud mill-​iktar annimali sbieħ u impressjonanti fuq l-​art f’ambjent kemm jistaʼ jkun naturali. Tistaʼ tara friefet mill-​isbaħ jittajru fi ġnien tropikali jew pingwini jiżżerżqu fuq is-​silġ f’magħlaq li jixbah il-​meded friżati tal-​Antartiku.

Tistaʼ timxi f’foresta ekwatorjali żgħira u tilmaħ uħud mill-​annimali u l-​għasafar li jgħixu f’dak l-​ambjent. Jew forsi tidħol f’kamra mudlama biex tosserva annimali li jkunu attivi bil-​lejl. F’xi żuwijiet tistaʼ saħansitra tara esibizzjonijiet taʼ għasafar tal-​priża jtiru jew dniefel jagħmlu l-​akrobaziji fl-​arja. Fil-​passat, annimali perikolużi kienu jinżammu f’gaġeġ, imma issa jinżammu f’postijiet miftuħin imdawrin b’xi foss li jissepara l-​annimali salvaġġi mill-​pubbliku.

Żewġ Naħat taʼ Kontroversja

Xi wħud li jiġġieldu għad-​drittijiet tal-​annimali jiddubitaw jekk l-​annimali għandhomx jittieħdu mis-​salvaġġ u jinżammu f’ambjenti mhux naturali. Dawn l-​uħud jargumentaw li ż-​żuwijiet jillimitaw il-​movimenti tal-​annimali u jfixklu l-​imġiba istintiva tagħhom.

Biex iwieġbu għal din il-​kritika, dawk li jieħdu ħsieb iż-​żuwijiet jgħidu li huma jwettqu rwol importanti fil-​konservazzjoni u l-​edukazzjoni. “Il-​mira tagħna hi li ngħallmu lin-​nies jirrispettaw l-​annimali,” jispjega Jaime Rull, taʼ Faunia, park tan-​natura f’Madrid, Spanja. “Irridu noħolqu xewqa fil-​viżitaturi tagħna biex jgħinu jikkonservaw l-​ambjenti naturali tal-​annimali, għax mingħajrhom mhumiex se jsalvaw.” Xi studji jindikaw li esibizzjonijiet effettivi f’żuwijiet tassew jagħmlu l-​pubbliku iktar konxju tal-​bżonn li jipproteġi annimali li huma fil-​periklu.

Xi speċi rari—bħall-​panda ġgantija—donnhom żviluppaw post speċjali fil-​qalb tal-​pubbliku. “Il-​viżitaturi kollha jkunu jridu jaraw iż-​żewġ pandi tagħna,” tgħid Noelia Benito, taʼ Zoo Aquarium f’Madrid. “Din l-​ispeċi famuża saret simbolu tal-​ġlieda tagħna biex insalvaw speċi oħrajn fil-​periklu. Qed nittamaw li l-​pandi jkollhom il-​frieħ, għalkemm dawn l-​annimali huma fitti ħafna dwar maʼ min se jitgħammru.”

Kuntrarju għall-​pandi, bosta annimali ma jsibuhiex diffiċli biex ikollhom il-​frieħ fiż-​żuwijiet, grazzi għal kundizzjonijiet aħjar u attenzjoni bir-​reqqa mill-​veterinarji. Programmi taʼ tnissil li rnexxew għenu biex jagħtu risposta lill-​kritiċi li jargumentaw li ż-​żuwijiet m’għandhomx jindaħlu fil-​kwistjoni taʼ speċi fil-​periklu tal-​estinzjoni. Minbarra li jżommu grupp t’annimali għall-​wiri, ħafna żuwijiet jipprovaw ukoll inisslu annimali fil-​periklu li jinqerdu bit-​tama li eventwalment jistgħu jerġgħu jittieħdu fis-​salvaġġ.

Kaġun prinċipali tal-​estinzjonijiet fis-​salvaġġ hu t-​telf tal-​ambjent naturali. B’hekk, iż-​żuwijiet saru involuti b’mod attiv f’li jiġbru l-​fondi għal programmi taʼ konservazzjoni, billi jaħdmu direttament maʼ santwarji tal-​annimali f’pajjiżi tropikali.a

Nosservaw in-​Natura

Ladarba l-​biċċa l-​kbira mit-​tfal minnhom iħobbu ħafna lill-​annimali, żjara f’xi żu fi tmiem il-​ġimgħa jew waqt xi vaganza mal-​familja kollha tagħti lill-​ġenituri opportunità biex jgħallmu lil uliedhom dwar il-​ħolqien t’Alla. Huma jistgħu josservaw in-​natura flimkien.

Mill-​bidu tal-​istorja, l-​umanità kellha interess kbir fid-​dinja tal-​annimali. Huwa interess li tajjeb nikkultivaw fi wliedna, ladarba d-​dinja naturali tgħallimna dwar il-​personalità tal-​Ħallieq tagħha. Żjara f’żu tistaʼ wkoll tkabbar ir-​rispett tagħna għall-​ħlejjaq meraviljużi li jgħixu fuq il-​pjaneta fraġli tagħna u tagħmilna iktar konxji tagħhom.

[Nota ta’ taħt]

a Sforzi minn żuwijiet biex jgħinu jipproteġu t-​tigra fl-​Asja, il-​lemuri fil-​Madagaskar, u x-​xadini fl-​Afrika jidhru li kienu taʼ suċċess.

[Kaxxa f’paġna 18]

SALVATI MILL-​ESTINZJONI

Minn tal-​inqas 12-​il speċi t’annimal ġew salvati mill-​estinzjoni grazzi għall-​isforzi magħqudin taʼ diversi żuwijiet. Dawn li ġejjin huma biss żewġ eżempji.

● Il-​buflu tal-​Ewropa għab mis-​salvaġġ fl-​1925. Grazzi għal programmi taʼ tnissil f’żuwijiet, imrieħel salvaġġi issa jimirħu bil-​libertà f’partijiet tal-​Belarus, il-​Polonja, u r-​Russja.

● L-​oriċi tal-​Arabja hu antilop tad-​deżert b’saħħtu. Xi kaċċaturi qatlu l-​aħħar oriċi salvaġġ fl-​1972, imma grazzi għal popolazzjoni żgħira f’diversi żuwijiet, dan l-​annimal tal-​għaġeb salva. Issa jimraħ bil-​libertà f’diversi postijiet protetti fuq il-​Peniżola Għarbija.

Iż-​żuwijiet huma limitati fl-​għadd taʼ speċi fil-​periklu li jistgħu jnisslu b’suċċess. U ħafna programmi b’intenzjoni tajba biex jerġgħu jintroduċu l-​annimali fis-​salvaġġ fallew.

[Stampi f’paġna 17]

Fuq mix-​xellug għal-​lemin: farfett tropikali, tigra tal-​Bengal, panda ġgantija, ajkla taʼ rasha bajda, iljun tal-​baħar taʼ Kalifornja

[Sorsi]

Tigra: Loro Parque, Puerto de la Cruz, Tenerife; bumerin: Faunia, Madrid; ajkla u panda: Zoo Aquarium de Madrid

[Stampa f’paġna 18]

Oriċi tal-​Arabja

[Sors]

Hai-​Bar, Yotvata, Iżrael

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja