LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 1/13 pp. 6-7
  • Bijokimika Tispjega t-Twemmin Tagħha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Bijokimika Tispjega t-Twemmin Tagħha
  • Stenbaħ!—2013
  • Materjal Simili
  • Embrijologu jispjega t-twemmin tiegħu
    Stenbaħ!—2016
  • It-“Trakkijiet” Mikroskopiċi li Jinsabu f’Ġismek
    Stenbaħ!—2001
  • Iċ-Ċelluli Ħomor Tiegħek—X’Meravilja!
    Stenbaħ!—2006
  • Nittawlu Iktar fil-​Fond minn ġol-​Mikroskopju
    Stenbaħ!—1999
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2013
g 1/13 pp. 6-7

INTERVISTA | PAOLA CHIOZZI

Bijokimika Tispjega t-​Twemmin Tagħha

Id-​dottoressa Paola Chiozzi ilha taħdem bħala bijologa molekulari fl-​Università taʼ Ferrara fl-​Italja għal iktar minn 20 sena. Stenbaħ! staqsieha dwar ix-​xjenza u t-​twemmin tagħha.

Għidilna dwar l-​isfond tiegħek.

Missieri kien skarpan, u ommi kienet taħdem fir-​rabaʼ. Imma jien ridt inkun xjenzata. Il-​fjuri, l-​għasafar, u l-​insetti mill-​isbaħ li kont nara viċin id-​dar tiegħi kienu jaffaxxinawni. Kont inħoss li kienu l-​frott taʼ għerf sovruman.

Allura minn dejjem kont temmen li jeżisti Ħallieq?

Le. Fil-​fatt, id-​dubji tiegħi dwar Alla nibtu meta kont għadni tifla. Missieri miet ħabta u sabta b’attakk tal-​qalb, u bejni u bejn ruħi kont ngħid, ‘Ħallieq li għamel affarijiet tant sbieħ, għala jippermetti t-​tbatija u l-​mewt?’

L-​istudju tiegħek fix-​xjenza għenek issib tweġiba?

Għall-​ewwel le. Meta sirt bijologa molekulari, bdejt nistudja dwar il-​mewt—il-​mewt normali u programmata taċ-​ċelluli li minnhom hu magħmul ġisimna. Din hi differenti ferm mill-​mewt taċ-​ċelluli li ma tistax tiġi kontrollata u li tikkaġuna infjammazzjoni u kankrena. Sa ftit snin ilu, ix-​xjenzati ftit li xejn taw kas dan il-​proċess, avolja huwa vitali għal saħħitna.

Il-​mewt programmata taċ-​ċelluli b’liema mod hi vitali?

Ġisimna hu magħmul minn triljuni taʼ ċelluli mikroskopiċi. Tistaʼ tgħid li kollha kemm huma jridu jmutu u jiġu sostitwiti. Kull tip taʼ ċellula għandha tul taʼ ħajja differenti; xi ċelluli jiġu sostitwiti kull ftit ġimgħat, u oħrajn kull ftit snin. Is-​sistema taʼ ġisimna tal-​mewt programmata taċ-​ċelluli trid tiġi kontrollata bir-​reqqa biex jinżamm il-​bilanċ delikat bejn il-​mewt taċ-​ċelluli u t-​tiswir taċ-​ċelluli.

X’jistaʼ jmur ħażin?

Xi studji jindikaw li meta ċ-​ċelluli ma jmutux kif suppost, ir-​riżultat jistaʼ jkun artrite rewmatika jew kanċer. Mill-​banda l-​oħra, meta ċ-​ċelluli jmutu qabel il-​waqt, ir-​riżultat jistaʼ jkun il-​marda taʼ Parkinson jew il-​marda tal-​Alzheimer. Ir-​riċerka tiegħi hi marbuta mas-​sejba taʼ modi kif jiġi trattat dan il-​mard.

L-​istudju tiegħek dwar il-​mewt taċ-​ċelluli kif effettwak?

Biex ngħid il-​verità ħawwadni. Dan il-​proċess meraviljuż bla dubju ġie disinjat minn xi ħadd li jridna nkunu f’saħħitna. Għalhekk, baqgħet tberren ġo moħħi l-​mistoqsija, In-​nies għala jbatu u jmutu? Ma stajtx insib tweġiba.

Iżda int kont konvinta li s-​sistema tal-​mewt programmata taċ-​ċelluli kienet disinjata.

Iva. Il-​komplessità tal-​proċess kollu hija taʼ taħbil il-​moħħ, iżda r-​raffinatezza tagħha turi għerf eċċezzjonali. Nemmen li huwa l-​għerf t’Alla. Jien nuża mikroskopji sofistikati biex nistudja l-​bosta mekkaniżmi komplikati li jikkontrollaw il-​proċess. Xi mekkaniżmi jistgħu jattivaw il-​proċess tal-​qerda fi ftit sekondi, jekk ikun hemm bżonn. Iċ-​ċelluli jikkontribwixxu għall-​qerda tagħhom infushom. Il-​proċess tant hu disinjat tajjeb li hu assolutament tal-​għaġeb.

Peress li kważi ċ-​ċelluli kollha tagħna jiġu sostitwiti regolarment, il-​ħajja taʼ dejjem ċertament li hi possibbli

Int kellek mistoqsijiet dwar Alla u dwar it-​tbatija. Kif sibt it-​tweġibiet?

Tnejn mix-​Xhieda taʼ Ġeħova ġew iħabbtuli l-​bieb fl-​1991, u staqsejthom għala mmutu. Huma wrewni t-​tweġiba tal-​Bibbja: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt.” (Rumani 5:12) Kieku l-​ewwel bniedem obda minn Alla, kien jgħix għal dejjem. Minnufih intbaħt li dan kien fi qbil maʼ dak li kont tgħallimt mir-​riċerka tiegħi. Fil-​fatt, huwa ċar daqs il-​kristall li Alla ma kellux l-​intenzjoni li n-​nies imutu. Peress li kważi ċ-​ċelluli kollha tagħna jiġu sostitwiti regolarment, il-​ħajja taʼ dejjem ċertament li hi possibbli.

Xi kkonvinċiek li l-​Bibbja hija l-​Kelma t’Alla?

Jien tgħallimt x’tgħid il-​Bibbja dwar Alla f’Salm 139:16: “Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-​ktieb tiegħek inkitbu l-​partijiet kollha tiegħi.” Bħala bijokimika, nistudja l-​informazzjoni ġenetika li qiegħda miktuba fiċ-​ċelluli tagħna. Is-​salmista kif kien jaf dwar din il-​kitba? Iktar ma tgħallimt mill-​Bibbja, iktar ikkonvinċejt ruħi li hi ispirata minn Alla.

Kif ġejt megħjuna tifhem dak li tgħallem il-​Bibbja?

Wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova offra li jistudja l-​Bibbja miegħi. Finalment, tgħallimt għala Alla jippermetti t-​tbatija. Tgħallimt ukoll li, bħalma tgħid il-​Bibbja, Alla għandu l-​iskop li “jiblaʼ l-​mewt għal dejjem.” (Isaija 25:8) Ikun faċli għall-​Ħallieq tagħna li jagħmel is-​sistemi meraviljużi taʼ ġisimna jaħdmu perfettament sabiex inkunu nistgħu ngawdu l-​ħajja bla tmiem.

Kif użajt l-​għarfien tiegħek mill-​Bibbja biex tgħin lil oħrajn?

Sirt waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​1995, u minn dak iż-​żmien ’l hawn minn qalbi qsamt m’oħrajn l-​affarijiet li tgħallimt mill-​Bibbja. Pereżempju, waħda mill-​kollegi tiegħi ħaditha bi kbira meta ħuha kkommetta suwiċidju. Ir-​reliġjon tagħha tgħallem li Alla qatt ma jaħfer lill-​persuna li tikkommetti suwiċidju. Iżda jien urejtha kif il-​Bibbja tagħti tama taʼ rxoxt. (Ġwanni 5:28, 29) Tassew ħassitha mfarrġa meta tgħallmet li l-​Ħallieq jimpurtah minna. F’mumenti bħal dawn, inħoss li meta naqsam veritajiet Bibliċi m’oħrajn nikseb iktar sodisfazzjon milli nikseb mix-​xjenza nfisha!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja