INTERVISTA | DAVEY LOOS
Bijokimiku Jispjega t-Twemmin Tiegħu
Il-bijokimiku Belġjan Davey Loos xi darba kien jiddubita jekk jeżistix Ħallieq, u minflok kien jemmen fl-evoluzzjoni. Maż-żmien biddel fehemtu. X’ġiegħel lil dan ir-riċerkatur jerġaʼ jikkunsidra t-twemmin tiegħu dwar l-oriġini tal-ħajja? Stenbaħ! staqsieh dwar ix-xjenza u t-twemmin tiegħu.
Kif involvejt ruħek fir-riċerka xjentifika?
Meta dħalt l-università, għażilt li nistudja l-kimika. Kienu partikularment jaffaxxinawni l-proteini u l-aċidi nuklejċi, li huma bil-wisq l-iktar molekuli kumplessi fuq il-pjaneta tagħna. Maż-żmien, interessajt ruħi bil-kbir dwar kif ċerti molekuli jirrispondu għad-dawl tax-xemx.
Kont temmen f’Alla?
Iva, meta kont għadni żgħir. Imma iktar tard, waqt li kont qed nistudja fl-Università Kattolika taʼ Leuven, ġejt mgħallem li l-affarijiet ħajjin ġew minn proċessi naturali. Il-professuri għamlu wħud minn dawn il-proċessi jidhru kkomplikati mhux ħażin. Huma kienu xjentisti tal-esperjenza, u għalhekk emmint dak li qalu. Eventwalment, sibtha diffiċli naċċetta l-eżistenza t’Alla.
X’ġiegħlek terġaʼ tikkunsidra l-oriġini tal-ħajja?
Fl-1999, iltqajt maʼ ħabib li kien l-iskola miegħi u li kien sar wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, u attendejt waħda mil-laqgħat tagħhom. Ukoll, dik il-ħabta, ġie għandna wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova u ħalla kopja tal-ktieb Is There a Creator Who Cares About You?a
X’deherlek minnu l-ktieb?
Bqajt impressjonat bil-kwalità tar-riċerka li kien fih. Bdejt naħseb jekk l-evoluzzjoni kinitx tispjega verament kif inhuma magħmulin l-affarijiet li jidhru fin-natura.
X’impressjonak l-iktar fin-natura?
Bħala bijokimiku, xogħli kien jinvolvi li nistudja kif inhuma magħmulin ċerti molekuli li jinsabu fiċ-ċjanobatterji, mikroorganiżmi li jgħixu fl-oċeani u li ma jiddependux minn affarijiet ħajjin oħra għall-ikel. Xi riċerkaturi jaħsbu li dawn l-organiżmi kienu l-ewwel affarijiet ħajjin fil-pjaneta tagħna. Billi jużaw l-enerġija mid-dawl tax-xemx, dawn il-mikrobi jużaw proċess kimiku kkomplikat immens—li għadu ma ġiex mifhum għalkollox—biex jikkonvertu l-ilma u d-dijossidu karboniku f’ikel. Bqajt mistagħġeb ukoll bl-effiċjenza inkredibbli li biha ċ-ċjanobatterji jistgħu jassorbu d-dawl.
Anki l-weraq jużaw id-dawl tax-xemx biex jagħmlu l-ikel. Allura, x’hemm notevoli dwar il-batterji li semmejt?
Iktar ma tinżel fil-fond tal-baħar, inqas issib dawl. Allura ċ-ċjanobatterji li jgħixu hemm iridu jużaw kull nitfa taʼ enerġija taʼ dawl li jsibu, u dan jagħmluh permezz taʼ antenni sofistikati ferm. L-enerġija li jiġbru tiġi trasmessa lejn fejn jiġi prodott l-ikel bi kważi effiċjenza assoluta. Il-mod kif inhu magħmul dan il-makkinarju li jassorbi d-dawl ġibed ukoll l-attenzjoni tal-manifatturi tal-pannelli solari. Bla dubju, l-effiċjenza taċ-ċelluli solari magħmulin mill-bniedem m’għandhom xejn x’jaqsmu maʼ dik tas-sistemi li jinsabu fil-batterji.
Dan wasslek għal liema konklużjoni?
Ħsibt dwar l-inġiniera li jipprovaw jimitaw il-mekkaniżmi meraviljużi li jinsabu fi ħlejjaq ħajjin, u wasalt għall-konklużjoni li l-ħajja bilfors li ġiet iddisinjata minn Alla
Ħsibt dwar l-inġiniera li jipprovaw jimitaw il-mekkaniżmi meraviljużi li jinsabu fi ħlejjaq ħajjin, u wasalt għall-konklużjoni li l-ħajja bilfors li kienet iddisinjata minn Alla. Imma l-fidi tiegħi ma kinitx ibbażata biss fuq dak li tgħallimt fix-xjenza. Kienet ibbażata wkoll fuq studju bir-reqqa tal-Bibbja.
Xi kkonvinċiek li l-Bibbja hi minn Alla?
Waħda mill-ħafna affarijiet li kkonvinċewni kienet it-twettiq iddettaljat taʼ profeziji Bibliċi. Pereżempju, Isaija ddeskriva fid-dettall il-mewt u d-dfin taʼ Ġesù minn sekli qabel. Nafu li din il-profezija nkitbet qabel il-mewt taʼ Ġesù għax ir-Romblu taʼ Isaija, li nstab f’Qumran, ġie kkopjat xi mitt sena qabel ma twieled Ġesù.
Dik il-profezija tgħid: “Il-post għad-dfin tiegħu jkun mal-ħżiena, u f’mewtu jkun mal-klassi taʼ l-għonja.” (Isaija 53:9, 12) Taʼ min jinnota li Ġesù ġie maqtul mal-kriminali imma ġie midfun f’qabar taʼ familja tat-tajjeb. Dan hu biss eżempju wieħed mill-profeziji mwettqin li kkonvinċewni li l-Bibbja hi ispirata minn Alla. (2 Timotju 3:16) Maż-żmien, sirt wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
Għala int ferħan li int Xhud taʼ Ġeħova?
Il-fidi tagħna mhijiex fidi għamja li tinjora l-fatti tax-xjenza
Il-fidi tagħna mhijiex fidi għamja li tinjora l-fatti tax-xjenza. Barra minn hekk, il-prinċipji li jiggwidawna huma bbażati fis-sod fuq il-Bibbja. Bħala Xhud taʼ Ġeħova nieħu gost naqsam m’oħrajn il-messaġġ taʼ faraġ mill-Bibbja u ngħinhom isibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħhom.
a Ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.