LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 12/13 pp. 4-7
  • Tista’ Tafdahom l-Aħbarijiet?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tista’ Tafdahom l-Aħbarijiet?
  • Stenbaħ!—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Bżonn Għal Bilanċ
  • Għandek il-fatti kollha?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • L-Aħbarijiet tat-Televiżjoni—Kemm Minnhom Ikunu Aħbarijiet Tassew?
    Stenbaħ!—2000
  • Għala għandek tiċħad l-istampa li tpinġi l-midja?—It-2 parti: Għall-ġuvintur
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Jien Dipendenti Żżejjed mit-Teknoloġija?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2013
g 12/13 pp. 4-7

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Tistaʼ Tafdahom l-​Aħbarijiet?

ĦAFNA nies jiddubitaw dak li jaqraw u jisimgħu fl-​aħbarijiet. Pereżempju, fl-​2012, fi stħarriġ dwar l-​opinjoni pubblika fl-​Istati Uniti, in-​nies ġew mistoqsijin “kemm jafdaw u għandhom fiduċja” fl-​eżattezza, l-​imparzjalità, u l-​kompletezza tar-​rapporti tal-​aħbarijiet tal-​gazzetti, tat-​TV, u tar-​radju. It-​tweġiba taʼ 6 minn kull 10 persuni kienet “mhux wisq” jew “xejn affattu.” Nuqqas taʼ fiduċja bħal dan hu ġġustifikat?

Ħafna ġurnalisti u l-​organizzazzjonijiet li jaħdmu magħhom ikkommettew ruħhom biex jipproduċu rapporti eżatti u informattivi. Madankollu, hemm lok għal dubju. Ikkunsidra l-​fatturi li ġejjin:

  • NEGOZJANTI TAL-​MIDJA. Xi sorsi importanti tal-​aħbarijiet huma l-​proprjetà taʼ xi kumpaniji kbar. Dawn il-​kumpaniji għandhom influwenza qawwija fuq liema stejjer jiġu rrapportati, kif jiġu ppreżentati, u kemm jingħataw prominenza. Minħabba li l-​biċċa l-​kbira tal-​kumpaniji jagħmlu l-​qligħ, id-​deċiżjonijiet li jieħdu s-​sorsi tal-​aħbarijiet jistgħu jkunu mmotivati minn interessi ekonomiċi. Stejjer li jistgħu jtellfu l-​qligħ tas-​sidien taʼ aġenzija tal-​aħbarijiet ma jiġux irrapportati.

  • GVERNIJIET. Ħafna minn dak li nsiru nafu mill-​midja għandu x’jaqsam mal-​politikanti u l-​azzjonijiet tal-​gvern. Il-​gvernijiet iridu jikkonvinċu lill-​pubbliku biex jappoġġa l-​politika u l-​uffiċjali tagħhom. U ladarba l-​midja teħtieġ materjal mill-​gvern, il-​ġurnalisti u s-​sorsi tal-​gvern kultant jikkooperaw flimkien.

  • REKLAMAR. Fil-​maġġoranza tal-​pajjiżi, is-​sorsi tal-​midja jridu jaqilgħu l-​flus biex ma jfallux, u ħafna minn dan jiġi mir-​reklamar. Fl-​Istati Uniti, bejn 50 u 60 fil-​mija mill-​qligħ tar-​rivisti jiġi mir-​reklamar, dak tal-​gazzetti 80 fil-​mija, u tat-​TV u r-​radju kummerċjali 100 fil-​mija. Bir-​raġun, dawk li jirreklamaw ma jridux jisponsorjaw programmi li jitfgħu dell ikrah fuq il-​prodotti jew fuq is-​servizzi tagħhom. Jekk dak li aġenzija tal-​aħbarijiet qed tipproduċi ma jogħġobhomx, huma jistgħu jirreklamaw band’oħra. B’dan f’moħħhom l-​edituri jistgħu ma jippubblikawx stejjer tal-​aħbarijiet li jixħtu dell ikrah fuq dawk li jirreklamaw magħhom.

  • DIŻONESTÀ. Mhux ir-​riporters kollha huma onesti. Xi ġurnalisti jivvintaw l-​istejjer. Pereżempju, ftit snin ilu, riporter fil-​Ġappun ried jikteb artiklu dwar kif il-​bugħaddasa kienu qed jagħmlu l-​ħsara lill-​qroll f’Okinawa. Wara li ma sab ebda qroll ivvandalizzat, hu stess għamel ħsara lil ftit minnu u mbagħad ġibidlu xi ritratti. Ir-​ritratti jistgħu wkoll jiġu mbagħbsin biex il-​pubbliku jiġi mqarraq. It-​teknoloġija tat-​tbagħbis tar-​ritratti mxiet ’il quddiem, u hu prattikament impossibbli li tinduna b’ċerti bidliet.

  • INFLUWENZA. Anki jekk il-​fatti huma sodi bħall-​blat, kif jiġu ppreżentati jiddependi mill-​fehma tal-​ġurnalist. Liema fatti għandhom jiġu inklużi fi storja, u liema għandhom jitħallew barra? Pereżempju, tim tal-​futbol setaʼ tilef logħba b’żewġ gowls. Dan fatt. Imma r-​raġuni għala tilef hu rakkont li l-​ġurnalist jistaʼ jgħid b’diversi modi.

  • DETTALJI NEQSIN. Hu u jiġbor il-​fatti biex jikteb storja konvinċenti, ġurnalist spiss iħalli barra dettalji li jikkomplikaw l-​affarijiet u kwistjonijiet li ma ġewx solvuti. Dan iwassal biex ċerti fatti jiġu esaġerati u oħrajn imċekknin. Peress li l-​preżentaturi u r-​riporters kultant ikollhom jgħidu storja kkomplikata f’minuta jew tnejn, xi dettalji importanti jistgħu jitħallew barra.

  • KOMPETIZZJONI. Hekk kif f’dawn l-​aħħar snin in-​numru tal-​istazzjonijiet tat-​TV żdied, il-​ħin li t-​telespettaturi jqattgħu jaraw stazzjon wieħed biss naqas ġmielu. Sabiex iżommu t-​telespettaturi interessati, l-​istazzjonijiet tal-​aħbarijiet kienu mġegħlin joffru xi ħaġa unika jew divertenti. Hu u jitkellem fuq dan l-​iżvilupp, il-​ktieb Media Bias jgħid: “L-​aħbarijiet [tat-​TV] bdew kważi l-​ħin kollu juru ritratti magħżulin biex jaħsdu jew jeċċitaw u l-​istejjer ġew imqassrin biex jikkorrispondu mal-​ħin [li dejjem jiqsar] taʼ kemm idumu jagħtu kas it-​telespettaturi.”

  • ŻBALJI. Minħabba li huma umani, il-​ġurnalisti jagħmlu żbalji ġenwini. Kelma miktuba ħażin, koma mhix f’postha, żball fil-​grammatika—dawn kollha jistgħu jgħawġu t-​tifsira taʼ sentenza. Il-​fatti jistgħu ma jkunux iċċekkjati sew. In-​numri wkoll jistgħu jfixklu ġurnalist li biex iħaffef jilħaq ilesti fil-​ħin jistaʼ faċilment jittajpja 10,000 minflok 100,000.

  • KALKOLI FOLOZ. Li tagħmel rapport eżatt mhux faċli daqskemm wieħed jaħseb. Dak li jidher li hu fatt illum jistaʼ jiġi pprovat li jkun żbaljat l-​għada. Pereżempju, fl-​antik kienu jemmnu li d-​dinja kienet iċ-​ċentru tas-​sistema solari tagħna. Issa nafu li d-​dinja ddur max-​xemx.

Bżonn Għal Bilanċ

Waqt li jkun għaqli li ma nemmnux kulma naqraw fl-​aħbarijiet, ma jagħmilx sens li m’hemm xejn li nistgħu nafdaw. Is-​sigriet jistaʼ jkun f’li nużaw l-​għaqal waqt li nżommu moħħna miftuħ.

Il-​Bibbja tgħid: “Mhux il-​widna tiżnu l-​kliem bħalma s-​saqaf tal-​ħalq itiegħem l-​ikel?” (Ġob 12:11) Mela dawn huma xi pariri li se jgħinuna niżnu l-​kliem li nisimgħu u naqraw:

  • MIN JIPPROVDI R-​RAPPORT: Ġej ir-​rapport minn sors li tistaʼ tafdah, persuna jew organizzazzjoni taʼ awtorità? Il-​programm jew il-​pubblikazzjoni għandha reputazzjoni taʼ serjetà jew taʼ sensazzjonaliżmu? Min jipprovdi l-​fondi għas-​sors tal-​aħbar?

  • SORSI: Hemm evidenza taʼ riċerka fil-​fond? L-​istorja hi bbażata fuq sors wieħed biss? Is-​sorsi huma taʼ min joqgħod fuqhom, imparzjali, u newtrali? Huma bbilanċjati, jew intgħażlu biex jagħtu biss opinjoni waħda?

  • SKOP: Staqsi lilek innifsek: ‘L-​iskop tal-​aħbar hu primarjament biex jinforma jew għad-​divertiment? Qed jipprova jbigħ jew jappoġġa xi ħaġa?’

  • TON: Meta t-​ton taʼ aħbar hu rrabjat, vendikattiv, jew kritiku żżejjed, dan jagħti x’jifhem li għaddej xi attakk u mhux li hemm diskussjoni rraġunata.

  • KONSISTENZA: Huma l-​fatti konsistenti maʼ dawk f’artikli jew rapporti oħrajn? Jekk l-​istejjer jikkontradixxu lil xulxin, oqgħod attent!

  • FIL-​WAQT: L-​informazzjoni hi reċenti biżżejjed biex tkun aċċettabbli? Xi ħaġa li kien maħsub li kienet korretta 20 sena ilu tistaʼ tkun bla siwi llum. Mill-​banda l-​oħra, jekk l-​aħbar tkun storja li għadha qed tiżvolġi, forsi l-​informazzjoni ma tkunx kompleta jew komprensiva.

Mela, tistaʼ tafdahom l-​aħbarijiet? Insibu parir għaqli fl-​għerf taʼ Salamun, li kiteb: “Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ, imma min hu prudenti jqis il-​passi tiegħu.”—Proverbji 14:15.

Dwar Din ir-​Rivista

Issir riċerka bir-​reqqa biex tiġi ppubblikata r-​rivista Stenbaħ! Aħna nipprovaw niddokumentaw kull fatt, figura, u kwotazzjoni. Din ir-​rivista mhijiex influwenzata minn attivisti, min-​negozju, u minn kwalunkwe gvern uman. Din ir-​rivista hi appoġġata minn kontribuzzjonijiet volontarji. Il-​pubblikaturi tagħha jemmnu li l-​Bibbja hija l-​Kelma t’Alla u li dak li tgħid il-​Bibbja hu taʼ min jafdah.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja