LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 9/15 pp. 3-7
  • Iċ-ċelluli tiegħek—Libreriji ħajjin!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Iċ-ċelluli tiegħek—Libreriji ħajjin!
  • Stenbaħ!—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IĊ-​ĊELLULI GĦALA GĦANDHOM BŻONN L-​INFORMAZZJONI
  • “MIKTUB B’TALI MOD LI NIFHMUH”
  • MINN FEJN ĠIET IL-​KITBA?
  • JAGĦMEL DIFFERENZA?
  • Qis l-Evidenza
    Stenbaħ!—2012
  • Nittawlu Iktar fil-​Fond minn ġol-​Mikroskopju
    Stenbaħ!—1999
  • X’Hemm wara l-​Misteru tal-​Ħajja?
    Stenbaħ!—1999
  • Il-Ħażna ta’ Informazzjoni tad-DNA
    Stenbaħ!—2013
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2015
g 9/15 pp. 3-7
L-informazzjoni fid-DNA taʼ ċellula, murija bħala kotba fuq xkafef taʼ librerija

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Iċ-​ċelluli tiegħek—Libreriji ħajjin!

FL-​1953, il-​bijologi molekulari James Watson u Francis Crick ippubblikaw skoperta li kienet importanti ħafna għall-​fehma xjentifika tal-​ħajja. Kienu skoprew l-​istruttura qisha molla doppja tad-​DNA.a Din is-​sustanza qisha ħajta—li fil-​biċċa l-​kbira tinsab fin-​nukleu taċ-​ċelluli—fiha informazzjoni b’kowd, jew “bil-​miktub,” li tagħmel iċ-​ċelluli bħallikieku qishom libreriji ħajjin. Din l-​iskoperta tal-​għaġeb fetħet era ġdida fil-​bijoloġija! Imma l-​“kitba” li hemm fiċ-​ċelluli liema skop isservi? Iżjed taʼ interess, minn fejn ġiet?

IĊ-​ĊELLULI GĦALA GĦANDHOM BŻONN L-​INFORMAZZJONI

Qatt ħsibt kif żerriegħa ssir siġra jew kif bajda ffertilizzata ssir bniedem? Qatt ħsibt kif uritt il-​karatteristiki tiegħek? It-​tweġibiet jinvolvu l-​informazzjoni misjuba fid-​DNA.

Molekula tad-DNA, tixbah sellum twil u mibrum bl-iskaluni

Kważi ċ-​ċelluli kollha fihom id-​DNA, molekuli kumplessi li jixbhu slielem twal mibrumin. Fil-​materjal ġenetiku tal-​bniedem, jew is-​sett komplut tad-​DNA tagħna, is-​slielem fihom bejn wieħed u ieħor tliet biljun “skaluna” kimika. Ix-​xjentisti jsejħu dawn l-​iskaluni bażijiet bi tnejn, għax kull skaluna hi magħmula minn żewġ sustanzi kimiċi, li b’kollox hemm erbgħa minnhom. Dawn is-​sustanzi jiġu mqassrin skont l-​ewwel ittra taʼ kull waħda, A, Ċ, G, u T—bħallikieku alfabett sempliċi b’erbaʼ ittri.b Fl-​1957, Crick issuġġerixxa li hi s-​sekwenza lineari tal-​iskaluni kimiċi li tifforma l-​istruzzjonijiet b’kowd. Fis-​snin 60, dan il-​kowd beda jiġi mifhum.

L-​informazzjoni, kemm jekk tkun f’forma taʼ stampi, sawnds, jew kliem, tistaʼ tiġi merfugħa u pproċessata f’ħafna modi. Il-​kompjuters, pereżempju, jagħmlu dan b’mod diġitali. Ċelluli ħajjin jerfgħu u jipproċessaw l-​informazzjoni kimikament, u d-​DNA hu s-​sustanza ewlenija. Meta ċ-​ċelluli jinqasmu u l-​organiżmi jirriproduċu, id-​DNA jgħaddi għaċ-​ċellula jew l-​organiżmu l-​ġdid—abbiltajiet li huma kkunsidrati karatteristiki li jiddefinixxu l-​ħajja.

Iċ-​ċelluli kif jużaw l-​informazzjoni? Id-​DNA qisu ġabra taʼ riċetti, kull waħda fiha proċessi pass pass, kull wieħed minnhom imniżżel bir-​reqqa bi frażijiet preċiżi. Imma minflok ma r-​riżultat aħħari jkun kejk jew gallettina, ikun kaboċċa jew baqra. M’għandniex xi ngħidu, fiċ-​ċelluli ħajjin, il-​proċessi huma awtomatiċi għalkollox, u dan iżid jerġaʼ iżjed komplessità u sofistikazzjoni.

L-​informazzjoni f’ċellula taʼ batterju kienet timla ktieb taʼ 1,000 paġna

Informazzjoni ġenetika tiġi merfugħa sakemm ikun hemm il-​bżonn, forsi biex isiru ċelluli ġodda u f’saħħithom flok dawk qodma jew morda jew biex jingħaddu karatteristiki lill-​ulied. Id-​DNA kemm jesaʼ informazzjoni? Ikkunsidra wieħed mill-​iżgħar organiżmi, il-​batterju. Ix-​xjentist Ġermaniż Bernd-​Olaf Küppers qal: “Biex nifhmu f’termini umani, il-​kitba molekulari li tiddeskrivi kif inhi magħmula ċellula taʼ batterju kienet tkun id-​daqs taʼ ktieb taʼ elf paġna.” Bir-​raġun, il-​professur tal-​kimika David Deamer kiteb: “Timpressjona ruħek bil-​komplessità taʼ anki l-​iktar forma sempliċi tal-​ħajja.” Dan kif jitqabbel mal-​materjal ġenetiku tal-​bniedem? “[Kien] jimla librerija taʼ diversi eluf taʼ kotba,” jgħid Küppers.

DNA—Dati importanti

  • 1869 Il-​kimiku Friedrich Miescher identifika dak li issa nsejħulu deoxyribonucleic acid, jew DNA.

  • Kmieni fis-​snin 1900 Il-​bijokimiku Phoebus Levene skopra l-​ordni taʼ ċerti komponenti kimiċi tad-​DNA u kif dawn jingħaqdu biex jifformaw molekula qisha katina.

  • 1950 Il-​bijokimiku Erwin Chargaff skopra li d-​DNA ivarja fost l-​ispeċi.

  • 1953 Ix-​xjentisti James Watson u Francis Crick iddeskrivew l-​istruttura qisha molla doppja tad-​DNA.

“MIKTUB B’TALI MOD LI NIFHMUH”

Li l-​kitba fid-​DNA tiġi deskritta bħala “lingwa molekulari tal-​materjal ġenetiku” hu iżjed minn “sempliċi metafora,” jgħid Küppers. “Bħal lingwa umana,” jispjega hu, “il-​lingwa molekulari tal-​materjal ġenetiku fiha wkoll dimensjoni sintattika.” Fi kliem sempliċi, id-​DNA għandu “grammatika,” jew sett taʼ regoli li jirregolaw bir-​reqqa kif l-​istruzzjonijiet tagħha huma miktubin u kif jitwettqu.

Il-​“kliem” u s-​“sentenzi” fid-​DNA jifformaw id-​diversi “riċetti” li jmexxu l-​produzzjoni taʼ proteini u sustanzi oħra li jifformaw il-​komponenti tad-​diversi ċelluli li jagħmlu l-​ġisem uman. Pereżempju, ir-​“riċetta” tistaʼ tiggwida l-​produzzjoni taċ-​ċelluli tal-​għadam, tal-​muskoli, tan-​nervituri, jew dawk tal-​ġilda. “Il-​filament tad-​DNA hu informazzjoni, messaġġ miktub b’kowd taʼ kimiċi, kimika waħda għal kull ittra,” kiteb l-​evoluzzjonista Matt Ridley. “Kważi lanqas temmen, imma jirriżulta li l-​kowd hu miktub b’tali mod li nistgħu nifhmuh.”

Il-​kittieb Bibliku David fit-​talb qal lil Alla: “Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-​ktieb tiegħek inkitbu l-​partijiet kollha tiegħi.” (Sa 139:16) M’għandniex xi ngħidu, David kien qed juża lingwaġġ poetiku. Minkejja dan, kellu raġun, kif inhu tipiku tal-​kittieba tal-​Bibbja. L-​ebda wieħed minnhom ma kien influwenzat xi ftit mill-​folklor fittizju jew mill-​mitoloġija taʼ popli oħra tal-​qedem.—2 Samwel 23:1, 2; 2 Timotju 3:16.

Ġenituri maʼ binthom ċkejkna

Tarbija kif tiret karatteristiki mingħand il-ġenituri tagħha?

MINN FEJN ĠIET IL-​KITBA?

Bħalma spiss jiġri, meta x-​xjentisti jispjegaw misteru wieħed, jiftħu bieb għal ieħor. Dan kien minnu rigward l-​iskoperta tad-​DNA. Meta ġie mifhum li d-​DNA fih informazzjoni b’kowd, kien hemm min ħaseb, ‘Minn fejn ġiet l-​informazzjoni?’ M’għandniex xi ngħidu, l-​ebda bniedem ma osserva l-​formazzjoni tal-​ewwel molekula tad-​DNA. Allura rridu naslu għall-​konklużjonijiet tagħna stess. Jerġaʼ, dawn il-​konklużjonijiet m’għandhomx għalfejn ikunu spekulattivi. Ikkunsidra x-​xebh li ġej.

  • Fl-​1999, frammenti taʼ fuħħar antik ħafna b’marki, jew simboli, mhux tas-​soltu nstabu fil-​Pakistan. Il-​marki għadhom mhumiex iddeċifrati. Minkejja dan, xorta huma meqjusa li huma magħmulin mill-​bniedem.

  • Ftit snin wara li Watson u Crick skoprew l-​istruttura tad-​DNA, żewġ fiżiċi pproponew li jsir tfittix għal sinjali tar-​radju li fihom messaġġ mill-​ispazju. B’hekk beda t-​tfittix għall-​intelliġenza estraterrestrijali taʼ żmienna.

X’inhu l-​punt? In-​nies jagħtu l-​krettu għall-​informazzjoni lil xi ħadd intelliġenti, kemm jekk l-​informazzjoni hi fil-​forma taʼ simboli fuq it-​tafal u kemm jekk tkun mill-​ispazju. M’għandhomx għalfejn jaraw l-​informazzjoni tinħalaq biex jaslu għal din il-​konklużjoni. Però, meta skoprew l-​iktar kowd sofistikat li jaf bih il-​bniedem—il-​kowd kimiku tal-​ħajja—ħafna injoraw il-​loġika, u taw il-​krettu tad-​DNA lil proċess bla ħsieb. Hu raġunevoli dan? Hu konsistenti? Hu xjentifiku? Numru taʼ xjentisti rispettati jgħidu le. Dawn jinkludu lil Dr. Gene Hwang u lill-​Professur Yan-​Der Hsuuw.c Ikkunsidra x’jgħidu dawn.

Dr. Gene Hwang jistudja l-​bażi matematika tal-​ġenetika. Kien hemm żmien meta kien jemmen fl-​evoluzzjoni, imma r-​riċerka tiegħu biddlitlu l-​ħsieb. “L-​istudju tal-​ġenetika,” qal hu lil Stenbaħ! “jipprovdi dehen fil-​mekkaniżmi tal-​ħajja—dehen li jimmeraviljani minħabba l-​għerf tal-​Ħallieq.”

Il-​Professur Yan-​Der Hsuuw hu d-​direttur tar-​riċerka fuq l-​embriji fit-​Taiwan’s National Pingtung University of Science and Technology. Hu wkoll xi darba kien jemmen bl-​evoluzzjoni—sakemm ir-​riċerka tiegħu wasslitu biex idawwar ħsiebu. Rigward id-​diviżjoni tal-​ċelluli u kif jispeċjalizzaw, hu qal: “Iċ-​ċelluli għandhom jiżviluppaw fl-​ordni t-​tajjeb u fil-​postijiet it-​tajbin. L-​ewwel jinġabru biex jifformaw nisġa taʼ ċelluli li mbagħad isiru organi jew riġlejn jew dirgħajn. Liema inġinier jistaʼ saħansitra joħlom li jikteb istruzzjonijiet għal proċess bħal dan? Madankollu, l-​istruzzjonijiet għall-​iżvilupp taʼ embriju huma miktubin b’mod tal-​għaġeb fid-​DNA. Meta nqis is-​sbuħija taʼ dan kollu, jien konvint li l-​ħajja kienet iddisinjata minn Alla.”

1. Dr. Gene Hwang; 2. Il-Professur Yan-Der Hsuuw

Gene Hwang (xellug) u Yan-Der Hsuuw

JAGĦMEL DIFFERENZA?

Il-​ġustizzja tgħid iva! Jekk Alla ħalaq il-​ħajja, mela jistħoqq il-​krettu lil Alla, mhux lill-​evoluzzjoni. (Rivelazzjoni 4:11) Ukoll, jekk aħna xogħol Ħallieq kollu għerf, mela qegħdin hawn għal raġuni. Dan ma kienx ikun il-​każ kieku l-​ħajja kienet ir-​riżultat taʼ proċess li sar waħdu.d

Tabilħaqq, nies li jilħqilhom jixxennqu li jkollhom tweġibiet sodisfaċenti. “It-​tfittxija tal-​bniedem għal tifsir hi l-​motivazzjoni primarja f’ħajtu,” qal Viktor Frankl, li kien professur tan-​newroloġija u l-​psikjatrija. Fi kliem ieħor, għandna ġuħ spiritwali li nixtiequ nissodisfaw—ġuħ li jagħmel sens biss fl-​għarfien taʼ ħolqien speċjali. Imma jekk aħna xogħol idejn Alla, tana hu l-​mezzi biex nissodisfaw il-​bżonn spiritwali tagħna?

Ġesù Kristu wieġeb dik il-​mistoqsija meta qal: “Il-​bniedem mhux bil-​ħobż biss jgħix, imma wkoll b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova [jew Alla].” (Mattew 4:4) Kliem Ġeħova, li hu mniżżel fil-​Bibbja, issodisfa l-​ġuħ spiritwali taʼ miljuni taʼ nies, tahom raġuni biex jgħixu, u pprovdielhom tama għall-​futur. (1 Tessalonikin 2:13) Jalla l-​Bibbja tagħmel l-​istess għalik. Għall-​inqas, dan il-​ktieb uniku jistħoqqlu l-​konsiderazzjoni tiegħek.

a Watson u Crick bnew fuq ix-​xogħol taʼ riċerkaturi oħra qabilhom fuq id-​DNA (li jfisser deoxyribonucleic acid).—Ara l-​kaxxa “Id-​DNA—Dati importanti.”

b L-​ittri huma l-​abbrevjazzjonijiet taʼ adenina, ċitosin, gwanina, u timina.

c Numru taʼ intervisti lil xjentisti rispettati jistgħu jinstabu fuq il-​Websajt tagħna, jw.org, bl-​Ingliż. Ikklikkja fuq il-​buttuna Search, u ikteb “interview scientist.”

d Il-​mistoqsija dwar il-​ħolqien u l-​evoluzzjoni hi diskussa iżjed fil-​fond fil-​browxers The Origin of Life—Five Questions Worth Asking u Was Life Created? disponibbli fuq www.pr418.com.

Hi l-​evoluzzjoni teorija xjentifika?

Teorija xi jrid ikollha biex tkun teorija xjentifika? Skont l-​Encyclopedia of Scientific Principles, Laws, and Theories, teorija xjentifika, bħat-​teorija tal-​gravità taʼ Albert Einstein, għandha

  1. Tkun tistaʼ tiġi osservata

  2. Tkun tistaʼ tiġi riprodotta permezz taʼ esperimenti kkontrollati

  3. Tkun tistaʼ tiddetta x’se jiġri

Fid-​dawl taʼ dan, kif treġi l-​evoluzzjoni?e Ma tistax taraha taħdem. Ma tistax tiġi riprodotta. U ma tistax tbassar preċiżament x’se jiġri. Tistaʼ l-​evoluzzjoni saħansitra titqies bħala ipotesi xjentifika? L-​istess enċiklopedija tgħid li ipotesi hi “iżjed osservazzjoni tentattiva taʼ fatti [milli hi teorija],” però tgħin “biex konklużjonijiet ikunu jistgħu jiġu ttestjati b’esperimenti.”

e Bil-​kelma “evoluzzjoni,” irridu nfissru “makro-​evoluzzjoni”—pereżempju, xadini jsiru bnedmin. Il-​“mikro-​evoluzzjoni” tirreferi għal bdil żgħir fi speċi waħda, forsi permezz taʼ tnissil selettiv.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja