LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 11/15 pp. 7-9
  • Il-ħajja mingħajr il-vista

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-ħajja mingħajr il-vista
  • Stenbaħ!—2015
  • Materjal Simili
  • Għin lil dawk għomja jitgħallmu dwar Ġeħova
    Il-Ministeru tas-Saltna—2015
  • Tikek li Jbiddlu l-​Ħajjiet
    Kif Jintużaw id-Donazzjonijiet Tiegħek?
  • Intejbu l-Abbiltajiet Tagħna fil-Ministeru—Nagħtu Xhieda lil Persuni Neqsin mid-Dawl
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2020
  • Louis Braille—Jagħti d-Dawl lil Priġunieri tad-Dlam
    Stenbaħ!—2000
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2015
g 11/15 pp. 7-9
Paqui u r-raġel tagħha

Il-​ħajja mingħajr il-​vista

“Tlift il-​biċċa l-​kbira tal-​vista wara t-​twelid meta tawni taqtir tal-​għajnejn aħrax. Fl-​adoloxxenza għamejt għalkollox u waqajt f’dipressjoni qawwija.”—Paqui, mara li għandha mal-​45 sena u li r-​raġel tagħha hu agħma wkoll.

LI WIEĦED ikun agħma jew li jkollu xkiel serju tal-​vista jistaʼ jkun kaġun taʼ ħafna affarijiet, inkluż inċidenti u mard. Dawn jistgħu jeffettwaw l-​għajnejn, in-​nervi ottiċi, jew il-​moħħ. Nies li jitilfu l-​biċċa l-​kbira tal-​vista jew kollha kemm hi spiss jesperjenzaw ċaħda, niket, u biżaʼ. Però, ħafna jitgħallmu jkampaw tajjeb ħafna u jkollhom ħajja sodisfaċenti.

Normalment, l-​għajnejn huma s-​sors primarju tal-​informazzjoni dwar id-​dinja taʼ madwarna. Allura, meta xi ħadd jitlef il-​vista, jistrieħ ħafna iżjed fuq is-​sensi l-​oħra—is-​smigħ, ix-​xamm, il-​mess, u t-​togħma.

Skont ir-​rivista Scientific American, ir-​riċerka fuq in-​newroplastiċità (il-​kapaċità li għandu l-​moħħ biex jinbidel u jadatta) tissuġġerixxi li l-​moħħ għandu l-​abbiltà “biex jinbidel bl-​esperjenza.” L-​artiklu jżid: “Evidenza qawwija turi li meta jonqos id-​dħul taʼ informazzjoni minn wieħed mis-​sensi tagħna, il-​moħħ hu kapaċi jerġaʼ jorganizza lilu nnifsu biex jappoġġa u jsaħħaħ sensi oħra.” Ikkunsidra dan li ġej:

Is-​smigħ: Minn vuċijiet sa passi tas-​saqajn, il-​ħsejjes jistgħu jpinġu stampa mentali. “Tgħallimt nagħraf u niftakar lin-​nies mill-​vuċi tagħhom u anki minn kif jimxu,” jgħid raġel agħma jismu Fernando. Juan, li hu wkoll agħma, jgħid: “Għal persuna għamja, il-​vuċi taʼ xi ħadd hi l-​identità tiegħu.” U bħalna lkoll, l-​għomja jieħdu nota tat-​ton tal-​vuċi, li jistaʼ jipproduċi varjetà taʼ emozzjonijiet.

Lill-​widna mħarrġa taʼ persuna għamja, il-​ħsejjes jagħtu ħafna informazzjoni dwar l-​ambjent—mid-​direzzjoni tat-​traffiku sad-​daqs taʼ kamra, kif ukoll il-​post taʼ ċerti ostakli.

Ix-​xamm: Is-​sens tax-​xamm jistaʼ jkun sors rikk taʼ informazzjoni, imma mhux biss dwar is-​sors tal-​irwejjaħ. Pereżempju, meta persuna għamja timxi tul ċerta rotta, is-​sens tax-​xamm tagħha jistaʼ jgħinha tifforma mappa mentali li tistaʼ tinkludi ħwienet tal-​kafè, restoranti, swieq, u nibqgħu sejrin. M’għandniex xi ngħidu, ħsejjes familjari jżidu mal-​mappa, bħalma jagħmlu d-​dettalji li jiġu mis-​sens tal-​mess.

Il-​mess: “Subgħajja huma għajnejja,” jgħid Francisco. Il-​vista taʼ dawn l-​“għajnejn” tistaʼ tiżdied permezz taʼ bastun. Manasés, li twieled agħma u tgħallem juża bastun fit-​tfulija, qal, “Naf eżatt fejn inkun grazzi għas-​sensi l-​oħra u l-​memorja tiegħi u l-​għamla tal-​bankina li nħoss bl-​għajnuna tal-​bastun tiegħi.”

Persuna taqra rivista tat-Torri tal-Għassa bil-Braille

Tinqara rivista tat-Torri tal-Għassa bil-Braille

Is-​sens tal-​mess ukoll jippermetti lil ħafna nies għomja jaqraw permezz taʼ letteratura ppubblikata bil-​Braille. Infatti, daż-​żmien, hu komuni li persuna għamja jkollha aċċess għal ammont taʼ provvedimenti biex ittejjeb il-​ħajja mentali u spiritwali tagħha. Minbarra pubblikazzjonijiet bil-​Braille, dawn il-​provvedimenti jinkludu rekordings bl-​awdjo u teknoloġija bbażata fuq il-​kompjuter. Bl-​għajnuna taʼ dawn, l-​għomja jistgħu jaqraw il-​Bibbja u varjetà taʼ għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja.a

Dawn il-​provvedimenti spiritwali kienu sors taʼ faraġ u tama liema bħalhom għal Paqui u żewġha, li ssemmew fil-​bidu. Kisbu wkoll l-​appoġġ taʼ familja spiritwali kbira, il-​kongregazzjoni Kristjana lokali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. “Issa nistgħu ngħixu ħajja sodisfaċenti u raġunevolment indipendenti,” tgħid Paqui.

Tabilħaqq, l-​għama tippreżenta sfidi speċjali. Imma x’turija hi din taʼ kemm il-​bniedem hu kapaċi jadatta ruħu u jirkupra meta jilqaʼ dawn l-​isfidi u jkompli jesperjenza l-​ferħ tal-​ħajja!

a Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jipproduċu għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja bil-​Braille f’iżjed minn 25 lingwa.

Għalkemm agħmi, għandi ħajja sodisfaċenti

Marco Antonio u l-kelb gwida tiegħu, Dante

Marco Antonio hu raġel miżżewweġ, missier, u qiegħed bi sħab f’negozju. Ukoll, twieled agħma. Hu tkellem maʼ Stenbaħ! dwar affarijiet li jġibulu l-​ferħ u oħrajn li jippreżentawlu sfida.

Int negozjant. Kif jirnexxilek twettaq dan?

Bħala xogħol, nieħu ħsieb it-​telefonati, niltaqaʼ mal-​klijenti u maʼ nies li jġibulna x-​xogħol, u nieħu ħsieb affarijiet bankarji.

X’tagħmel għar-​rikreazzjoni?

Jien inħobb il-​mużika. Tirrilassani. U ndoqq il-​pjanu, għalkemm dan hu taʼ sfida għax ma nistax naqra l-​mużika bil-​Braille u fl-​istess ħin indoqqha biż-​żewġ idejn. Meta ndoqq biċċa mużika għall-​ewwel darba, naqraha b’idi l-​leminija u ndoqq il-​pjanu bix-​xellugija. Imbagħad nirripeti l-​proċess, imma bil-​kontra. Meta nitgħallem il-​mużika bl-​amment, indoqq b’idejja t-​tnejn.

Iffaċċjajt xi sfidi speċjali?

Jien u nikber, il-​ġenituri u ħuti ħadu ħsiebi tajjeb, u ttrattawni bħallikieku ma kontx agħma. Veru, kont naħbat mal-​affarijiet u naqaʼ imma drajt nagħmel il-​biċċa l-​kbira tal-​affarijiet li persuna bil-​vista tkun tistaʼ tagħmel. Meta kbirt, l-​unika ħaġa li vera ttikatni kienet li ma stajtx insuq.

Issa jien raġel miżżewweġ u missier, għandi familja li tħobbni, nappoġġaha u ttini appoġġ. Ibni l-​għażiż, David, wiret il-​kundizzjoni tiegħi—atrofija tan-​nerv ottiku. Imma qed nipprova nkun t’eżempju tajjeb għalih. Irridu jitgħallem li bil-​paċenzja u d-​determinazzjoni, jistaʼ jagħmel ħafna affarijiet.

Issa għandek kelb gwida. Għala ddeċidejt ikollok wieħed?

B’Dante—hekk jismu l-​kelb tiegħi—nistaʼ nimxi b’pass iżjed mgħaġġel u b’iktar sigurtà. Meta mmur xi mkien għall-​ewwel darba, marti, Loli, li mhix għamja, tiġi magħna biex jien u Dante nitgħallmu t-​triq. Nammetti li għall-​ewwel sibtha diffiċli nafda s-​sigurtà tiegħi lil kelb. Imma Dante kiseb il-​fiduċja sħiħa tiegħi. Jiġri x’jiġri madwarna, hu jikkonċentra fuq xogħlu. Imma meta nneħħilu ċ-​ċinga, iġib ruħu bħal kwalunkwe kelb ieħor.

Bħala Xhud taʼ Ġeħova, kif tagħmel studju personali tal-​Bibbja?

Meta t-​teknoloġija għall-​għomja kienet limitata, Loli kienet taqrali l-​Bibbja u għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja. Kienet ħafna t’għajnuna. B’hekk, stajt saħansitra nagħti taħditiet fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Però, daż-​żmien, nistaʼ naqra għalija nnifsi għax għandi l-​Bibbja u l-​għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja bil-​Braille. Nistaʼ wkoll immur fuq il-​Websajt tax-​Xhieda taʼ Ġeħova—jw.org—minn fejn nistaʼ nniżżel rekordings bl-​awdjo. U għandi apparat tal-​Braille li jippermettili naqra dak li jkun hemm fuq il-​monitor tal-​kompjuter. L-​apparat għandu l-​faċilità li jifforma l-​ittri bil-​Braille. Ħaġa tal-​għaġeb!

Privileġġ li speċjalment ħadt pjaċir bih kien li ngħin biex tinqaleb letteratura għall-​Braille fl-​uffiċċju tal-​fergħa taʼ Spanja tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Madrid. Sabiex titjieb il-​kwalità tal-​pubblikazzjonijiet bil-​Braille, dawk li jippreparawhom japprezzaw is-​suġġerimenti tal-​għomja. Għalhekk, nistaʼ bl-​onestà kollha ngħid li nħossni kemm maħbub u kemm apprezzat minn ħuti spiritwali.

Tieħu pjaċir tikkomunika m’oħrajn?

Iva, speċjalment mal-​familja tiegħi u sħabi x-​Xhieda, li wkoll immur magħhom nipprietka minn bieb għal bieb. Ħuti spiritwali jittrattawni bħalma jittrattaw lil ħaddieħor. Infatti, kultant jinsew li jien agħmi!

Nixtieq inżid li l-​ministeru jippermettili naqsam m’oħrajn it-​tama prezzjuża misjuba fil-​Bibbja. Pereżempju, f’​Isaija 35:5 naqraw li taħt il-​gvern tas-​Saltna t’Alla, “jinfetħu għajnejn l-​għomja.” Meta Ġesù Kristu kien fuq l-​art, hu fejjaq lill-​għomja, u b’hekk tana ħarsa bil-​quddiem taʼ dak iż-​żmien fil-​futur. (Mattew 15:30, 31) Għalhekk, l-​għama hi problema temporanja, bħalma huma d-​diżabilitajiet l-​oħra kollha. Fil-​ġenna tal-​art li ġejja, ħadd mhu se jgħid, ‘Jien marid jew għandi diżabilità.’—Isaija 33:24; Luqa 23:43.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja