Dak li għandek tkun taf dwar kif tuża l-enerġija bil-għaqal
AĦNA niddependu mill-enerġija biex insaħħnu u nkessħu d-djar tagħna, biex nagħtu l-fjuwil il-vetturi tagħna, u biex nagħmlu ħafna attivitajiet taʼ kuljum. Però, in-nies madwar id-dinja qed jiffaċċjaw sfidi kbar minħabba l-enerġija.
Għal Gary, mill-Afrika t’Isfel, “iż-żieda fil-prezz tal-fjuwil” hi xi ħaġa serja. Jennifer, mill-Filippini, hi inkwetata għax m’għandhomx sors taʼ enerġija li tistaʼ tistrieħ fuqu, ladarba “d-dawl jinqataʼ kemm-il darba.” Fernando, minn El Salvador, jgħid li hu “inkwetat dwar l-impatt ambjentali.” F’ħafna postijiet madwar id-dinja, l-impjanti li jagħtu l-enerġija jħammġu l-ambjent.
Forsi għandek mnejn taħseb, ‘Imma jien min-naħa tiegħi x’nistaʼ nagħmel?’
Ilkoll nistgħu nagħżlu li nużaw l-enerġija bil-għaqal. Jekk ma naħlux l-enerġija u nużawha b’mod effettiv, se jkun taʼ benefiċċju. Billi nużaw inqas, se niffrankaw il-flus. Barra minn hekk, inkunu qed nipproteġu l-ambjent u ma nkomplux inżidu għal xejn b’xejn mad-domanda li dejjem tikber għall-enerġija.
Ejja nikkunsidraw tliet oqsma li fihom nistgħu nużaw l-enerġija iktar bil-għaqal: id-dar, it-trasport, u fl-attivitajiet taʼ kuljum.
ID-DAR
Uża s-sistema li ssaħħan u tkessaħ bil-għaqal. Studju fil-Gran Brittanja wera li meta t-termostat ġie mnaqqas b’żewġ gradi biss matul xitwa biex titnaqqas is-sħana, irriżulta li dan kien l-iktar mod kif ġiet iffrankata l-enerġija matul sena. Derek, li jgħix il-Kanada, jaqbel maʼ dan. Hu jgħid, “Billi fix-xitwa nilbsu flokkijiet li jsaħħnu minflok inġibu d-dar qisha forn, il-familja tagħna tuża inqas enerġija.”
L-istess prinċipji japplikaw għal meta nkessħu d-dar meta tkun is-sħana. Rodolfo, mill-Filippini, joqgħod attent kif juża l-arja kundizzjonata billi jissettja t-termostat. Għala? Hu jgħid, “B’dan il-mod niffrankaw il-flus u nibżgħu għall-enerġija wkoll.”
Żomm it-twieqi u l-bibien magħluqin meta tkun qed issaħħan jew tkessaħ id-dar tiegħek.a Nistgħu nevitaw li naħlu l-enerġija billi ma nħallux l-arja sħuna jew kiesħa toħroġ. Pereżempju, jekk tħalli bieb miftuħ meta tkun il-kesħa, se jkun hemm bżonn li tintuża ħafna iktar enerġija biex id-dar tisħon.
Minbarra li jżommu t-twieqi u l-bibien magħluqin, xi nies waħħlu twieqi apposta li jżommu s-sħana jew il-kesħa ġewwa ħalli b’hekk jużaw saħansitra inqas enerġija.
Uża dawl li jikkonsma inqas enerġija. Jennifer, li ssemmiet qabel, tgħid, “Aħna bdilna l-bozoz li konna nużaw u minflokhom bdejna nużaw bozoz energy saving.” Għalkemm dawn it-tip taʼ bozoz ikunu jiswew iktar, huma jaħlu ħafna inqas enerġija, u allura maż-żmien xorta tkun qed tiffranka l-flus.
IT-TRASPORT
Jekk hu possibbli, uża t-trasport pubbliku. “Kull meta nkun nistaʼ, ix-xogħol immur bit-trejn jew bir-rota,” jgħid Andrew, mill-Iskozja. Il-ktieb Energy: What Everyone Needs to Know ifakkarna li “l-karozzi jaħlu minn tal-inqas tliet darbiet iktar mill-karozzi tal-linji u t-trejns għal kull passiġġier.”
Organizza l-vjaġġi tiegħek. Billi taħseb minn qabel, tistaʼ tnaqqas il-vjaġġi li jkollok bżonn tagħmel, bħal pereżempju tagħmel xi qadi int u sejjer id-dar, u b’hekk tkun qed tuża inqas enerġija. Fl-istess ħin, tkun qed tiffranka l-ħin u jifdallek xi sold fil-but.
Jethro, mill-Filippini, jippjana li juża ċertu ammont taʼ fjuwil kull xahar. “Dan jgħinni biex nippjana aħjar il-vjaġġi tiegħi.”
L-ATTIVITAJIET TAʼ KULJUM
Naqqas kemm tuża misħun. Skont studju, “l-ammont taʼ enerġija biex ikun hemm misħun fid-djar jikkonsma medja taʼ 1.3% tal-enerġija kollha li tintuża fil-bliet Awstraljani, jiġifieri 27% tal-enerġija li tintuża fid-djar.”
Ladarba biex issaħħan l-ilma tikkonsma l-enerġija, meta tuża inqas misħun, tkun qed taħli inqas enerġija. Mhux taʼ b’xejn li Victor, mill-Afrika t’Isfel, jgħid: “Aħna nipprovaw nużaw ftit kemm jistaʼ jkun misħun meta ninħaslu.” Skont ix-xjentist Steven Kenway ‘hemm tliet benefiċċji f’li tuża inqas misħun. Tiffranka l-ilma u l-enerġija, tonqos id-domanda għall-enerġija, u tiffranka l-flus lill-konsumatur.’
Itfi. Dan jinkludi d-dwal, l-appliances, u affarijiet oħra bħat-televixins u l-kompjuters. Anki meta jkunu mitfijin, ħafna affarijiet bħal dawn xorta jaħlu jekk ma jkunux mitfijin għalkollox. Xi esperti jissuġġerixxu li taqlaʼ l-plakek minn mal-ħajt biex tiffranka saħansitra iktar enerġija. Fernando, li ssemma qabel, qabad dan il-vizzju, “Jien nitfi d-dwal u naqlaʼ l-plakek tal-appliances li ma nkunx qed nuża.”
Forsi personalment ma tantx għandna kontroll fuq kemm tinħela enerġija jew kemm din tagħmel ħsara lill-ambjent, imma nistgħu nagħżlu li nużaw l-enerġija bil-għaqal. Nies madwar id-dinja qed isibu modi kif jagħmlu dan. Veru, li tibżaʼ għall-enerġija għandu mnejn jirrikjedi iktar sforz u ħsieb, imma kkunsidra l-benefiċċji. Valeria, mill-Messiku, tgħid, “Niffranka l-flus u nipproteġi l-ambjent.”
a Segwi mill-qrib l-istruzzjonijiet tal-fabbrika biex tħaddem sew l-apparat li jsaħħan jew ikessaħ. Pereżempju, xi appliances jistgħu jirrikjedu li jkun hemm xi bieb jew tieqa mbexxqa biex tiċċirkola l-arja.