LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g19 Nru. 2 pp. 6-7
  • Kif ikunu umli

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif ikunu umli
  • Stenbaħ!—2019
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’JINVOLVI LI TKUN UMLI?
  • GĦALA HU IMPORTANTI LI T-​TFAL IKUNU UMLI?
  • KIF TGĦALLIMHOM IKUNU UMLI
  • Ikkultiva Umiltà Ġenwina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Ġeħova japprezza lill-qaddejja umli tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Għallem lil uliedek ikunu umli
    Stenbaħ!—2017
  • Int Kburi Jew Umli?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2019
g19 Nru. 2 pp. 6-7
Tifel ipoġġi ż-żibel f’tank taż-żibel

IT-2 LEZZJONI

Kif ikunu umli

X’JINVOLVI LI TKUN UMLI?

Nies umli juru rispett. Huma mhumiex arroganti, u lanqas ma jistennew li oħrajn jittrattawhom b’mod speċjali. Minflok, persuna umli tinteressa ruħha b’mod ġenwin f’oħrajn u tkun lesta li titgħallem minnhom.

Xi wħud jaħsbu li persuna umli hi persuna dgħajfa imma dan mhux veru. Anzi bil-​kontra, għax l-​umiltà tgħin lin-​nies jirrikonoxxu l-​iżbalji tagħhom u jammettu l-​limitazzjonijiet tagħhom.

GĦALA HU IMPORTANTI LI T-​TFAL IKUNU UMLI?

  • L-​umiltà tgħin fir-​relazzjonijiet. “B’mod ġenerali, nies umli jistgħu jagħmlu ħbieb iktar malajr,” jgħid il-​ktieb The Narcissism Epidemic. Iżid jgħid li dawn in-​nies isibuha “iktar faċli biex jikkomunikaw u jassoċjaw maʼ nies oħra.”

  • L-​umiltà se tgħin lit-​tifel tiegħek fil-​futur. Li t-​tifel tiegħek jitgħallem ikun umli se jgħinu kemm issa u anke iktar tard f’ħajtu, bħal pereżempju meta jkun qed ifittex xogħol. “Iż-​żagħżugħ li hu minfuħ bih innifsu u li ma jafx x’inhuma d-​dgħufijiet tiegħu, aktarx li mhux se jħalli impressjoni tajba meta japplika għal xogħol,” jikteb Dr. Leonard Sax. “Imma ż-​żagħżugħ li hu interessat b’mod ġenwin f’dak li qed jgħidlu min qed jagħmillu l-​intervista, għandu iktar ċans li jingħata x-​xogħol.”a

KIF TGĦALLIMHOM IKUNU UMLI

Għin lit-​tfal tiegħek biex ma jaħsbux li huma xi ħaġa.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Jekk xi ħadd jaħseb li hu xi ħaġa meta m’hu xejn, iqarraq bih innifsu.”—Galatin 6:3.

  • Toqgħodx tgħid lit-​tfal tiegħek frażijiet mhux realistiċi. Frażijiet bħal “Jistaʼ jkollok dak kollu li tixtieq qalbek” u “Tistaʼ ssir dak kollu li tixtieq” jistgħu jidhru li jimmotivaw lil dak li jkun, imma ħafna drabi din mhix ir-​realtà tal-​ħajja. It-​tfal tiegħek aktarx se jkollhom iktar suċċess jekk ikollhom miri raġunevoli u jaħdmu iebes biex jiksbuhom.

  • Faħħar azzjonijiet speċifiċi. Li sempliċiment tgħid lit-​tifel tiegħek “m’hawnx bħalek” ma jinkuraġġihx ikun umli. Kun speċifiku.

  • Illimita kemm it-​tfal jużaw il-​midja soċjali. Ħafna drabi fuq il-​midja soċjali, in-​nies iħobbu jgħidu kemm huma tajbin u jiftaħru bl-​affarijiet tajbin kollha li għamlu. Dan hu l-​kontra tal-​umiltà.

  • Inkuraġġixxi lit-​tfal tiegħek jiskużaw ruħhom malajr. Għinhom jindunaw fejn żbaljaw u biex jammettu dan.

Ħeġġiġhom juru gratitudni.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Uru li intom grati.”—Kolossin 3:15.

  • Gratitudni għall-​ħolqien. It-​tfal għandhom japprezzaw in-​natura u kemm niddependu minnha biex ngħixu. Aħna għandna bżonn l-​arja biex nieħdu n-​nifs, l-​ilma biex nixorbu, u l-​ikel biex nieklu. Uża dawn l-​eżempji biex tgħinhom japprezzaw, juru gratitudni, u jammiraw l-​affarijiet sbieħ kollha fil-​ħolqien.

  • Gratitudni lejn in-​nies. Fakkar lit-​tifel tiegħek li kulħadd hu superjuri għalih b’xi mod jew ieħor u li minflok m’għandu jgħir għal xi sengħa u abbiltà taʼ ħaddieħor, urih kif jistaʼ jitgħallem minnu.

  • Jesprimu gratitudni. Għallem lit-​tfal tiegħek biex jgħidu “grazzi,” mhux biss bil-​kliem imma billi juru apprezzament ġenwin. Li nkunu grati jgħinna biex nibqgħu umli.

Għallem lit-​tfal tiegħek li hu tajjeb li jgħinu lil oħrajn.

PRINĊIPJU BIBLIKU: ‘B’umiltà qisu lill-​oħrajn superjuri għalikom. Tfittxux l-​interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.’—Filippin 2:3, 4.

  • Qabbad lit-​tifel tiegħek jagħmel xi xogħol fid-​dar. Li ma tqabbadx lit-​tifel tiegħek biex jagħmel xogħol fid-​dar jistaʼ jagħtih il-​messaġġ, ‘Inti wisq importanti biex tagħmel dan!’ Ir-​responsabbiltajiet tal-​familja għandhom jiġu l-​ewwel u l-​logħob wara. Urih kif dan ix-​xogħol se jgħin lil oħrajn u li oħrajn se jirrispettawh u japprezzawh għax jagħmel dan.

  • Enfasizza li hu privileġġ li jgħin lil oħrajn. Li jagħmel dan se jgħinu biex jimmatura. Għalhekk, għin lit-​tifel tiegħek isir jaf min għandu bżonn l-​għajnuna. Iddiskuti miegħu dak li jistaʼ jagħmel biex jgħin. Faħħar u appoġġja lit-​tifel tiegħek waqt li jgħin lil oħrajn.

a Mill-​ktieb The Collapse of Parenting.

Tifel ipoġġi ż-żibel f’tank taż-żibel

ĦARRIĠHOM ISSA

Tfal li jitgħallmu jagħmlu xogħol umli fid-​dar għandhom iktar ċans li jaħdmu tajjeb m’oħrajn meta jsiru adulti

Għallem bl-​eżempju

  • Lit-​tfal tiegħi nurihom li xi kultant jien ukoll ikolli bżonn l-​għajnuna minn oħrajn?

  • Nitkellem b’mod pożittiv u b’apprezzament dwar oħrajn jew inċekken lil dak li jkun?

  • It-​tfal tiegħi jaraw li għalija hu importanti li ngħin lil oħrajn?

Dak li għamilna . . .

“It-​tifla tagħna bdiet tgħidilna dwar waħda fil-​klassi tagħha li, skont hi, lil oħrajn ma tittrattahomx tajjeb u huma ma tantx iħobbuha. Jien għedtilha biex taħseb f’dak li tistaʼ tkun għaddejja minnu d-​dar. Fuq kollox, mhux kulħadd jitrabba f’familja tajba. Dan għen lit-​tifla tagħna biex tara li hi mhix aħjar minn oħrajn. Sempliċiment jistaʼ jkun li ċ-​ċirkustanzi tagħha huma aħjar.”—Karen.

“Aħna ninkuraġġixxu lit-​tfal tagħna biex jieħdu pjaċir jitgħallmu l-​iskola u sempliċiment jagħmlu l-​aħjar tagħhom, mingħajr ma jqabblu lilhom infushom m’oħrajn. Aħna rriduhom ikunu jafu li lanqas aħna m’aħna ħa nqabbluhom m’oħrajn.”—Marianna.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja