F’DINJA TAL-BIŻAʼ
1 | Ipproteġi lil Saħħtek
GĦALA HU IMPORTANTI?
Il-kriżi jew id-diżastri jistgħu jeffettwaw is-saħħa tagħna b’modi differenti.
Meta jiġru affarijiet koroh, in-nies iħossuhom stressati. Imma meta n-nies jibqgħu stressati, ħafna drabi jispiċċaw jimirdu.
F’sitwazzjonijiet bħal diżastri u pandemiji, jistaʼ jkun diffiċli għall-isptarijiet biex ilaħħqu u biex ikun hemm biżżejjed mediċina.
F’dawn iż-żminijiet, in-nies jistaʼ ma jkollhomx biżżejjed flus biex jixtru li jkollhom bżonn, bħall-ikel u l-mediċina.
X’Għandek Tkun Taf?
Il-mard serju u l-istress iġegħluk tagħmel deċiżjonijiet ħżiena. Minħabba f’hekk, jaf tieqaf tagħmel affarijiet tajbin għal saħħtek u timrad iżjed.
Jekk ma tiħux ħsieb il-problemi taʼ saħħa, jistgħu tant jiggravaw li jwasslu għall-mewt.
Iktar ma tkun b’saħħtek iktar se tkun tistaʼ tieħu deċiżjonijiet tajbin fi żminijiet diffiċli.
Ma jagħmilx differenza kemm għandek flus, int tistaʼ tipproteġi lil saħħtek.
X’Tistaʼ Tagħmel minn Issa?
Meta jkun possibbli, xi ħadd bil-għaqal jara l-periklu minn qabel u jara x’jistaʼ jagħmel biex jevitah. Dan jgħodd ukoll għas-saħħa tagħna. Ħafna drabi jekk iżżomm lilek innifsek u d-dar nodfa se tnaqqas ir-riskju tal-mard. Li toqgħod attent minn qabel dejjem aħjar.
“Jien u l-mara nonfqu inqas flus fil-mediċina u t-tobba, għax nagħmlu ċert li nkunu nodfa u nżommu d-dar nadifa.”—Andreas.a
a Xi ismijiet f’din ir-rivista ġew mibdulin.