X’SE JIĠRI MID-DINJA?
L-ARJA
AĦNA għandna bżonn l-arja imma mhux biss biex nieħdu n-nifs. L-arja tipproteġi lid-dinja mill-iktar raġġi perikolużi tax-xemx. Mingħajr l-arja, it-temperatura taʼ madwar id-dinja tinżel taħt iż-żero.
Affarijiet li Qed Iħammġu l-Arja
Il-ħmieġ fl-arja jistaʼ jwassal biex tinqered il-ħajja fuq l-art. Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, wieħed fil-mija biss tal-popolazzjoni tad-dinja għandhom arja nadifa.
It-tinġis fl-arja jistaʼ jikkawża mard tan-nifs, kanċer fil-pulmun, u mard tal-qalb. Kull sena madwar sebaʼ miljun persuna qed imutu qabel iż-żmien minħabba t-tinġis fl-arja.
Id-Dinja—Iddisinjata b’Mod li Ma Tinqeridx
Il-pjaneta tagħna ġiet maħluqa biex kull ħaġa ħajja fuq l-art ikollha biżżejjed arja nadifa. Imma dan hu possibbli biss meta n-nies joqogħdu attenti biex ma jħammġux l-arja. Ejja naraw ftit eżempji.
Kulħadd jaf kemm il-foresti kapaċi jassorbu dijossidu karboniku mill-arja. Imma ħafna ma jafux kemm jagħmlu ġid is-siġar tal-mangrovja (mangroves) li jikbru f’artijiet imdawrin bl-għadajjar viċin il-kosta tal-baħar. Is-siġar tal-mangrovja kapaċi jneħħu d-dijossidu karboniku mill-arja ħames darbiet iktar mill-foresti tropikali.
Fi studji li saru dan l-aħħar, sabu li tip taʼ alka li tissejjaħ kelp kapaċi tneħħi d-dijossidu karboniku mill-arja. Il-kelp, li qisu weraq, għandu boroż żgħar fih li jimtlew bl-arja u minħabba f’hekk joħroġ ʼil barra mal-kurrent. Xħin ikun f’baħar miftuħ dawn il-boroż żgħar jinfaqgħu u l-kelp, li jkun mimli dijossidu karboniku, jinżel f’qiegħ il-baħar. Hemmhekk jintradam għal mijiet taʼ snin u jispiċċa.
Fil-lockdown tal-COVID-19 rajna kemm l-arja kapaċi titnaddaf weħidha. Fl-2020, meta l-fabbriki u l-karozzi kważi waqfu għalkollox, it-tinġis fl-arja naqas u l-kwalità tal-arja mill-ewwel marret għall-aħjar. Skont rapport, iktar minn 80 fil-mija tal-pajjiżi li ħadu sehem fl-istudju raw l-arja iktar nadifa ftit wara li daħlu fil-lockdown.—2020 World Air Quality Report.
X’Qed Isir Biex Tissolva l-Problema
Jekk nużaw ir-rota nistgħu ngħinu biex innaqqsu t-tinġis fl-arja.
Il-gvernijiet qed jinkuraġġixxu lill-industriji biex inaqqsu t-tinġis fl-arja. Ukoll, xjentisti qed ikomplu jsibu modi ġodda kif inaqqsu l-effetti ħżiena tal-arja. Pereżempju, proċess minnhom jinvolvi l-użu tal-mikrobi. Dawn ibiddlu t-tinġis fl-arja u jdawruhom f’affarijiet li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Flimkien ma’ dan, esperti jħeġġu lin-nies biex jużaw ir-rota jew jimxu minflok ma jsuqu, u fid-djar tagħhom jużaw iżjed affarijiet li jaħlu inqas enerġija.
Għalkemm ħafna gvernijiet qed jipprovdu lin-nies cookers moderni biex inaqqsu t-tinġis fl-arja, ħafna nies s’issa xorta għad m’għandhomx.
Imma dan mhux biżżejjed, skont rapport minn aġenziji internazzjonali bħall-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u l-Bank Dinji.
Ir-rapport qal li fl-2020, terz min-nies fid-dinja jużaw affarijiet li jħammġu l-arja meta jsajru. F’ħafna pajjiżi ftit nies jistgħu jixtru cooker jew jużaw modi oħra biex isajru.
Raġunijiet li Jagħtuna Tama—Dak li Tgħid il-Bibbja
“Hekk qal l-Alla l-veru, Ġeħova, il-Ħallieq tas-smewwiet u . . . Dak li medd l-art u l-prodott tagħha, li ta n-nifs lin-nies taʼ fuqha.”—Isaija 42:5.
Alla ħalaq l-arja biex inkunu nistgħu nieħdu n-nifs u ċ-ċikli fin-natura li jnaddfu l-arja. Ukoll, għandu qawwa bla limitu u mħabba kbira għan-nies. Allura ma jagħmilx sens li Alla jrid jagħmel xi ħaġa biex inaddaf l-arja? Ara l-artiklu “Alla Jwiegħed li d-Dinja Mhux Se Tinqered.”