Kapitlu 12
Int Involut Fi Kwistjoni Vitali
1, 2. (a) Il-mod kif tgħix għala tassew jimporta għalik? (b) Għal min iktar jimporta, u għala?
KIF INT tgħix ħajtek tassew jimporta. Ikun ifisser għalik jew futur hieni jew wieħed miżerabbli. Eventwalment dan se jiddetermina jekk tiġix imwarrab maʼ din id-dinja jew tibqax ħaj fit-tmiem tagħha għal ġod-dinja l-ġdida taʼ tjieba t’Alla fejn tistaʼ tgħix għal dejjem.—1 Ġwann 2:17; 2 Pietru 3:13.
2 Imma kif tgħix ħajtek jeffettwa iktar milli lilek biss. Hemm oħrajn involuti. Dak li tagħmel int jeffettwa lilhom ukoll. Per eżempju, jekk il-ġenituri tiegħek huma ħajjin, dak li tagħmel int jistaʼ jġibilhom jew ġieħ jew għajb. Il-Bibbja tgħid: “Iben għaref hu dak li jferraħ lil missieru, u iben stupidu hu n-niket t’ommu.” (Proverbji 10:1) Iktar importanti, kif tgħix ħajtek jeffettwa ’l Alla Jehovah. Jistaʼ jew jagħmlu hieni jew jagħmlu mdejjaq. Għala? Minħabba kwistjoni vitali li int involut fiha.
SE JKUNU L-BNEDMIN LEALI LEJN ALLA?
3. Satana liema sfida għamel lil Jehovah?
3 Din il-kwistjoni ġiet imqajma minn Satana x-Xitan. Qajjimha meta rnexxielu jġiegħel lil Adam u Eva jiksru l-liġi t’Alla u b’hekk jingħaqdu miegħu fl-irvell kontra Alla. (Ġenesi 3:1-6) Dan lil Satana pprovdielu dak li huwa ħaseb li kien bażi għalih f’li jindirizza ’l Jehovah bl-isfida: ‘In-nies jaqduk biss għal dak li jakkwistaw mingħandek. Agħtini biss iċ-ċans u nkun nistaʼ ndawwar lil kwalunkwe bniedem lil hinn minnek.’ Għalkemm dan il-kliem fil-fatt ma jidhirx fil-Bibbja, hija ħaġa ċara li Satana qal xi ħaġa bħal din ’l Alla. Dan huwa muri fil-Bibbja fil-ktieb taʼ Ġob.
4, 5. (a) Min kien Ġob? (b) X’ġara fis-sema fi żmien Ġob?
4 Ġob kien raġel li għex ħafna sekli wara li sar l-irvell fil-ġnien t’Għeden. Kien raġel twajjeb u qaddej leali t’Alla. Imma kien tassew jimporta għal Alla jew għal Satana li Ġob kien leali? Il-Bibbja turi li kien. Tgħidilna dwar każ meta Satana deher quddiem Jehovah fil-qrati tas-sema. Innota s-suġġett tad-diskursata taʼ bejniethom:
5 “Issa wasal il-jum meta wlied dak Alla veru daħlu biex jieħdu posthom quddiem Jehovah, u saħansitra Satana ssokta jidħol sewwa sew f’nofshom. Imbagħad Jehovah qal lil Satana: ‘Minfejn ġej?’ Għal dan Satana wieġeb lil Jehovah u qal: ‘Milli niġġerra ’l hawn u ’l hinn fl-art u milli nimxi ’l hawn u ’l hinn fiha.’ U Jehovah issokta jgħid lil Satana: ‘Xħett qalbek fuq il-qaddej tiegħi Ġob, li m’hemm ħadd bħalu fuq l-art, raġel bla ħtija u rett, jibżaʼ minn Alla u jwarrab mill-ħażen?’”—Ġob 1:6-8.
6. Il-Bibbja liema kwistjoni turi li eżistiet fi żmien Ġob?
6 Jehovah lil Satana għala semmielu li Ġob kien raġel rett? B’mod ċar, kien hemm kwistjoni dwar jekk Ġob kienx se jibqaʼ leali lejn Jehovah jew le. Aħseb dwar il-mistoqsija t’Alla, “Minfejn ġej?” u t-tweġiba taʼ Satana, “Milli niġġerra ’l hawn u ’l hinn fl-art u milli nimxi ’l hawn u ’l hinn fiha.” Din il-mistoqsija u t-tweġiba taʼ Satana wrew li Jehovah kien qiegħed jippermetti lil Satana opportunità li jkun ħieles li jwettaq l-isfida tiegħu li setaʼ jdawwar lil kwalunkwe bniedem lil hinn minn Alla. Sewwa, x’kienet it-tweġiba taʼ Satana għall-mistoqsija taʼ Jehovah dwar il-fedeltà taʼ Ġob?
7, 8. (a) Satana għal liema raġuni qal li Ġob kien jaqdi ’l Alla? (b) Jehovah x’għamel biex jissetilja l-kwistjoni?
7 “Għal dan Satana wieġeb lil Jehovah u qal: ‘Huwa għalxejn li Ġob beżaʼ minn Alla? Ma tellajtx int innifsek ħajt protettiv madwaru u madwar daru u madwar kulma għandu kullimkien? Ix-xogħol taʼ jdejh int berikt, u l-istess bhejjem tiegħu xterrdu maʼ l-art. Imma, biex tvarja ftit, oħroġ idek, jekk jogħġbok, u miss kulma għandu u ara jekk jisħtekx f’wiċċek stess.’”—Ġob 1:9-11.
8 Bit-tweġiba tiegħu Satana kien qiegħed iġib skuża għall-fedeltà taʼ Ġob lejn Alla. ‘Ġob jaqdik,’ argumenta Satana, ‘minħabba l-affarijiet li tagħtih, mhux għaliex iħobbok.’ Satana wkoll ilmenta li Jehovah kien qiegħed juża l-poter akbar tiegħu b’mod inġust. ‘Int dejjem ipproteġejtu,’ qal huwa. Mela, biex jissetilja l-kwistjoni, Jehovah wieġeb: “Ħares! Kulma għandu qiegħed f’idek. Kontra tiegħu nnifsu biss toħroġx idek!”—Ġob 1:12.
9. Satana liema inkwiet qalaʼ lil Ġob, u b’liema riżultat?
9 Minnufih Satana beda jaqlaʼ l-inkwiet lil Ġob. Ġiegħel li l-bhejjem kollha taʼ Ġob jew jinqatlu jew jinsterqu. Imbagħad ħa ħsieb li jinqatlu l-għaxart itfal taʼ Ġob. Ġob tilef kważi kollox, u madankollu baqaʼ leali lejn Jehovah. Ma seħitx ’l Alla. (Ġob 1:2, 13-22) Imma dak ma kienx it-tmiem tal-kwistjoni.
10. Liema ħaġa turi li Satana ma qatax qalbu?
10 Satana għal darb’oħra deher maʼ l-anġli l-oħrajn quddiem Jehovah. Mill-ġdid Jehovah staqsa lil Satana jekk kienx ra l-fedeltà taʼ Ġob u qal: “Saħansitra xorta għadu jżomm sod l-integrità tiegħu.” Għal dan Satana wieġeb: “Ġilda għan-nom taʼ ġilda, u kulma għandu bniedem se jagħtih għan-nom taʼ ruħu. Biex tvarja ftit, oħroġ idek, jekk jogħġbok, u miss s’għadmu u laħmu u ara jekk jisħtekx f’wiċċek stess.”—Ġob 2:1-5.
11. (a) Satana x’tiġrib ieħor qalagħlu lil Ġob? (b) X’kien ir-riżultat?
11 Bi tweġiba, Jehovah ta lil Satana permess biex jagħmillu kulma setaʼ lil Ġob, għalkemm Alla qal: ‘Ma tridx toqtlu.’ (Ġob 2:6) Mela Satana laqat lil Ġob b’marda terribbli. Is-sofferenza taʼ Ġob tant kienet kbira li talab biex imut. (Ġob 2:7; 14:13, 14) Martu stess daret kontra tiegħu, billi qaltlu: “Isħet ’l Alla u mut!” (Ġob 2:9) Imma Ġob irrifjuta. “Sakemm nintemm m’inix se nneħħi l-integrità tiegħi minni nnifsi!” qal hu. (Ġob 27:5) Ġob baqaʼ leali lejn Alla. Għalhekk ġie pprovat li Satana kien żbaljat fl-isfida tiegħu li Ġob kien jaqdi ’l Alla biss għall-qligħ materjali u mhux għall-imħabba. Ġie muri wkoll li Satana ma setax idawwar lil kulħadd milli jaqdi ’l Alla.
12. (a) Ġob x’risposta pprovda ’l Alla għall-isfida taʼ Satana? (b) Il-fedeltà taʼ Ġesù lejn Alla tat liema prova?
12 Kif taħseb li ġegħlitu jħossu lil Jehovah il-fedeltà taʼ Ġob? Għamlitu hieni ħafna! Il-Kelma t’Alla tħeġġeġ: “Kun għaref, ibni, u ġiegħel lil qalbi tithenna, biex inkun nistaʼ nagħti risposta lil dak li qiegħed jinbixni.” (Proverbji 27:11) Huwa Satana li qiegħed jinbex lil Jehovah. U bil-korsa leali tiegħu Ġob ġiegħel lil qalb Alla tithenna. Din ipprovdiet ’l Alla risposta għat-tinbix jew sfida bi ftaħir taʼ Satana li l-bnedmin ma jaqduHx taħt prova. Ħafna oħrajn ukoll ipprovdew ’l Alla bi tweġiba bħal din. L-aqwa eżempju kien ir-raġel perfett, Ġesù. Hu żamm sod il-lealtà tiegħu lejn Alla minkejja l-provi u t-tiġrib kollha li Satana ġab fuqu. Dan ta prova li r-raġel perfett Adam setaʼ għamel l-istess kieku ried, u li Alla ma kienx inġust f’li jesiġi ubbidjenza sħiħa mill-bniedem.
FEJN TINSAB INT?
13. (a) Il-mod kif int tgħix ħajtek x’għandu x’jaqsam mal-kwistjoni? (b) Lil Alla kif nistgħu nagħmluh hieni jew nikkaġunawlu wġigħ?
13 Xi ngħidu dwar ħajtek? Għandu mnejn ma taħsibx li tassew jimporta kif tgħix. Imma jimporta. Taf jew ma tafx, dan jappoġġja jew in-naħa t’Alla jew dik tax-Xitan f’din il-kwistjoni. Jehovah jimpurtah minnek, u jrid jarak taqdih u tgħix għal dejjem fuq l-art magħmula ġenna. (Ġwann 3:16) Meta l-Iżraeliti rribellaw kontra Alla, hu sofra jew ħassu mweġġaʼ. (Salm 78:40, 41) Hija l-korsa taʼ ħajtek waħda li qiegħda tagħmel ’l Alla hieni jew li ġġiegħlu jsofri? M’għandniex xi ngħidu, biex tagħmel ’l Alla hieni teħtieġ li ssir taf il-liġijiet tiegħu u tobdihom.
14. (a) Rigward ir-relazzjonijiet sesswali, liema liġijiet irridu nobdu biex nagħmlu ’l Alla hieni? (b) Għala huwa att kriminali li tikser dawn il-liġijiet?
14 Mira prinċipali taʼ Satana hija li jġiegħel lin-nies jiksru l-liġijiet t’Alla li jiggvernaw l-użu tal-poteri riproduttivi tagħhom, u l-arranġament tiegħu taż-żwieġ u l-familja. Il-liġijiet t’Alla li jipproteġu l-hena tagħna jgħidu illi persuni li m’humiex miżżewġin m’għandhomx jieħdu sehem f’relazzjonijiet sesswali, u li persuni miżżewġin m’għandhomx ikollhom relazzjonijiet sesswali maʼ xi ħaddieħor għajr is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom. (1 Tessalonkin 4:3-8; Ebrej 13:4) Meta tinkiser il-liġi t’Alla, taʼ spiss jitwieldu tfal mingħajr ġenituri li jħobbuhom u jriduhom. Xi ommijiet jistgħu saħansitra jagħmlu abort u b’hekk joqtlu t-tfal qabel jistgħu jitwieldu. Barra minn dan, ħafna li jikkommettu l-fornikazzjoni jlaqqtu mard sesswali terribbli li jistaʼ jagħmel ħsara lit-tfal li jistgħu jkollhom. Huwa att taʼ infedeltà, att kriminali kontra Alla, li jkollok relazzjonijiet sesswali maʼ xi ħadd li mhux żewġek jew martek. Ġob qal: “Jekk qalbi ġiet imħajra lejn mara, u qgħadt nistenna wara l-bieb tal-ġar tiegħi . . . dak kien ikun orribbli, delitt taʼ min jikkundannah.”—Ġob 31:1, 9, 11, The New American Bible.
15. (a) Jekk nikkommettu l-fornikazzjoni, lil min nogħġbu? (b) Għala huwa għaqli li tobdi l-liġijiet t’Alla?
15 M’għandniex għax niskantaw li din id-dinja, li hija maħkuma mix-Xitan, tagħmilha tidher ħaġa normali u sewwa li jkollok relazzjonijiet sesswali maʼ persuna li lilha m’intix miżżewweġ. Imma jekk tagħmel hekk, lil min qiegħed togħġob? Lil Satana, mhux lil Jehovah. Biex tagħmel ’l Alla hieni, trid ‘taħrab mill-fornikazzjoni.’ (1 Korintin 6:18) Veru, m’huwiex dejjem faċli li tkun leali lejn Alla. Ma kienx faċli għal Ġob lanqas. Imma ftakar, huwa għaqli li tobdi l-liġijiet t’Alla. Tkun iktar hieni issa jekk tagħmel hekk. Imma, l-iktar importanti, tkun qiegħed tappoġġja n-naħa t’Alla tal-kwistjoni u se tagħmlu hieni. U hu jbierkek b’ħajja taʼ dejjem fl-hena fuq l-art.
16. (a) Ġob kif ġie mbierek għall-fedeltà tiegħu? (b) X’jistaʼ jingħad dwar il-ħsara li Satana jikkaġuna, bħal meta qatel l-10 ulied taʼ Ġob?
16 Veru, Satana rnexxielu jfaqqar lil Ġob u jikkaġuna l-mewt taʼ l-għaxart itfal tiegħu. M’hemmx dubju li din kienet telfa profonda għal Ġob. Imma meta Ġob wera l-fedeltà tiegħu, Alla bierku billi tah darbtejn iktar milli kellu qabel ma Satana tħalla jittestjah. Ġob reġaʼ kellu għaxart itfal oħrajn. (Ġob 42:10-17) Iktar minn hekk, nistgħu nkunu ċerti li l-għaxart itfal taʼ Ġob li nqatlu minn Satana se jinġabu lura għall-ħajja fl-irxoxt tal-mejtin. Verament, m’hemm ebda ħsara jew inkwiet li Satana jitħalla jikkaġuna li Missierna taʼ mħabba, Jehovah, mhux se jikkorreġi fiż-żmien stipulat minnu.
17. Il-mod kif ngħixu għala tassew jimporta?
17 Mela trid dejjem iżżomm f’moħħok li kif tgħix ħajtek tassew jimporta. Dan jimporta partikolarment ’l Alla Jehovah u Satana x-Xitan. Dan huwa għaliex int involut fil-kwistjoni dwar jekk il-bnedmin ikunux leali lejn Alla jew le.
[Stampa f’paġna 106]
Ġob laqaʼ l-isfida taʼ Satana li ħadd ma jibqaʼ leali lejn Alla taħt prova
[Stampa f’paġna 110]
Li jkollok relazzjonijiet sesswali maʼ xi ħadd li lilu m’intix miżżewweġ huwa att kriminali kontra Alla
[Stampa f’paġna 111]
Jehovah bierek lil Ġob għall-fedeltà tiegħu b’ferm iżjed milli kellu qabel