Kapitlu 20
It-Tieni Miraklu Waqt li Qiegħed f’Kana
META Ġesù jerġaʼ lura lejn pajjiżu wara kampanja estensiva taʼ ppridkar fil-Ġudea, ma hux biex jistrieħ. Anzi, huwa jibda ministeru saħansitra akbar fil-Galilija, l-art li fiha trabba. Imma d-dixxipli tiegħu, minflok ma jibqgħu miegħu, jerġgħu lura lejn il-familji tagħhom u lejn ix-xogħol li kellhom qabel.
Liema messaġġ jibda jippriedka Ġesù? Dan: “Is-Saltna t’Alla resqet qrib. Kunu niedma, u poġġu fidi fl-aħbar tajba.” U x’jiġri? In-nies tal-Galilija jilqgħu lil Ġesù. Kulħadd jistmah. Madankollu, dan mhux partikolarment minħabba l-messaġġ tiegħu imma, x’aktarx, għaliex ħafna minnhom kienu f’Ġerusalemm għall-Qbiż xhur qabel u raw is-sinjali tal-għaġeb li wettaq.
Milli jidher Ġesù jibda l-ministeru Galilew kbir tiegħu f’Kana. Iktar qabel, int forsi tiftakar, meta ġie lura mill-Ġudea, hu kien dawwar l-ilma f’inbid waqt tieġ hemmhekk. F’din it-tieni okkażjoni, it-tifel taʼ uffiċjal tal-gvern tas-Sultan Erodi Antipas jinsab marid ferm. Malli jismaʼ li Ġesù ġie mill-Ġudea lejn Kana, l-uffiċjal jivvjaġġa t-tul kollu minn daru f’Kapernahum biex isib lil Ġesù. B’niket kbir, ir-raġel jitolbu bil-ħniena: ‘Jekk jogħġbok ejja malajr, qabel imut it-tifel.’
Ġesù jwieġeb: ‘Mur lura d-dar. Ibnek imfejjaq!’ L-uffiċjal taʼ Erodi jemmen u jibda l-vjaġġ twil lura lejn daru. Matul it-triq jiltaqaʼ mal-qaddejja tiegħu, li ġew igħaġġlu biex igħidulu li kien kollox sew—ibnu fieq! ‘Meta għadda għall-aħjar?’ huwa jistaqsi.
‘ll-bieraħ fis-siegħa taʼ wara nofs in-nhar,’ huma jwieġbu.
L-uffiċjal jirrealizza li dak kien il-ħin preċiż meta Ġesù qallu, ‘Ibnek imfejjaq!’ Wara dan, ir-raġel u n-nies kollha taʼ daru jsiru dixxipli taʼ Kristu.
Kana b’hekk kienet iffavorita bħala l-post fejn, wara li reġaʼ lura mill-Ġudea, Ġesù darbtejn wettaq mirakli. Dawn, m’għandniex xi ngħidu, m’humiex l-uniċi mirakli li wettaq sa dan iż-żmien, imma huma sinjifikanti għaliex immarkaw il-miġja lura tiegħu fil-Galilija.
Ġesù issa jerħilha lejn daru ġewwa Nazzaret. X’hemm jistennieh hemmhekk? Ġwann 4:43-54; Mark 1:14, 15; Luqa 4:14, 15.
▪ Meta Ġesù jerġaʼ lura lejn il-Galilija, x’jiġri mid-dixxipli tiegħu, u n-nies kif jilqgħuh?
▪ Liema miraklu jwettaq Ġesù, u dan kif jeffettwa lil dawk involuti?
▪ Kana kif inhi b’hekk iffavorita minn Ġesù?