Kapitlu 21
Fis-Sinagoga tal-Belt Fejn Kien Joqgħod Ġesù
HEMM bla dubju eċċitament kbir f’Nazzaret meta Ġesù jerġaʼ lura d-dar. Qabel telaq biex ikun imgħammed minn Ġwanni ftit iktar minn sena qabel, Ġesù kien magħruf bħala mastrudaxxa. Imma issa huwa magħruf maʼ kullimkien bħala wieħed li jagħmel il-mirakli. Ir-residenti lokali jinsabu ħerqana biex jarawh jagħmel xi wħud minn dawn ix-xogħlijiet tal-għaġeb fosthom.
L-antiċipazzjoni tagħhom tkompli tikber hekk kif Ġesù, bħalma kienet id-drawwa tiegħu, imur fis-sinagoga lokali. Matul is-servizzi, hu jqum biex jaqra, u jingħatalu f’idejh ir-romblu tal-profeta Isaija. Hu jsib il-post fejn jitkellem dwar il-Wieħed midluk mill-ispirtu taʼ Jehovah, liema post insibuh f’kapitlu 61 fil-Bibbja tagħna llum.
Wara li jaqra dwar kif dan il-Wieħed kellu jxandar dwar il-ħelsien lill-imjassrin, l-ogħti lura tad-dawl lill-għomja, u dwar is-sena aċċettabbli taʼ Jehovah, Ġesù jagħti r-romblu lura lil min kien qed jieħu ħsieb u jpoġġi bil-qiegħda. Imbagħad jitkellem, x’aktarx fit-tul, billi jispjega: “Illum din l-iskrittura li għadkom kemm smajtu twettqet.”
In-nies jistagħġbu bil-“kliem ħelu” tiegħu: “Dan hu iben taʼ Ġużeppi, mhux hekk?” Imma billi jaf li jridu jarawh iwettaq xi mirakli, Ġesù jissokta: “Bla dubju intom se tapplikaw din it-tixbieha għalija, ‘Tabib, fejjaq lilek innifsek; l-affarijiet li smajna bħala li ġraw f’Kapernahum agħmilhom hawn ukoll fit-territorju tad-dar tiegħek.’” Milli jidher, dawk li darba kienu l-ġirien taʼ Ġesù jħossu li l-fejqan għandu jibda mid-dar, għall-ġid taʼ niesu stess. Allura jħossu li Ġesù kien naqashom.
Billi jirrealizza x’qegħdin jaħsbu, Ġesù jirrakkonta xi ġrajjiet li japplikaw mill-istorja. Kien hemm ħafna nisa romol f’Iżrael fi żmien Elija, huwa jinnota, imma Elija ma ntbagħat għand l-ebda waħda minnhom. Minflok, huwa mar għand armla mhix Iżraelita f’Sidon, fejn wettaq miraklu li salva l-ħajja. U fi żmien Eliżew, kien hemm bosta mġiddmin, imma Eliżew naddaf biss lil Nagħman li kien mis-Sirja.
Imgħaddba b’dawn it-tqabbiliet storiċi kontra tagħhom li kixfu l-egoiżmu u n-nuqqas taʼ fidi tagħhom, dawk li jkunu fis-sinagoga jqumu u jkaxkru lil Ġesù ’l barra mill-belt. Hemmhekk, ħdejn xifer il-muntanja li fuqha hi mibnija Nazzaret, jippruvaw jixħtuh minn fuq għal isfel. Imma Ġesù jeħles mill-ħatfa tagħhom u jitlaq ’il hemm. Luqa 4:16-30; 1 Slaten 17:8-16; 2 Slaten 5:8-14.
▪ Għala hemm tqanqil taʼ eċċitament f’Nazzaret?
▪ X’jaħsbu n-nies dwar id-diskors taʼ Ġesù, u mbagħad x’inhu li tant jirrabjahom?
▪ In-nies x’jippruvaw jagħmlulu lil Ġesù?