Kapitlu 23
Iktar Mirakli f’Kapernahum
F’JUM is-Sibt wara li Ġesù sejjaħ lill-ewwel erbaʼ dixxipli tiegħu—Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni—ilkoll kemm huma jmorru sas-sinagoga lokali f’Kapernahum. Hemmhekk Ġesù jibda jgħallem, u n-nies jinsabu mgħaġġbin għaliex hu jgħallimhom bħal wieħed li għandu awtorità u mhux bħall-iskribi.
F’dan il-jum tas-Sibt hemm preżenti raġel imxajtan. Wara xi ftit, dan igħajjat b’leħen għoli: “X’għandna x’naqsmu miegħek, Ġesù n-Nazzarenu? Ġejt biex teqridna? Jien naf eżatt min inti, il-Wieħed Qaddis t’Alla.”
Id-demonju li qed jikkontrolla lil dan ir-raġel huwa fil-fatt wieħed mill-anġli taʼ Satana. Fil-waqt li jċanfar lid-demonju, Ġesù jgħid: “Iskot, u oħroġ minn ġo fih!”
Sewwa, id-demonju jixħet lir-raġel f’dagħdiegħa u jibda jwerżaq kemm jiflaħ. Imma joħroġ mir-raġel mingħajr ma jweġġgħu. Kulħadd jibqaʼ ċċassat! “Dan x’inhu?” kulħadd jistaqsi. “Hu b’awtorità jordna saħansitra lill-ispirti mhux nodfa, u huma jobduh.” L-aħbar dwar dan tinxtered maʼ dawk l-inħawi kollha.
Wara li jitilqu mis-sinagoga, Ġesù u d-dixxipli tiegħu jmorru d-dar taʼ Xmun, jew Pietru. Hemmhekk il-kunjata taʼ Pietru tinsab marida ferm b’deni qawwi. ‘Jekk jogħġbok għinha,’ jitolbuh. Mela Ġesù jmur ħdejha, jaqbdilha idha, u jqajjimha. Minnufih hi tfiq u tibda tħejji ikla għalihom!
Iktar tard, wara nżul ix-xemx, nies minn kullimkien jibdew ġejjin lejn id-dar taʼ Pietru bil-morda tagħhom. Malajr il-belt kollha tinġabar wara l-bieb! U Ġesù jfejjaq lill-morda kollha, hi x’inhi l-marda tagħhom. Hu saħansitra jeħles lil dawk maħkuma minn demonju. Hekk kif ikunu ħerġin, id-demonji li jkeċċi jgħajtu: “Inti l-Iben t’Alla.” Imma Ġesù jċanfarhom u ma jħallihomx jitkellmu għaliex jafu li hu l-Kristu. Mark 1:21-34; Luqa 4:31-41; Mattew 8:14-17.
▪ X’jiġri fis-sinagoga f’jum is-Sibt wara li Ġesù jsejjaħ lill-erbaʼ dixxipli tiegħu?
▪ Ġesù fejn imur meta jħalli s-sinagoga, u liema miraklu jwettaq hemm?
▪ X’jiġri iktar tard f’dik l-istess lejla?