Kapitlu 24
Għala Ġesù Ġie Fuq l-Art
IL-JUM li Ġesù qattaʼ f’Kapernahum mal-erbaʼ dixxipli tiegħu kien wieħed taʼ taħbit, li kkonkluda billi n-nies taʼ Kapernahum ġabulu l-morda tagħhom biex ifejjaqhom matul fil-għaxija. Ma kien hemm ebda ħin għal privazija.
Issa ninsabu kmieni l-għada fil-għodu. Waqt li għadu d-dlam, Ġesù jqum u joħroġ barra waħdu. Hu jivvjaġġa lejn post imwarrab fejn jistaʼ jitlob lil Missieru fil-privat. Imma l-privazija taʼ Ġesù għomorha qasir għaliex meta Pietru u l-oħrajn jintebħu li Ġesù mhux hemm, imorru jfittxuh.
Meta jsibuh, Pietru jgħid: “Kollha qed ifittxuk.” In-nies taʼ Kapernahum iridu lil Ġesù jibqaʼ magħhom. Huma japprezzaw verament x’għamel hu għalihom! Imma ġie Ġesù fuq l-art primarjament biex iwettaq fejqan mirakoluż bħal dan? Hu x’igħid dwar dan?
Skond wieħed mir-rakkonti Bibliċi, Ġesù jwieġeb lid-dixxipli tiegħu: “Ejjew immorru x’imkien ieħor, fl-ibliet fil-qrib, biex inkun nistaʼ nippriedka hemm ukoll, għax huwa għal dan il-għan li jien ħriġt.” Għalkemm in-nies iħeġġu lil Ġesù biex jibqaʼ hemm, hu jgħidilhom: “Ukoll lil bliet oħra rrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla, għaliex għal dan jien kont mibgħut.”
Iva, Ġesù ġie fuq l-art partikolarment biex jippriedka dwar is-Saltna t’Alla, li se tivvindika l-isem taʼ Missieru u ssolvi darba għal dejjem l-inkwiet kollu tal-bnedmin. Madankollu, biex jagħti prova li hu mibgħut minn Alla, Ġesù jwettaq fejqan mirakoluż. Bl-istess mod Mosè, sekli qabel, kien wettaq xi mirakli biex jistabbilixxi l-kredenzjali tiegħu bħala l-qaddej t’Alla.
Issa, meta Ġesù jitlaq minn Kapernahum biex jippriedka fi bliet oħra, l-erbaʼ dixxipli tiegħu jmorru miegħu. Dawn l-erbgħa huma Pietru u ħuh Indri̇̀, u Ġwanni u ħuh Ġakbu. Int tiftakar li kien biss ġimgħa ilu li dawn ġew mistednin biex ikunu l-ewwel ħaddiema li jivvjaġġaw flimkien maʼ Ġesù.
Il-mawra taʼ ppridkar taʼ Ġesù fil-Galilija mal-erbaʼ dixxipli tiegħu hija suċċess tal-għaġeb! Fil-fatt, ir-rapport dwar l-attività tiegħu jinfirex saħansitra ġewwa s-Sirja kollha. Folol kbar mill-Galilija, mill-Ġudea, u min-naħa l-oħra tax-Xmara Ġordan isegwu lil Ġesù u lid-dixxipli tiegħu. Mark 1:35-39; Luqa 4:42, 43; Mattew 4:23-25; Eżodu 4:1-9, 30, 31.
▪ X’jiġri l-għada fil-għodu wara l-jum ħabrieki taʼ Ġesù f’Kapernahum?
▪ Ġesù għala ntbagħat lejn l-art, u liema għan jaqdu l-mirakli tiegħu?
▪ Min mar maʼ Ġesù fuq il-mawra tiegħu taʼ ppridkar fil-Galilija, u x’inhi r-reazzjoni għall-attivitajiet taʼ Ġesù?